Seowon
Is-Seowon (bil-Korean: 서원; bil-Hanja: 書院) kienu l-iktar istituzzjonijiet edukattivi komuni fil-Korea matul nofs u l-aħħar tad-dinastija Joseon. Dawn kienu istituzzjonijiet privati, u kienu jagħqdu flimkien il-funzjonijiet ta' santwarju tal-Konfuċjoniżmu u ta' skola preparatorja. F'termini edukattivi, is-seowon kellhom l-għan ewlieni li jħejju lill-istudenti għall-eżamijiet tas-servizz ċivili nazzjonali. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, is-seowon kienu jaqdu lill-istudenti tal-klassi aristokratika tal-yangban biss. Fis-6 ta' Lulju 2019, l-UNESCO rrikonoxxiet ġabra ta' disa' seowon bħala Sit ta' Wirt Dinji.[1][2]
Storja
immodifikaIs-seowon tfaċċaw għall-ewwel darba fil-Korea fil-bidu tad-dinastija Joseon. Ġew imsawra skont l-akkademji Ċiniżi privati bikrin tat-tagħlim klassiku magħruf bħala shuyuan. Dawn tal-aħħar oriġinaw fis-seklu 8 taħt id-dinastija Tang u iktar 'il quddiem tneħħew taħt id-dinastija Yuan sabiex isiru skejjel preparatorji għall-eżamijiet imperjali taħt il-kontroll tal-gvern.[3]
Għalkemm is-sena eżatta tal-introduzzjoni tas-seowon fil-Korea mhix magħrufa fiċ-ċert, fl-1418 ir-Re Sejong ħareġ premjijiet lil żewġ studjużi għall-ħidma tagħhom fit-twaqqif tas-seowon f'Gimje u f'Gwangju.[4] L-ewwel seowon li rċieva l-appoġġ irjali kien is-Seowon ta' Sosu f'Punggi, ippresedut minn Toegye, li ngħata tavla tat-tagħlim mir-Re Myeongjong fl-1550.[5]
Bosta seowon ġew stabbiliti minn litterati ewlenin, jew minn gruppi lokali ta' familji yangban. Pereżempju, Ju Se-bong stabbilixxa s-Seowon ta' Sosu, li baqa' jopera ferm wara mewtu. Uħud mis-seowon inbnew minn studjużi Sarim li rtiraw fil-villaġġi fid-dawl tat-"tisfija" mil-litterati fis-seklu 16 u ntużaw bħala l-bażijiet politiċi tagħhom.
Il-biċċa l-kbira tas-seowon ġew magħluqa permezz ta' editt ta' Daewon-gun fl-aħħar snin turbolenti tas-seklu 19. Huwa pprojbixxa l-kostruzzjoni mhux awtorizzata tas-seowon fl-1864, u neħħa l-eżenzjoni li kellhom mit-taxxa fl-1868. Finalment, fl-1871, huwa ordna li s-seowon kollha jingħalqu ħlief xi ftit minnhom. Il-yangban provinċjali kienu mgħaddbin b'dawn il-miżuri, u din kienet waħda mid-diversi raġunijiet li wasslu biex Daewon-gun jitneħħa mill-poter fl-1873; madankollu, is-seowon baqgħu magħluqin.[6]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-"Seowon, Akkademji Neo-Konfuċjani Koreani" huma ġabra ta' disa' seowon li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[2] Dawn li ġejjin huma d-disa' seowon:
- is-Seowon ta' Sosu, Yeongju, Gyeongsangbuk-do
- is-Seowon ta' Namgye, il-Kontea ta' Hamyang, Gyeongsangnam-do
- is-Seowon ta' Oksan, Gyeongju, Gyeongsangbuk-do
- is-Seowon ta' Dosan, Andong, Gyeongsangbuk-do
- is-Seowon ta' Piram, il-Kontea ta' Jangseong, Jeollanam-do
- is-Seowon ta' Dodong, il-Kontea ta' Dalseong, il-Belt Metropolitana ta' Daegu
- is-Seowon ta' Byeongsan, Andong, Gyeongsangbuk-do
- is-Seowon ta' Museong, Jeongeup, Jeollabuk-do
- is-Seowon ta' Donam, Nonsan, Chungcheongnam-do
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]
Referenzi
immodifika- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Seven more cultural sites added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-15.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Seowon, Korean Neo-Confucian Academies". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-15.
- ^ Lee, Ki-baik (tr. by E.W. Wagner & E.J. Shultz) (1984). A New History of Korea (rev. ed.). Seoul: Ilchokak. ISBN 89-337-0204-0.
- ^ Park Eui-soo (박의수), Kang Seung-kyu (강승규), Jeong Yeong-su (정영수), Kang Seon-bo (강선보) (2002). 교육의 역사와 철학 (Gyoyugui yeoksawa cheolhak, History of education and philosophy). Seoul: Dongmunsa. ISBN 89-8251-161-X. p. 70.
- ^ Park Eui-soo (박의수), Kang Seung-kyu (강승규), Jeong Yeong-su (정영수), Kang Seon-bo (강선보) (2002). 교육의 역사와 철학 (Gyoyugui yeoksawa cheolhak, History of education and philosophy). Seoul: Dongmunsa. ISBN 89-8251-161-X. p. 207.
- ^ Seoul National University Educational Research Institute (서울대학교교육연구소) (1997). 한국교육사 (Han-guk gyoyuksa, History of Korean education). Seoul: Gyoyuk Gwahaksa. ISBN 89-8287-130-6.