Dolmen ta' Menga

dolmen fl-inħawi ta' Antequera, l-Andalusija, Spanja

Id-Dolmen ta' Menga (bl-Ispanjol: Dolmen de Menga) huwa tumbata funebri (tumulus) megalitika, forma ta' dolmen tawwali, li jmur lura għall-ħabta tat-3750-3650 Q.K. Jinsab fil-inħawi ta' Antequera, l-Andalusija, Spanja.

Id-Dolmen ta' Menga

Huwa wieħed mill-ikbar strutturi megalitiċi antiki magħrufa fl-Ewropa.[1][2] Huwa twil 27.5 metru, wiesa' sitt metri u għoli 3.5 metri, u nbena bi tnejn u tletin ħaġra megalitika, l-ikbar waħda minnhom tiżen madwar 180 tunnellata.

Il-pilastri li jirfdu l-kompartiment ċentrali tad-Dolmen ta' Menga

Wara t-tlestija tal-kompartiment ċentrali (li x'aktarx kienet qabar għall-familji li kellhom it-tmun f'idejhom f'dawk iż-żminijiet) u l-passaġġ li jwassal saċ-ċentru tiegħu, l-istruttura tal-ġebel ġiet mirduma bil-ħamrija u nbniet qisha għolja li għadha teżisti sa llum. Meta l-qabar infetaħ u ġie eżaminat fis-seklu 19, l-arkeologi sabu l-iskeletri ta' diversi mijiet ta' nies fuq ġewwa.

Id-Dolmen ta' Menga jinsab 70 metru 'l bogħod mid-Dolmen ta' Viera[3] u madwar erba' kilometri mit-Tholos ta' El Romeral[4], li fl-2016 ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-elementi naturali ta' Peña de los Enamorados u El Torcal, bit-titlu Sit tad-Dolmens ta' Antequera.[1]

Abrigo de Matacabras

immodifika

L-Abrigo (għar kenni) ta' Matacabras, li jinsab 'l isfel min-naħa tal-Majjistral ta' Peña de los Enamorados, huwa marbut mill-qrib mad-Dolmen ta' Menga, peress li l-assi ta' dan tal-aħħar huwa orjentat lejh direttament. Il-qabar huwa orjentat lejn il-Grigal, fit-Tramuntana ta' tlugħ ix-xemx tas-solstizju tas-sajf, u huwa l-uniku qabar orjentat b'dan il-mod fl-Ewropa f'dan il-kuntest kulturali.

Fl-2018, il-grupp ta' riċerka ATLAS mill-Università ta' Sivilja ppubblika studju tal-analiżi b'riżoluzzjoni għolja tal-pitturi tal-għerien bi stil skematiku ta' Abrigo de Matacabras. L-għar żgħir għandu rabtiet viżivi u simboliċi mad-Dolmen ta' Menga, u b'hekk jistabbilixxi rabtiet pajsaġġistiċi li x'aktarx huma uniċi fil-preistorja Ewropea. Ir-riżultati kkonfermaw il-kronoloġija Neolitika tal-għar “probabbilment, mill-inqas, fil-bidu tar-raba' millenju Q.K... u l-importanza tiegħu bħala post ta' riferiment għall-popolazzjoni Neolitika (u x'aktarx anke iktar antika) tar-reġjun...”.[5]

 
Veduta panoramika fuq ġewwa tad-Dolmen ta' Menga

Ara wkoll

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Antequera Dolmens Site". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-25.
  2. ^ Journal for the History of Astronomy. Science History Publications. 1994. p. 556.
  3. ^ "Dolmenes de Antequera". www.nuevaacropolismalaga.org. Miġbur 2021-09-25.
  4. ^ "Conjunto Arqueológico Dólmenes de Antequera". web.archive.org. 2011-06-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-06-15. Miġbur 2021-09-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "Crucial new data on the origin of the Dolmens of Antequera, a World Heritage Site". ScienceDaily (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-25.