Tholos ta' El Romeral

tholos fl-inħawi ta' Antequera, l-Andalusija, Spanja

It-Tholos ta' El Romeral, li jinsab żewġ kilometri u nofs fit-Tramuntana tar-raħal ta' Antequera, l-Andalusija, Spanja, huwa wieħed mill-iżjed eżempji importanti ta' arkitettura Neolitika fin-Nofsinhar tal-Ewropa. It-Tholos ta' El Romeral, magħruf ukoll bħala l-Għar ta' El Romeral (bl-Ispanjol: Cueva de Romeral) u d-Dolmen ta' El Romeral (bl-Ispanjol: Dolmen de Romeral), huwa sit funebri megalitiku li nbena għall-ħabta tal-1800 Q.K. Huwa wieħed minn tliet oqbra fir-reġjun, flimkien mad-Dolmen ta' Menga u d-Dolmen ta' Viera; it-tnejn jinsabu lejn il-Lbiċ.

It-Tholos ta' El Romeral minn barra

Fl-2016, dawn it-tliet siti, flimkien ma' Peña de los Enamorados u El Torcal, tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu "Sit tad-Dolmens ta' Antequera".[1]

 
Is-saqaf tat-Tholos ta' El Romeral

Saħansitra sas-seklu 20 kien jingħad li t-tliet oqbra megalitiċi fiż-żona (id-Dolmen ta' Menga, id-Dolmen ta' Viera u t-Tholos ta' El Romeral) oriġinaw mill-istess perjodu. Madankollu, mir-riċerka sussegwenti ħareġ fid-dieher li t-tholos inbniet ferm wara ż-żewġ dolmens. Iż-żewġ dolmens inbnew għall-ħabta tat-3800 Q.K., filwaqt li l-kostruzzjoni tat-Tholos ta' El Romeral x'aktarx li saret għall-ħabta tal-1800 Q.K. Huwa rikonoxxut u attribwit lill-kultura usa' ta' Los Millares, li kellha ċ-ċentru tagħha iktar minn 200 kilometru lejn il-Lvant. Ir-raġunijiet ewlenin li ngħataw għal dan huma l-materjali differenti tal-ġebel li ntużaw u l-pjanta differenti tal-kompartimenti, peress li ż-żewġ dolmens l-oħra għandhom kompartimenti rettangolari.[2]

Arkitettura

immodifika
 
Id-daħla tat-Tholos ta' El Romeral

It-Tholos ta' El Romeral huwa qabar bil-kompartimenti mirdum b'tumbata funebri (tumulus). Jikkonsisti minn kuritur twil magħmul minn ħitan qishom ħitan tas-sejjieħ b'ġebliet żgħar mingħajr tkaħħil u soqfa b'ħaġar megalitiku. Il-kuritur jagħti għal żewġ kompartimenti tondi konsekuttivi b'għamla ta' xehda.[2] L-ikbar kompartiment għandu dijametru ta' bejn wieħed u ieħor 4.20 metri u għandu ħitan tas-sejjieħ mibnija bl-istess mod bħal tal-kuritur, li jxaqilbu 'l ġewwa sa ma jissaqqfu b'ħaġra megalitika fuq nett. L-art tal-kuritur u tal-kompartiment ewlieni hija magħmula minn ħamrija kkumpattata. It-tieni kompartiment huwa kkollegata mal-ewwel wieħed permezz ta' kuritur rettangolari u mhux aċċessibbli għall-pubbliku. Għandu dijametru ta' bejn wieħed u ieħor żewġ metri, fih ħaġra mdaqqsa li fuqha x'aktarx kienu jitpoġġew il-katavri qabel id-dfin, u l-art tal-kompartiment iż-żgħir hija miksija bil-ħaġar. Fi ħdan it-tholos instabu għadam u oġġetti funebri.[3]

Għalkemm jingħad li dawn il-binjiet megalitiċi kellhom użi differenti (oqbra, tempji, eċċ.), it-Tholos ta' El Romeral huwa ċertament sit funebri minħabba li ġo fih instabu fdalijiet umani, qxur tal-baħar, u żewġ tipi ta' bċejjeċ taċ-ċeramika.

Ara wkoll

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Antequera Dolmens Site". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-26.
  2. ^ a b "Dolmen from El Romeral". www.spanisharts.com. Miġbur 2021-09-26.
  3. ^ "Dolmen de El Romeral - Official Andalusia tourism website". www.andalucia.org. Miġbur 2021-09-26.