Tieqa tal-Wied il-Mielaħ

arkata naturali fil-Majjistral ta’ Għawdex

It-Tieqa tal-Wied il-Mielaħ hi arkata naturali tal-franka fil-kosta tal-Majjistral ta' Għawdex. L-arkata tinsab fl-aħħar tal-Wied il-Mielaħ, fit-Tramuntana tal-Għarb. Din l-arkata naturali hi inqas magħrufa mit-Tieqa tad-Dwejra li ċediet f'Marzu 2017 wara maltempata qawwija.[1][2]

Veduta tat-Tieqa tal-Wied il-Mielaħ

Pożizzjoni immodifika

It-Tieqa tal-Wied il-Mielah qiegħda fl-aħħar ta' Wied il-Mielah, għad-differenza tat-Tieqa tad-Dwejra li kienet tinsab fil-kosta tal-Punent ta' Għawdex.[3] It-triq mill-Għarb twassal direttament għall-kosta u hemm biċċa art naturali biż-żrar u l-ħamrija fejn jipparkjaw il-karozzi. Lejn l-aħħar tal-wied, b'mod parallel ma' fejn fl-imgħoddi kienet tgħaddi xi xmara jew nixxiegħa, hemm taraġ dejjaq mal-blat li jagħti sa taħt it-Tieqa tal-Wied il-Mielaħ, kważi sal-baħar. Peress li l-biċċa ta' fuq tal-ħnejja naturali hija ħoxna għadek tista' timxi minn fuqha.

Ambjent immodifika

Il-kosta tat-Tramuntana ta' Għawdex sal-Bajja tax-Xwejni hija kollha art watja b'irdumijiet weqfin mal-baħar, fejn iffurmaw ħafna għerien. Fuq l-art watja, tħaffru jew tnaqqxu salini artifiċjali li kienu jintużaw għall-estrazzjoni tal-melħ mill-ilma baħar permezz tal-evaporazzjoni. Minn hawn 'il quddiem, l-art ma tibqax watja u bil-mod il-mod tibda togħla lejn in-naħat tal-Għarb u tal-Fanal ta' Ġordan.

Problema tad-dranaġġ immodifika

Fl-imgħoddi, id-dranaġġ mil-lokalitajiet ta' madwar kien jintrema fil-Wied il-Mielah u kien jinżel direttament fil-Baħar Mediterran ħdejn it-Tieqa tal-Wied il-Mielaħ. Spiss, qrib it-Tieqa, kien ikun hemm bandiera li tindika li l-baħar kien imniġġes.[4] Bis-saħħa ta' proġett strutturali ta' 570,000 ewro, li 85% minnu ġie ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea[5], id-dranaġġ issa sar jissaffa fl-impjant tat-trattament tad-dranaġġ f'Ras il-Ħobż u ma għadux jintrema fil-wied u fil-baħar. Bħala parti mill-proġett, saru xogħlijiet fit-triq ta' mal-kosta, ġew sostitwiti sitt pontijiet, inbnew sitt digi ġodda għall-konservazzjoni aħjar tal-ilma u ġew imħawla għadd ta' siġar. Permezz ta' dawn il-miżuri li ttieħdu, it-tama hi li ż-żona issa saret iktar attraenti u iktar viżitaturi jkunu jistgħu jgawdu t-Tieqa tal-Wied il-Mielaħ.[6]

Użu immodifika

 
Ritratt panoramiku tat-Tieqa tal-Wied il-Mielaħ u l-madwar.

Bħala parti mill-inizjattiva msejħa "EcoGozo", iż-żona madwar it-Tieqa tal-Wied il-Mielaħ ġiet rinnovata f'dawn l-aħħar snin, biex issir iktar aċċessibbli. Inbniet triq ġdida u t-taraġ li jagħti għall-arkata naturali ġie mwessa'.

Bħala parti mill-proġett tar-rinovazzjoni, it-taraġ kompla jitwessa' iktar biex il-bugħaddasa jkunu jistgħu jinżlu l-baħar minn hemm. Fuq in-naħa tal-Punent tat-Tieqa ġew installati strutturi li jippermettu lix-xabbata jitilgħu mal-ħajt vertikali tal-irdumijiet.[5] Mill-Għarb hemm ukoll mogħdija li twassal sat-Tieqa tal-Wied il-Mielaħ.

Dehriet fil-mezzi tax-xandir immodifika

It-Tieqa tal-Wied il-Mielaħ flimkien mat-Tieqa tad-Dwejra dehru f'filmat tar-reklami tad-ditta Hugo Boss fl-2017 fejn jidher David Colturi jaqbeż mill-irdumijiet u mit-Twieqi għall-baħar.[7]

Referenzi immodifika

  1. ^ "Malta's Azure Window collapses into the sea" (bl-Ingliż). BBC. 2017-03-08. Miġbur 2021-02-20.
  2. ^ Carabott, Martha (2017-03-08). "Għawdex hemm tieqa oħra – it-Tieqa ta' Wied il-Mielaħ". NET News. Miġbur 2021-02-20.
  3. ^ Ellis, Ian (2011). Richard Ellis - The Photography Collection: Malta & Gozo (bl-Ingliż). 4. p. 100. ISBN 978-99957-33-29-2.
  4. ^ "Sewage flowing at Wied il-Mielah" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2009-08-06. Miġbur 2021-02-20.
  5. ^ a b "Wied il-Mielah project reaches final phase" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2010-06-26. Miġbur 2021-02-20.
  6. ^ "Scenic Wied il-Mielah free of sewage outflow at last" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2011-07-09. Miġbur 2021-02-20.
  7. ^ "La "finestra azzurra" dell'isola di Gozo non c'è più" (bit-Taljan). AGI. 2017-03-08. Miġbur 2021-02-20.