Toroq tal-Ħarir: in-Network ta' Rotot tal-Kuritur ta' Chang'an-Tianshan

Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali taċ-Ċina, tal-Każakistan u tal-Kirgiżistan

It-Toroq tal-Ħarir: in-Network ta' Rotot tal-Kuritur ta' Chang'an-Tianshan huwa Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO li jkopri n-network ta' rotot tal-kuritur ta' Chang'an-Tianshan tat-Toroq tal-Ħarir antiki, flimkien mas-siti storiċi tul ir-rotta. Fit-22 ta' Ġunju 2014, l-UNESCO ddeżinjat 5,000 kilometru tan-network tat-Toroq tal-Ħarir miċ-Ċina sar-reġjun ta' Zhetysu tal-Asja Ċentrali bħala Sit ta' Wirt Dinji. Il-kuritur jgħaddi miċ-Ċina, mill-Każakistan u mill-Kirgiżistan u jinkludi 33 sit ġdid u diversi siti oħra li diġà kienu mniżżlin fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għal raġunijiet oħra.[1]

Mappa tat-Toroq tal-Ħarir
 
It-Tempju ta' Bingling

Fl-1988, l-UNESCO bdiet studju tat-Toroq tal-Ħarir biex tippromwovi l-fehim tad-diffużjoni kulturali fl-Ewrasja u l-protezzjoni tal-wirt kulturali. F'Awwissu 2006, l-UNESCO u l-Amministrazzjoni Statali tal-Wirt Kulturali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina sponsorjaw b'mod konġunt konferenza f'Turpan, Xinjiang, dwar il-koordinazzjoni ta' applikazzjonijiet għad-deżinjazzjoni tat-Toroq tal-Ħarir bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. F'din il-konferenza, iċ-Ċina u ħames repubbliki tal-Asja Ċentrali, il-Każakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, l-Użbekistan u t-Turkmenistan, qablu li jagħmlu applikazzjoni konġunta fl-2010. Is-sitt pajjiżi ffurmaw kumitat ta' koordinazzjoni fl-2009 sabiex iħejju għall-applikazzjoni konġunta.[2]

Fit-28 ta' Marzu 2008, iċ-Ċina ressqet lista indikattiva ta' 48 sit tat-Toroq tal-Ħarir lill-UNESCO biex jiġu kkunsidrati bħala wirt kulturali. Dawn is-siti kienu maqsuma f'siti tat-Toroq tal-Ħarir fuq l-art f'Henan, f'Shaanxi, f'Qinghai, u fil-Provinċja ta' Gansu, fir-Reġjun Awtonomu ta' Ningxia Hui u fir-Reġjun Awtonomu ta' Xinjiang Uyghur, kif ukoll f'siti marittimi tat-Toroq tal-Ħarir f'Ningbo, fil-Provinċja ta' Zhejiang u f'Quanzhou, fil-Provinċja ta' Fujian.[3] Fit-2 ta' Mejju 2008, l-Iran ressaq lista indikattiva ta' siti tat-Toroq tal-Ħarir fil-Provinċja ta' Khorasan. Fit-3 ta' Jannar 2010, it-Turkmenistan ressaq lista ta' 29 sit flimkien ma' 11-il segment tat-Toroq tal-Ħarir.[4] Fl-20 ta' Jannar 2010, l-Indja ressqet lista indikattiva ta' siti tat-Toroq tal-Ħarir maqsuma fi 12-il komponent.[5] Fid-19 ta' Frar 2010, il-Kirgiżistan ressaq lista ta' sitt siti u l-Użbekistan ressaq lista ta' 18-il sit.[6][7] Il-lista indikattiva tal-Każakistan tressqet fit-3 ta' Mejju 2012.[8]

