Ta' Kandja

żona fil-limiti tas-Siġġiewi fejn hemm barrieri tal-franka u mini tal-ilma tal-pjan taħt l-art
(Rindirizzat minn Ta’ Kandja)

Ta' Kandja hija żona żgħira f'Malta li tinsab bejn Ħal Farruġ (fil-limiti ta' Ħal Luqa) u s-Siġġiewi. Iż-żona fiha diversi barrieri tal-franka u fiha għadd ta' faċilitajiet, bħaċ-Ċentru tad-Detenzjoni tal-Migranti mmexxi mill-Forzi Armati ta' Malta u l-Impjant tal-Ippumpjar tal-Ilma tal-Pjan tal-Water Services Corporation (il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma).

Mini tal-ilma taħt l-art

immodifika

Taħt l-Impjant tal-Ippumpjar tal-Ilma tal-Pjan f'Ta' Kandja, hemm sensiela ta' mini tal-ilma taħt l-art li huma parti mis-sistema tal-provvista tal-ilma ta' Malta.[1] Fl-2015, il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma pproduċiet 31.2 miljun metru kubu ta' ilma tax-xorb f'Malta u f'Għawdex. Madwar 13.4 miljun (43 %) metru kubu ġew prodotti minn diversi għejun taħt l-art fejn jinġabar l-ilma tal-pjan. Is-sors ewlieni jinsab f'Ta' Kandja taħt l-Impjant tal-Ippumpjar tal-Ilma tal-Pjan, fejn hemm sensiela ta' mini tal-ilma li jlaħħqu tul ta' saħansitra tmien kilometri, xi 97 metru taħt l-art. Din is-sistema ta' mini tal-ilma tofroq f'diversi mini għal eluf ta' metri. Fil-Gżejjer Maltin hemm 12-il impjant ieħor tal-ippumpjar tal-ilma u 134 borehole (spiera) minn fejn jiġi estratt l-ilma.

L-Impjant tal-Ippumpjar tal-Ilma tal-Pjan fuq il-mini tal-ilma f'Ta' Kandja kien l-aħħar wieħed li nbena u tlesta fl-1963. Jikkonsisti f'sistema ta' 6.2 kilometri ta' mini tal-ilma minn network sħiħ ta' 42 kilometru madwar Malta kollha.[2] L-ilma li jinġabar mill-impjant jissaffa bl-klorur biex jiġu eliminati xi batterji li jaf ikun hemm u mbagħad jiġi ppumpjat f'ġibjun fil-Qrendi.

Referenzi

immodifika
  1. ^ ""Ta Kandja water galleries.mp4" Filmat fuq Vimeo" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-19.
  2. ^ "Water production" (bl-Ingliż). Water Services Corporation. Miġbur 2021-02-19.