Tempju ta' Apollo Epikurju f’Bassae

sit arkeoloġiku fil-Greċja

It-Tempju ta' Apollo Epikurju f'Bassae huwa tempju ppreservat sew ta' nofs sal-aħħar tas-seklu 5 Q.K. li jinsab fis-sit arkeoloġiku ta' Bassae (bil-Latin: Bassae, bil-Grieg Antik: Βάσσαι - Bassai, li tfisser “wied żgħir fil-blat”[1]) li jinsab f'Oichalia, muniċipalità fil-parti tal-Grigal ta' Messenia, il-Greċja. Fl-Antikità Klassika, Bassae kien parti minn Arcadia u jinsab ħdejn il-villaġġ ta' Skliros, fil-Grigal ta' Figaleia, fin-Nofsinhar ta' Andritsaina u fil-Punent ta' Megalopolis.

It-Tempju ta' Apollo Epikurju f'Bassae

Għalkemm dan it-tempju huwa ġeografikament imbiegħed mill-insedjamenti ewlenin tal-Greċja Antika, huwa wieħed mit-tempji tal-Greċja Antika li hu studjat l-iktar minħabba l-għadd kbir ta' karatteristiċi mhux tas-soltu tiegħu. It-Tempju ta' Apollo Epikurju f'Bassae kien l-ewwel sit Grieg li tniżżel fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[2]

StorjaEdit

 
Framment ta' metope, li juri Amazon li tinsab fil-British Museum

It-tempju kien iddedikat lil Apollo Epikurju (“Apollo l-ajjutant”). It-tempju jinsab f'elevazzjoni ta' 1,131 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar fiż-żona muntanjuża tal-Muntanja Kotylion. Il-kostruzzjoni tiegħu saret bejn l-450 Q.K. u l-400 Q.K. X'aktarx li ġie ddisinjat minn Iktinos[3], arkitett f'Ateni tal-Akropoli.[1]

Il-kittieb tal-qedem Pausanias ifaħħar lit-tempju u jsostni li jitfi l-oħrajn kollha, ħlief it-Tempju ta' Atena Alea f'Tegea, bis-sbuħija tal-ġebla tiegħu u l-armonija tal-kostruzzjoni tiegħu.[3]

Pausanias iddeskrivih fit-tieni seklu:

“Phigalia hija mdawra bil-muntanji, fuq ix-xellug mill-muntanja msejħa Kotilios. . . Id-distanza mill-belt sal-Muntanja Kotilios hija madwar erbgħin stadju. Fuq il-muntanja hemm post imsejjaħ Bassai, u t-tempju ta' Apollo Epikurju (l-Ajjutant), li huwa kollu magħmul bil-ġebel, bis-saqaf b'kollox. Mit-tempji fil-Peloponnesos, dan jista' jitqiegħed fl-ewwel post wara dak f'Tegea għas-sbuħija tal-ġebla tiegħu u għas-simetrija tiegħu. Apollo rċieva ismu mill-għajnuna li ta fi żmien il-pesta, bl-istess mod kif in-nies f'Ateni tawh l-isem ta' Alexikakos (Dak li Jkeċċi l-Ħażen) talli keċċa l-pesta minn fuqhom. Kien fi żmien il-gwerra bejn il-Peloponnesos u Ateni li huwa salva wkoll lin-nies minn Phigalia, u fl-ebda żmien ieħor; l-evidenza hija ż-żewġ kunjomijiet ta' Apollo, li għandhom prattikament l-istess tifsira, u l-fatt ukoll li Iktinos, l-arkitett tat-tempju ta' Phigalia, kien kontemporanju ta' Perikles, u lin-nies ta' Ateni bnielhom l-Akropoli. In-narrattiva tiegħi diġà semmiet li l-immaġni ta' Apollo tinsab fuq maduma fis-suq ta' Megalopolis”.[4]

It-tempju kien jintuża sas-seklu 4 jew 5 W.K., meta t-tempji pagani kollha kienu ngħalqu bil-forza matul il- persegwitazzjoni tal-pagani lejn l-aħħart tal-Imperu Ruman.

Kostruzzjoni u dekorazzjoniEdit

 
Pjanta tat-Tempju ta' Apollo: 1 = Opisthodomos, 2 = Adyton, 3 = Naos, 4 = Pronaos

It-tempju huwa allinjat mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, b'kuntrast mal-maġġoranza tat-tempji Griegi li huma allinjati mil-Lvant għall-Punent. Id-daħla prinċipali tiegħu hija mit-Tramuntana. Dan kien meħtieġ minħabba l-ispazju limitat disponibbli fuq l-għoljiet weqfin tal-muntanja. Sabiex tingħeleb din ir-restrizzjoni, ġie ddisinjat bieb fil-ġenb tat-tempju, forsi anke biex iħalli d-dawl jidħol biex idawwal l-istatwa tat-tempju.