 
It-Torri ta' Burana

Fl-aħħar tal-2011, l-UNESCO pproponiet li minħabba l-iskala vasta tal-proġett tat-Toroq tal-Ħarir, l-applikazzjoni l-aħjar li tinqasam f'kurituri differenti. F'Diċembru 2011, iċ-Ċina, il-Każakistan u l-Kirgiżistan qablu biex b'mod konġunt iressqu applikazzjoni għal kuritur wieħed miċ-Ċina ċentrali tul il-katina muntanjuża ta' Tian Shan, u kull pajjiż innomina uffiċjal wieħed tal-gvern, arkeologu u kumitat nazzjonali għall-applikazzjoni. It-Taġikistan, l-Użbekistan u t-Turkmenistan ħejjew ruħhom biex japplikaw għal kuritur ieħor. Fl-2013, l-applikazzjoni għall-Kuritur ta' Chang'an-Tianshan ġiet iffinalizzata u tressqet uffiċjalment mill-Kirgiżistan. Kienet tinkludi 22 sit fiċ-Ċina, tmien siti fil-Każakistan u tliet siti fil-Kirgiżistan. Kull pajjiż membru tal-UNESCO jista' jressaq sa applikazzjoni waħda fis-sena, u ċ-Ċina kienet ressqet applikazzjoni għall-Kanal il-Kbir. Is-siti oriġinali proposti miċ-Ċina ġew riveduti b'mod sostanzjali għal din l-applikazzjoni. Is-siti fir-Reġjun Awtonomu ta' Ningxia Hui u b'rabta mat-Triq tal-Ħarir Marittima tneħħew. L-organizzaturi Ċiniżi sostnew li diversi siti li tħallew barra mill-applikazzjoni jistgħu jitressqu fil-futur.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Is-Sit ta' Talgar, il-Każakistan

Fit-22 ta' Ġunju 2014, fit-38 laqgħa tal-Kumitat tal-Wirt Dinji f'Doha, il-Qatar, l-applikazzjoni tal-Kuritur ta' Chang'an-Tianshan ġiet approvata u s-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Komponenti

immodifika
 
Il-Pagoda Ġganteska tal-Wiżża Selvaġġa, Xi'an

It-Toroq tal-Ħarir: in-Network ta' Rotot tal-Kuritur ta' Chang'an-Tianshan jikkonsistu minn 33 sit ġdid fiċ-Ċina, fil-Każakistan u fil-Kirgiżistan. Is-siti jinkludu bliet kapitali u kumplessi ta' palazzi ta' diversi imperi u renji, insedjamenti kummerċjali, tempji f'għerien Buddisti, mogħdijiet antiki, binjiet residenzjali, mogħdijiet muntanjużi, torrijiet tal-għassa, sezzjonijiet tal-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina, fortifikazzjonijiet, oqbra u binjiet reliġjużi. Kollettivament, it-33 sit ikopru żona ta' 42,668.16 ettaru, b'żona ta' lqugħ ta' 189,963.13 ettaru.[2]

Is-siti huma maqsuma f'erba' reġjuni tul it-Toroq tal-Ħarir mill-ICOMOS, li vvalutat l-eliġibbiltà biex jitniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO:[9][10]

1. Iċ-Ċina ċentrali - il-bliet kapitali imperjali antiki fil-Pjanuri Ċentrali u ta' Guanzhong taċ-Ċina:

  • il-Belt ta' Luoyang tad-Dinastija Han tal-Lvant u Wei tat-Tramuntana, Luoyang, il-Provinċja ta' Henan
  • id-Daħla ta' Dingding, il-Belt ta' Luoyang tad-Dinastija Sui u Tang, Luoyang
  • il-Mogħdija ta' Hangu, il-Kontea ta' Xin'an, Henan
  • is-sezzjoni ta' Shihao tar-Rotta ta' Xiaohan, Sanmenxia, Henan
  • il-Palazz ta' Weiyang, Xi'an, il-Provinċja ta' Shaanxi
  • il-Palazz ta' Daming, Xi'an
  • il-Pagoda Ġganteska tal-Wiżża Selvaġġa, Xi'an
  • il-Pagoda ż-Żgħira tal-Wiżża Selvaġġa, Xi'an
  • it-Tempju ta' Xingjiao, Xi'an
  • it-Tempju tal-Għerien tal-Kontea ta' Bin, il-Kontea ta' Bin, Shaanxi
  • il-Qabar ta' Zhang Qian, il-Kontea ta' Chenggu, Shaanxi
  • il-Kumpless tat-Tempju tal-Għerien ta' Maijishan, Tianshui, il-Provinċja ta' Gansu2. Il-Kuritur ta' Hexi fil-Provinċja ta' Gansu, li jikkollega l-qalba taċ-Ċina u Xinjiang:
  • il-Grotti tat-Tempju ta' Bingling, il-Kontea ta' Yongjing
  • il-Mogħdija ta' Yumen, Dunhuang
  • il-Binja tad-Distakkament ta' Xuanquanzhi, Dunhuang
  • il-Fdalijiet tal-Belt ta' Suoyang, Guazhou

