Tamgaly
Tamgaly, xi kultant spellut Tanbaly (bil-Każak: Таңбалы, b'ittri Rumani: Tañbalı), huwa sit petroglifiku, jiġifieri bit-tinqix fuq il-blat, fir-reġjun ta' Zhetysu fil-Każakistan. Tamgaly tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1] Tamgaly jinsab 170 kilometru (bit-triq) fil-Majjistral ta' Almaty.
L-iżjed petroglifiċi bikrin ta' Tamgaly imorru lura għal Żmien il-Bronż (madwar 3,000 sena ilu), meta l-inħawi tal-madwar kienu popolati mill-prekursuri tal-poplu Saka, u l-iżjed reċenti jmorru lura għas-seklu 18 jew 19.[2]
Deskrizzjoni
immodifikaBejn wieħed u ieħor hemm 5,000 tinqixa fuq il-blat f'Tamgaly li huma mifruxa fi 48 raggruppament. Ħames raggruppamenti mill-iżjed importanti, immarkati bħala I, II, III, IV u V, fihom madwar 3,000 tinqix fuq il-blat. Dawn il-ħames raggruppamenti huma kkonċentrati fil-kanjon iż-żgħir ta' Tamgaly. 22 raggruppament ieħor ta' importanza sekondarja fihom bejn 50 u 100 tinqixa fuq il-blat kull wieħed. Ir-raggruppamenti l-oħra fihom madwar tinqixa waħda u 50 tinqixa kull wieħed u huma mifruxa b'mod wiesa' fl-inħawi.
Il-petroglifiċi fil-Pajsaġġ Arkeoloġiku ta' Tamgaly jirrappreżentaw il-ħidma ta' erba' epoki differenti.
It-tinqix fuq il-blat ta' Żmien il-Bronż Nofsani fih l-ikbar valur estetiku u kulturali. Id-daqsijiet tat-tinqix ivarjaw b'medja ta' madwar 25 sa 30 ċentimetru, b'xi tinqix eċċezzjonali saħansitra ta' 70 ċentimetru sa metru. It-tinqix ġie żviluppat primarjament b'daqqiet sa fond ta' 3 sa 5 millimetri. Ġeneralment donnu jkollhom xeħta naturalistika b'immaġnijiet antropomorfiċi, żoomorfiċi u sinkretiċi. Xi eżempji jinkludu divinitajiet solari (ċrieki tax-xemx), personaġġi mċajpra, irġiel bil-mazez, arċiera b'maskri tal-lupi, fidili, ġellieda armati, sagrifiċċji ta' annimali u ta' bnedmin, xeni erotiċi, nisa jwelldu, karrijiet, barrin, ħmir, żwiemel, iġmla, ċingjali, lupi, ċriev, eċċ. Uħud mill-immaġnijiet annimalistiċi jirrappreżentaw speċijiet li llum il-ġurnata huma estinti.
Il-petroglifiċi ta' Żmien il-Bronż Aħħari u tal-perjodu tranżizzjonali fihom inqas varjetà u hum magħmula b'teknika iktar dgħajfa. Tnaqqxu sa fond ta' millimetru sa żewġ millimetri, b'daqs medju ta' inqas minn 15-il ċentimetru. Qajla jkun hemm suġġetti kumplessi. Hemm żwiemel, barrin u annimali selvaġġi, iżda b'iktar xeni mill-ħajja pastorali.
It-tinqix ta' Żmien il-Bronż Bikri huma l-iktar rappreżentattivi kwantitattivament f'Tamgaly. Dawn l-eżempji mhumiex omoġenji bħala stil, kwalità jew suġġetti bħal dawk ta' perjodi iktar bikrin. Inħolqu minn varjetà usa' ta' popli u ta' tribujiet. Il-kaċċa tal-annimali selvaġġi mill-bniedem u l-kaċċa taċ-ċriev u tal-mogħoż mill-predaturi hija fost l-iżjed suġġetti komuni.
Il-petroglifiċi tal-Medju Evu u tal-Era Moderna huma ferm inqas, b'madwar 300 tinqixa biss. Fost ix-xeni ewlenin hemm il-ġellieda jiġġieldu ma' xulxin, u x-xeni tal-kaċċa donnhom jixħtu iktar enfasi fuq il-kaċċatur iktar milli fuq il-priża. Issir iktar enfasi fuq l-istrixxuni, l-armi u t-tagħmir taż-żwiemel. L-immaġnijiet tnaqqxu b'mod iktar superfiċjali u saru bħala żidiet mal-petroglifiċi li kienu saru qabel. Il-pożizzjonijiet ta' dan it-tinqix fuq il-blat huma ferm inqas prominenti.[3][4]
L-isem Tamgaly bil-Każak u b'lingwi Torok oħra jfisser "post impitter jew bit-tinqix".
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Petroglifiċi fil-Pajsaġġ Arkeoloġiku ta' Tamgaly ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Petroglyphs of the Archaeological Landscape of Tanbaly". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-05-23.
- ^ "Tamgaly" (bl-Ingliż). 2011-09-26. Miġbur 2024-05-23.
- ^ "Petroglyphs within the Archaeological Landscape of Tamgaly Nomination Dossier" (PDF). UNESCO.
- ^ Hermann, Luc (2011). Die Petroglyphen von Tamgaly in Kasachstan (bil-Ġermaniż). Pariġi: BoD (Books on Demand). ISBN 978-2-8106-1832-3.