Id-daqs tat-tempju huwa wieħed relattivament modest, bl-istilobat twil 38.3 metru b'14.5-il metru[2], li fih peristil Doriku magħmul minn sitt kolonni fil-wisa' u ħmistax-il kolonna fit-tul (eżastil). Is-saqaf kellu spazju ċentrali miftuħ biex jidħlu d-dawl u l-arja. It-tempju nbena kompletament minn ġebla tal-ġir Arkadjana[5] għajr il-Freġju ta' Bassae li kien imnaqqax mill-irħam (u x'aktarx fl-antik kien miżbugħ bil-kulur). Bħall-biċċa l-kbira tat-tempji ewlenin, it-tempju għandu tliet “kmamar” jew loġoġ: il-pronaos, flimkien ma' naos u opisthodomos . In-naos jaf ospitat statwa ta' Apollo, għalkemm huwa maħsub ukoll li l-kapitell “proto-Korinzjan” uniku skopert minn Charles Robert Cockerell u li sussegwentement intilef fuq il-baħar, seta' kien tal-unika kolonna li kienet tinsab fin-nofs tan-naos, li x'aktarx kienet maħsuba bħala rappreżentazzjoni anikonika ta' Apollo Borealis. It-tempju ma għandux l-irfinar ottiku li għandu l-Akropoli ta' Ateni, bħall-art kemxejn kurva, għalkemm il-kolonna b'mod sottili, għalkemm il-kolonni għandhom entasi.[6]

 
Tpinġija tat-Tempju restawrat ta' Apollo Epikurju f'Bassae ta' F. Taylor - Wordsworth Christopher - 1882

It-tempju mhuwiex tas-soltu fis-sens li għandu eżempji tat-tliet ordnijiet Klassiċi li kienu jintużaw fl-arkitettura Griega Antika: id-Doriku, il-Joniku, u l-Korinzju. Kolonni Doriċi jiffurmaw il-peristil filwaqt li kolonni Joniċi jirfdu l-parti interna tat-tempju u kolonna Korinzja waħda tinsab fiċ-ċentru fuq ġewwa tat-tempju.[7] Il-kapitell Korinzju huwa l-iktar eżempju bikri tal-ordni li qatt instab sa issa.[1]

It-tempju ma tantx kien iddekorat wisq fuq barra.[8] Madankollu, fuq ġewwa kien hemm freġju Joniku kontinwu li juri l-battalja tan-nies ta' Ateni mal-Amazzoni u l-battalja tal-Lapiti maċ-Ċentawri.[9] Il-metopi ta' dan il-freġju tneħħew minn Cockerell u ttieħdu fil-British Museum fl-1815 (dawn għadhom jintwerew fil-Gallerija Nru 16 tal-British Museum, ħdejn l-Irħam ta' Elgin[9]). Cockerell iddekora l-ħitan tat-Taraġ il-Kbir tal-Mużew Ashmolean u l-ħitan tat-Travellers Club (Klabb tal-Vjaġġaturi) b'repliki tal-ġibs tal-istess freġju.[10]

Skoperta mill-ġdid u tneħħija mill-BrittaniċiEdit

 
Il-Freġju ta' Bassae jintwera f'kamra għalih waħdu fil-British Museum

It-tempju kien ġie nnutat għall-ewwel darba f'Novembru 1765 mill-arkitett Franċiż J. Bocher, li kien qed jibni xi vilel

f'Zante u skoprieh pjuttost b'kumbinazzjoni; huwa għaraf l-importanza tat-tempju mis-sit li kien jinsab fih iżda meta reġa' lura t-tieni darba biex jarah, inqatel minn grupp ta' ħallelin.[11] Charles Robert Cockerell u Carl Haller von Hallerstein, wara li kienu sabu skulturi f'Aeġina, ittamaw li jiksbu iktar suċċessi f'Bassae fl-1811; madankollu, it-tpinġijiet bir-reqqa kollha tas-sit li kienu saru minn Haller intilfu fuq il-baħar.[12]