3. It-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-muntanji ta' Tian Shan f'Xinjiang, iċ-Ċina:

  • il-Fdalijiet tal-Belt ta' Qocho (Gaochang), Turpan
  • il-Fdalijiet ta' Jiaohe, Turpan
  • il-Fdalijiet tal-Belt ta' Beshbalik (Beiting), il-Kontea ta' Jimsar
  • it-Torri tal-Għassa ta' Kizil Gaha, Kuqa (Kucha)
  • l-Għerien ta' Kizil, Kuqa
  • il-Fdalijiet tat-Tempju Buddist ta' Subash, Kuqa

4. Ir-Reġjun ta' Zhetysu tal-Widien ta' Ili u ta' Talas tal-Każakistan u tal-Wied ta' Chüy tal-Kirgiżistan:

  • is-Sit ta' Kayalyk, ir-Reġjun ta' Almaty, il-Każakistan
  • Karamergen, ir-Reġjun ta' Almaty, il-Każakistan
  • Talgar, ir-Reġjun ta' Almaty, il-Każakistan
  • Aktobe, ir-Reġjun ta' Jambyl, il-Każakistan
  • Kulan, ir-Reġjun ta' Jambyl, il-Każakistan
  • Akyrtas, ir-Reġjun ta' Jambyl, il-Każakistan
  • Ornek, ir-Reġjun ta' Jambyl, il-Każakistan
  • Kostobe, ir-Reġjun ta' Jambyl, il-Każakistan
  • il-Belt ta' Suyab (is-Sit ta' Ak-Beshim), ir-Reġjun ta' Chüy, il-Kirgiżistan
  • il-Belt ta' Balasagun (is-Sit ta' Burana), ir-Reġjun ta' Chüy, il-Kirgiżistan
  • il-Belt ta' Nevaket (is-Sit ta' Krasnaya Rechka), ir-Reġjun ta' Chüy, il-Kirgiżistan

Siti oħra fil-Kuritur ta' Chang'an-Tianshan huma l-Għerien ta' Mogao f'Dunhuang li diġà kien tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987, u l-Għerien ta' Longmen f'Luoyang li diġà kienu tniżżlu fis-sena 2000.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Silk Roads: the Routes Network of Chang'an-Tianshan Corridor". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-16.
  2. ^ a b ċ "丝路入遗33遗迹22处在中国--财经--人民网". finance.people.com.cn. Miġbur 2022-04-16.
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Chinese Section of the Silk Road: Land routes in Henan Province, Shaanxi Province, Gansu Province, Qinghai Province, Ningxia Hui Autonomous Region, and Xinjiang Uygur Autonomous Region; Sea Routes in Ningbo City, Zhejiang Province and Quanzhou City, Fujian Province - from Western-Han Dynasty to Qing Dynasty". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-16.
  4. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Silk Roads Sites in Turkmenistan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-16.
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Silk Road Sites in India". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-16.
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Silk Roads Sites in Kyrgyzstan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-16.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Silk Roads Sites in Uzbekistan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-16.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Siti indikattivi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-16.
  9. ^ "ICOMOS Report" (PDF).
  10. ^ "丝路申遗涉及3国33处遗迹是全球最大跨国遗产项目-新闻频道-华商网". news.hsw.cn. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-03-23. Miġbur 2022-04-16.