Villa Tugendhat

dar b’arkitettura moderna f’Brno, iċ-Ċekja, iddisinjata minn Mies van der Rohe

Il-Villa Tugendhat hija binja arkitettonika sinifikanti f’Brno, iċ-Ċekja. Hija waħda mill-prototipi pijunieri tal-arkitettura moderna fl-Ewropa, u ġiet iddisinjata mill-arkitetti Ġermaniżi Ludwig Mies van der Rohe u Lilly Reich. Il-villa nbniet bil-konkos rinfurzat bejn l-1928 u l-1930[1] għal Fritz Tugendhat u martu Greta Tugendhat, u f’qasir żmien saret ikona tal-Moderniżmu. Fl-2001, il-Villa Tugendhat saret Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Veduta tal-villa mill-ġnien
 
Il-villa minn ġewwa

Il-villa fiha tliet sulari u ma tmiss ma ebda binja oħra. Hija mibnija fuq art għan-niżla u tħares lejn il-Lbiċ. It-tieni sular (il-pjan terren) jikkonsisti mis-salott prinċipali u mill-kmamar soċjali b’konservatorju, it-terrazza, il-kċina, u l-kmamar tas-sefturi. It-tielet sular (l-ewwel sular) għandu d-daħla ewlenija mit-triq b’passaġġ li jagħti għat-terrazza, is-sala kif tidħol, u l-kmamar għall-ġenituri, għat-tfal u għal impjegata li tieħu ħsieb it-tfal, bil-faċilitajiet xierqa. L-appartament tax-xufier bil-garaxxijiet u t-terrazza għandhom aċċess separat.[3]

Il-prinċipju tad-disinn ta’ Mies ta’ “inqas huwa iktar” u l-enfasi fuq il-faċilitajiet funzjonali ħolqu eżempju raffinat ta’ arkitettura bikrija tal-funzjonaliżmu, li kienet viżjoni ġdida ta’ żvolta fid-disinn tal-binjiet ta’ dak iż-żmien. Mies uża qafas tal-ħadid rivoluzzjonarju, li ppermettielu jeħles mill-ħitan ta’ sostenn, u b’hekk seta’ jirranġa l-ispazji fuq ġewwa b’tali mod li jikseb sensazzjoni ta’ spazju u dawl. Ħajt minnhom huwa folja tiżżerżaq tal-ħġieġ li tinżel sas-sular t’isfel bl-istess mod kif tinżel ħġieġa tat-tieqa ta’ vettura. Mies speċifika l-għamara fissa u mobbli tal-binja, b’kollaborazzjoni mad-disinjatur tal-ispazji ta’ ġewwa Lilly Reich (żewġ siġġijiet li kienu ġew iddisinjati għall-binja, is-siġġu ta’ Tugendhat u s-siġġu ta’ Brno, għadhom jiġu prodotti sa llum).[4] Fil-villa ma kienx hemm pitturi jew oġġetti dekorattivi, iżda l-ispazji fuq ġewwa xejn ma kienu awsteri minħabba l-użu ta’ materjali b’mudell naturali, bħall-ħajt tal-oniċi (ħaġra prezzjuża li tixbaħ l-irħam b’saffi ta’ diversi kuluri) u t-tipi ta’ injam tropikali rari. Il-ħajt tal-oniċi huwa parzjalment trasluċidu u jqisu jkanġi u jibdel id-dehra tiegħu meta x-xemx ta’ waranofsinhar tinżel. L-arkitett irnexxielu jagħmel il-veduta mill-isbaħ mill-villa parti integrali tal-ispazju fuq ġewwa.

 
Veduta tal-villa mit-triq

Il-kostruzzjoni tal-villa ġiet tiswa ħafna flus minħabba l-metodu ta’ kostruzzjoni mhux tas-soltu, il-materjali lussużi, u l-użu ta’ teknoloġija moderna għat-tisħin u għall-ventilazzjoni. Is-sular t’isfel nett kien jintuża bħala post fejn jinħażnu l-affarijiet tat-tindif. Kien hemm sistema tal-arja kkondizzjonata moderna ħafna għal dak iż-żmien u faċċata tal-ħġieġ li tinfetaħ għalkollox permezz ta’ mekkaniżmu mibni fil-ħajt stess. L-erja tal-art kienet kbira ferm u miftuħa meta mqabbel mal-medja tal-binjiet residenzjali ta’ dak iż-żmien, li apparti d-diversi kmamar fejn setgħu jinħażnu l-affarijiet, għamlet l-istruttura tassew unika jekk mhux saħansitra tikkonfondi lill-viżitaturi li ma kinux imdorrijin b’daqstant minimaliżmu.[4]

Karatteristiċi

immodifika

L-ispazju tas-salott prinċipali fih ħajt diviżorju magħmul mill-oniċi kannella-dehbi, li Mies ġab mill-Muntanji Atlas fil-Marokk u ssorvelja l-qtugħ u x-xogħol tat-tlestija finali hu stess fil-post.

