Ta' Bakkja
Ta' Bakkja hija żona f'Malta, fil-limiti ta' Ħaż-Żebbuġ.
Ilma tal-pjan
immodifikaIl-provvista tal-ilma hija tħassib kostanti fil-Gżejjer Maltin, l-iktar minħabba l-klima tagħhom. Ix-xhur tas-sajf spiss ikunu mingħajr qatra xita. Barra minn hekk, id-domanda u l-konsum tal-ilma jkunu l-ogħla fix-xhur tas-sajf ukoll. Ix-xita li tinżel fix-xhur tax-xitwa spiss tinżel qliel u f'daqqa u tispiċċa l-baħar minflok tilħaq tiskula fl-art. Għaldaqstant, il-provvista tal-ilma tbati biex tlaħħaq mad-domanda.[1] Malta tiddependi fuq ir-riżervi taħt l-art tal-ilma tal-pjan. L-ilma jinġabar f'sistema mifruqa ta' mini tal-ilma bħal dawk Ta' Bakkja jew Ta' Kandja, li jinsabu f'medja ta' 97 metru taħt l-art.
Il-Gżejjer Maltin mimlijin mini u passaġġi taħt l-art imħaffrin ġol-franka tul is-snin għal skopijiet differenti, fosthom il-produzzjoni tal-ilma tal-pjan. L-iktar mini tal-ilma popolari x'aktarx huma dawk f'Ta' Kandja, iżda dawk f'Ta' Bakkja, għalkemm inqas magħrufin, probabbli huma iktar sbieħ minħabba l-istat naturali tagħhom. Mill-mini tal-ilma f'Ta' Bakkja, il-Water Services Corporation (il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma) tiġbor madwar 6 % tal-ilma tal-pjan fil-Gżejjer Maltin, li mbagħad jitħallat mal-ilma mill-impjanti tal-osmosi inversa u jitwassal għand il-konsumaturi Maltin u Għawdxin.[2]
F'garaxx f'Ta' Bakkja, hemm daħla li tagħti għal parti moħbija tal-gżejjer li kienet ġiet imħaffra mill-Brittaniċi bl-għajnuna tal-Maltin fil-bidu tas-snin 50 tas-seklu 20.
Il-mini tal-ilma f'Ta' Bakkja jagħtu lejn sitt direzzjonijiet differenti, u kollha fihom tul ta' xi metru, għajr waħda minnhom li hi itwal u li hi kollegata ma' sistema simili oħra. Huwa stmat li kull qatra ta' xita li tinżel fuq il-Gżejjer Maltin tieħu bejn 40 u 50 sena biex tiskula minn ġol-blat u tasal sa dawn il-mini tal-ilma. Permezz ta' dan il-proċess ta' filtrazzjoni naturali, l-ilma (l-iktar mix-xita) jilħaq il-livell tal-baħar. Peress li l-ilma f'dawn il-mini huwa ilma ħelu, jibqa' f'wiċċ l-ilma baħar, u b'hekk jiffaċilita l-ġbir u l-ġestjoni tal-ilma mwettqa mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma.
Minn dawn il-mini tal-ilma f'Ta' Bakkja, l-aqwa ilma tal-pjan jittieħed b'mod sostenibbli lejn ġibjuni f'Ta' Qali u jitħallat mal-ilma li l-Korporazzjoni tipproduċi fl-impjanti tal-osmosi inversa.
Il-Gżejjer Maltin għandhom 11-il impjant tal-ippumpjar tal-ilma bħal dak f'Ta' Bakkja u dawn jipprovdu 40 % tal-provvista tal-ilma. Is-60 % li jifdal, tiġi mill-impjanti tal-osmosi inversa.[3]
Referenzi
immodifika- ^ "Briny future for vulnerable Malta" (bl-Ingliż). 2007-04-04.
- ^ "Water production" (bl-Ingliż). Water Services Corporation. Miġbur 2021-02-19.
- ^ "Watch: Ta' Bakkja tunnels – the resting place for rain water after a 50 year process - Water Services Corporation" (bl-Ingliż). Water Services Corporation. 2020-07-16.