Is-sit ġie esplorat fl-1812 bil-permess ta' Veli Pasha, il-kmandant Tork tal-Peloponnesos, minn grupp ta' studjużi Brittaniċi tal-antikwarjat li neħħew 23 ċangatura mill-freġju Joniku u ttrasportawhom lejn Zante flimkien ma' skulturi oħra. Veli Pasha ġie mxaħħam biex iċedi l-jeddijiet fuq is-sejbiet, u l-freġju nxtara b'irkant mill-British Museum fl-1815. Il-metopi ta' dan il-freġju tneħħew personalment minn Cockerell. L-iskulturi tal-freġju ġew ippubblikati f'Ruma fl-1814 u uffiċjalment mill-British Museum fl-1820. Żjarat oħra ta' malajr irriżultaw f'iktar pubblikazzjonijiet. L-ewwel skavi li ġew ippubblikati għalkollox bdew biss fl-1836 u saru minn arkeologi Russi, fosthom il-pittur Karl Bryullov. X'aktarx li l-iktar skoperta impressjonanti kienet l-eqdem kapitell Korinzju li qatt instab sa issa. Uħud mill-artefatti li kienu ġew irkuprati jinsabu għall-wiri fil-Mużew tal-Belle Arti ta' Pushkin f'Moska.[1]

Fl-1902, saru skavi sistematiċi taż-żona li twettqu mis-Soċjetà Arkeoloġika Griega ta' Ateni taħt it-tmexxija tal-arkeologu Konstantinos Kourouniotis flimkien ma' Konstantinos Romaios u Panagiotis Kavvadias. Barra minn hekk, saru iktar skavi fl-1959, fl-1970 u mill-1975 sal-1979, taħt it-tmexxija ta' Nikolaos Gialouris.[1]

PreservazzjoniEdit

 
Framment ta' sieq ta' statwa kolossali f'Bassae, murija fil-British Museum

Peress li t-tempju huwa mbiegħed — Pausanias huwa l-uniku vjaġġatur tal-qedem li r-rimarki tiegħu dwar Bassae waslu sa żminijietna — dan sewa bħala vantaġġ għall-preservazzjoni tiegħu. Tempji oħra iktar aċċessibbli ġew danneġġati jew meqruda mill-gwerer jew ġew ippreservati biss billi ġew ikkonvertiti għal użi Kristjani. Minħabba d-distanza tiegħu miż-żoni metropolitani ewlenin, għandu wkoll inqas problema bix-xita aċiduża li malajr tiekol il-ġebla tal-ġir u tagħmel ħsara lit-tinqix fl-irħam.[1]

Fl-1987 it-Tempju ta' Apollo ġie mgħotti b'tinda bajda sabiex il-fdalijiet ikunu protetti mill-elementi.[13] Ix-xogħol ta' konservazzjoni attwalment qed isir taħt is-superviżjoni tal-Kumitat għall-Konservazzjoni tat-Tempju ta' Apollo Epikurju tal-Ministeru għall-Kultura Grieg li huwa bbażat f'Ateni.[1]

Sit ta' Wirt DinjiEdit

It-Tempju ta' Apollo Epikurju f'Bassae ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”, il-kriterju (ii) “Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ” u l-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”.[2]

ReferenziEdit

  1. ^ a b c d e f g "Hellenic Ministry of Culture: The Temple of Epicurean Apollo". odysseus.culture.gr. Miġbur 2021-05-02.
  2. ^ a b c d Centre, UNESCO World Heritage. "Temple of Apollo Epicurius at Bassae". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-02.
  3. ^ a b Pausanias, 8.41.7ff.
  4. ^ Pausanias, Description of Greece 8. 41. 7 - 9.
  5. ^ "Bassae Explained". everything.explained.today. Miġbur 2021-05-02.
  6. ^ Dinsmoore 1933:207.
  7. ^ Antony., Spawforth (2006). The complete Greek temples. London: Thames & Hudson. pp. 156-157. ISBN 0500051429.
  8. ^ Dinsmoor, "The Lost Pedimental Sculptures of Bassae", American Journal of Archaeology 43.1 (January–March 1939:27-47.
  9. ^ a b "Greece: Bassai sculptures, British Museum". www.britishmuseum.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-02.
  10. ^ "The Ashmolean's Grand Staircase - History of the cast collection - Sculpture - The Classical Art Research Centre and The Beazley Archive - The University of Oxford". www.beazley.ox.ac.uk. Miġbur 2021-05-02.
  11. ^ William Bell Dinsmoor, "The Temple of Apollo at Bassae" Metropolitan Museum Studies 4.2 (March 1933:204-227) p. 204.
  12. ^ Dinsmoor 1933:205.
  13. ^ ""Photograph: A giant polystyrene tent encases the 2500-year-old temple of Epikourios Apollo at Bassae, Greece, as part of a $US5 million ($A6.97 million) restoration plan". The Canberra Times. 62 (19, 070). Australian Capital Territory, Australia. 21 December 1987. p. 5".