Xi ħaġa mhux tas-soltu għal dak iż-żmien kienet l-arja kkondizzjonata.

Fis-sular t’isfel nett hemm serje ta’ kmamar tal-ħżin tal-affarijiet, inkluż mekkaniżmu apposta biex it-twieqi jinżlu, kif ukoll il-Mottenkammer, kamra apposta reżistenti għall-kamla biex jinħażnu l-kowtijiet tal-fer.[5]

Il-villa ġiet ikkummissjonata mill-koppja Ġermaniża Lhudija Fritz u Greta Tugendhat. Il-kumpanija tal-kostruzzjoni ta’ Artur u Mořic Eisler bdew jibnu l-villa fis-sajf tal-1929 u lestewha f’14-il xahar.

Fritz u Greta Tugendhat għexu fil-villa għal tmien snin biss qabel ma ħarbu lejn iċ-Ċekoslovakkja flimkien ma’ uliedhom fl-1938 (inkluż il-filosofu Ernst Tugendhat), ftit qabel ma l-pajjiż sfaxxa wara l-Ftehim ta’ Munich.

Il-familja marret tgħix l-Iżvizzera u mbagħad fil-Venezwela. Wara l-gwerra reġgħu lura l-Iżvizzera, iżda qatt ma reġgħu għexu fil-Villa Tugendhat (illum fiċ-Ċekja).[6]

Tieni Gwerra Dinjija

immodifika

Il-villa ġiet ikkonfiskata mill-Gestapo fl-1939 u ntużat bħala appartament u uffiċċju; l-ispazji fuq ġewwa tagħha ġew immodifikati u ħafna biċċiet ta’ għamara għebu.

Fl-1942, il-villa nkriet bħala uffiċini tad-disinn u tal-manifattura tal-ajruplani ta’ Messerschmitt. Willy Messerschmitt kellu l-appartament tiegħu stess fil-villa.

F’April 1945, Brno ġiet illiberata mill-Armata Ħamra. Unità tal-kavallerija Russa użat il-villa bħala stalla għaż-żwiemel, u kkawżat ħsara konsiderevoli, l-iktar lill-art tal-binja magħmula mil-linoleum abjad. Il-ftit li kien fadal mill-għamara tal-villa ntuża bħala ħatab għat-tisħin.[6]

Restawr wara l-gwerra u ftuħ għall-pubbliku

immodifika
 
Il-villa minn ġewwa minn angolu ieħor

Fis-snin ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-binja ġiet parzjalment irrestawrata u ntużat għal diversi skopijiet (pereżempju bħala ċentru tal-fiżjoterapija tat-tfal) għal bosta deċennji wara l-gwerra.[6]

Greta Tugendhat reġgħet lura fil-villa fl-1967 ma’ Dirk Lohan, arkitett espert mill-istudjo ta’ Chicago ta’ Mies (u tan-neputi tiegħu), u spjegatlu d-disinn oriġinali kif kien, u flimkien ma’ grupp ta’ arkitetti Ċeki ħadu ħsieb ix-xogħlijiet ta’ restawr.[7] Il-villa tniżżlet fil-Lista Nazzjonali tal-Wirt Kulturali fl-1969 u ġiet irrestawrata wara l-1980. Fis-26 ta’ Awwissu 1992, Václav Klaus u Vladimír Mečiar, il-mexxejja politiċi taċ-Ċekoslovakkja, iltaqgħu fil-villa biex jiffirmaw id-dokument li qasam il-pajjiż fir-Repubblika Ċeka u fir-Repubblika Slovakka. Fl-1994, il-villa ilha miftuħa għall-pubbliku bħala mużew amministrat mill-belt ta’ Brno.[6]

