Sammy Murgo

sassofonista Malti

Sammy Murgo (13 t'Awwissu 1936 – 6 ta' Frar 2024) kien sassofonist Malti attiv l-aktar fix-xena lokali tal-mużika jazz minn nofs is-seklu għoxrin sa mewtu.

Sammy Murgo
Ħajja
Twelid Furjana, 13 Awwissu 1936
Nazzjonalità Malta
Mewt 6 Frar 2024
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni mużiċist
Strument/i tal-mużika sassofonu

Murgo twieled f'Balzunetta, il-Furjana, fit-13 t'Awwissu 1936. Huwa trabba f'dawk l-inħawi fis-snin tat-Tieni Gwerra Dinjija u immedjatament wara.[1]

Karriera

immodifika

Ta' disa snin beda jitgħallem il-vjolin ma' Agostino Camilleri, b'strument li kien xtralu missieru Rosario li kien idoqq il-vjolin ukoll. Ta' tlettax il-sena beda jdoqq miegħu fil-knejjes. Ftit wara, taħt id-direzzjoni ta' Turu Pace, skopra l-mużika jazz ta' Stéphane Grappelli u Joe Venuti, u bdiet l-imħabba tiegħu għas-swing l-aktar permezz ta' daqq ma' kuġinuh Sammy Galea.[2] Ma damux ma bdew idoqqu flimkien fil-Klondyke, li kien taz-ziju tagħhom Minco, u kien hawn li Galea ssuggerixxa biex Murgo jaqleb mil-vjolin għas-saxophone. Għall-ewwel beda jdoqq iż-żewġ sturmenti, iżda fuq suġġeriment ta' Juice Wilson, mużiċist Amerikan li kien jaħdem f'Malta dak iż-żmien, qaleb għas-sax kompletament.[2]

Sa nofs is-snin 50 kien beda jdoqq regolarment f'diversi stabbilimenti tad-divertiment f'Balzunetta u fil-Belt Valletta, fosthom il-Kenner, il-Cafè Premier, kif ukoll f'Strada Stretta. Hemm kien jakkumpanja uħud mill-aktar mużiċisti attivi fix-xena lokali ta' dak iż-żmien, fosthom Giorlando Valente, Oscar Lucas u Vinny Vella[3] kif ukoll Joe Curmi l-Pusè, Frankie Camilleri l-Bibi, u Twanny Chircop.[2]

Għal bosta snin wara dan huwa kompla jdoqq ma' diversi mużiċisti oħra, f'postijiet madwar Malta bħas-Surfside f'Tas-Sliema, kien idoqq regolarment ma' Charles Camilleri, Ronnie Caruana, u Charles City Gatt.[2] Fil-Black Rose tal-lukanda Dolmen għamel żmien idoqq ma' Tony Bartolo, Mario Cocker Aquilina u Dominic Galea, mill-1985 'l quddiem. Din l-istess formazzjoni ġieli kienet tinkludi lil Charles City Gatt u Leli Caruana.[2]

Huwa baqa' attiv u jdoqq regolarment anke wara li għalaq 80 sena. Heritage Records ħarġu l-album Sammy's Swing fl-2016, li kien imniedi waqt kunċert fit-13 ta' Mejju 2016 fi Spazju Kreattiv bil-parteċipazzjoni ta' diversi mużiċisti, inkluż, Sammy, Doreen, u Dominic Galea, Mario Aquilina, Noel Grech, Alex Manche, Charles City Gatt, Alex Grech, Harry Eddleston, Marvin Gaerty u Adrian Brincat ir-Russu.[4] Kunċert ieħor wara dan kien organizzat fl-iSplendid Lounge ta' Strada Stretta fil-21 ta' Jannar 2021.[5] Huwa daqq ukoll fis-serati ta' Iljieli fit-Teatru, organizzati minn Pjazza Teatru Rjal f'Ġunju 2022, b'tifkira ta' Charles City Gatt li kien miet ftit xhur qabel.[6]

Sa ftit ġimgħat qabel miet fl-2024, Murgo kien għadu jdoqq regolarment kull nhar ta' Ġimgħa fil-Każin ta' Vilhena fil-Furjana.[1]

Ħajja personali

immodifika

Fl-1998 Murgo kellu problema f'qalbu u spiċċa taħt il-kura tal-kirurgu Alex Manchè. Eventwalment saru ħbieb u kienu jiltaqgħu regolarment biex idoqqu flimkien, hekk kif Murgo skopra li Manchè kien jaf idoqq il-pjanu ukoll.[3]

Murgo miet ta' 87 sena fis-6 ta' Frar 2024.[3]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b Galea Debono, Fiona (2024-02-07). "Tributes flow for Sammy Murgo, 'an icon of the Maltese jazz scene forever'". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-07.
  2. ^ a b ċ d e Farrugia, Joe Julian (11 May 2016). "Sammy Murgo: Oral History - M3P". www.m3p.com.mt. Miġbur 2024-02-07.
  3. ^ a b ċ Zammit, Frederick (2024-02-07). "Imut il-mużiċist Sammy Murgo". Newsbook (bil-Malti). Miġbur 2024-02-07.
  4. ^ "A tribute to Sammy Murgo". Times of Malta (bl-Ingliż). 2016-05-08. Miġbur 2024-02-07.
  5. ^ "Celebrating Sammy Murgo and his music". Times of Malta (bl-Ingliż). 2021-01-18. Miġbur 2024-02-07.
  6. ^ "Pjazza Teatru Rjal 2022 Summer Events - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2024-02-07.

Ħoloq esternii

immodifika