Fl-1993, il-Fond tal-Villa Tugendhat u l-Ħbieb ta’ Tugendhat ġew stabbiliti biex jippreservaw il-villa. Fl-1995, Brno rċeviet għotja ta’ $15,000 biex issir riċerka preliminari mill-Programm Ewropew ta’ Preservazzjoni ta’ Samuel H. Kress, li huwa parti mill-Fondi Dinji għall-Monumenti. Il-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Mużika u tal-Arti, ibbażata f’Liechtenstein, tat $100,000 u saret kontributur fiduċjarju. Nicholas Thaw kien ukoll kontributur fiduċjarju tal-Fond Dinji għall-Monumenti. Il-Fondazzjoni ta’ Robert Wilson ikkontribwiet $100,000 oħra. Il-villa ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[7][2]

Fl-2007, il-werrieta Tugendhat applikaw ir-restituzzjoni tal-villa, u ċċitaw liġi li tkopri l-opri tal-arti kkonfiskati matul l-Olokawst. Ir-raġuni għal din l-applikazzjoni jidher li kienet il-frustrazzjoni tagħhom peress li l-muniċipalità ta’ Brno ma kinitx qed twettaq ir-restawr vitali meħtieġ minħabba d-deterjorament tal-konkos li ntuża fil-kostruzzjoni tal-villa. Sezzjonijiet sħaħ tal-ispazju fuq ġewwa kienu neqsin. Iktar ’il quddiem, partijiet mill-panewijiet oriġinali tal-injam instabu fl-Università ta’ Masaryk, binja li kienet intużat mill-Gestapo bħala l-kwartieri ġenerali tagħhom f’Brno.[4]

Ir-rikostruzzjoni u r-restawr bdew fi Frar 2010 bi spejjeż li kienu stmati li ammontaw għal 150 miljun CZK (kważi EUR 5,769,000; US$7,895,000). Din ir-rikostruzzjoni ntemmet fi Frar 2012 u l-villa reġgħet infetħet għall-pubbliku f’Marzu. Sabiex jiġi ċċelebrat ir-restawr tal-villa, l-Istitut Irjali tal-Arkitetti Brittaniċi nedew “il-Villa Tugendhat fil-Kuntest”, wirja f’Londra tal-istorja viżiva u l-kronoloġija tar-rinnovazzjoni reċenti permezz tax-xhieda ta’ tliet ġenerazzjonijiet ta’ fotografi.[4]

Ħdejn il-Villa Tugendhat hemm id-dar tal-familja ta’ Greta, il-Villa Löw-Beer tal-Art Nouveau (issa fergħa tal-Mużew tar-Reġjun ta’ Brno), li tospita l-wirja msejħa The World of the Brno Bourgeoisie around the Löw-Beers and Tugendhat.[8]

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika

Il-Villa Tugendhat ta’ Brno ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001. Il-valur universali straordinarju tagħha ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[2]

Kultura popolari

immodifika

Il-villa kienet post prinċipali fil-film tal-2007 Hannibal Rising, li ntużat bħala l-villa tal-protagonista Vladis Gutas. Ir-rumanz ta’ Simon Mawer li ġie nnominat għall-Premju Booker tal-2009, The Glass Room, huwa rakkont ta’ fizzjoni dwar dar ispirata mill-Villa Tugendhat.[9]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Courland, Robert. Concrete Planet. Prometheus Books, Amherst, NY. (2012) p. 326. ISBN 978-1616144814.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Tugendhat Villa in Brno". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
  3. ^ "THE STRUCTURE | Vila Tugendhat". www.tugendhat.eu. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-18. Miġbur 2021-03-24.
  4. ^ a b ċ d "THE COMMISSIONERS | Vila Tugendhat". www.tugendhat.eu. Miġbur 2021-03-24.
  5. ^ "The Glass Room restored". the Guardian (bl-Ingliż). 2012-11-02. Miġbur 2021-03-24.
  6. ^ a b ċ d Rawsthorn, Alice (2012-02-24). "Reopening a Mies Modernist Landmark" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
  7. ^ a b Boxer, Sarah (2004-08-21). "Mies Villa, Jostled by History, Is in a Race Against Time" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
  8. ^ "Villa". Vila Lowbeer (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-24.
  9. ^ "Simon Mawer talks about The Glass Room". Radio Prague International (bl-Ingliż). 2010-07-05. Miġbur 2021-03-24.