Risco Caído

Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Gran Canaria, Spanja

Risco Caído huwa formazzjoni ġeoloġika u sit arkeoloġiku fuq il-gżira ta' Gran Canaria, Spanja. Is-sit jinkludi abitazzjonijiet preistoriċi fl-għerien, tempji u fosos fejn kien jinħażen il-qamħ li ġew attribwiti lill-kultura pre-Ispanika tal-Gżejjer Kanarji. Is-sit jitqies ukoll li ntuża bħala osservatorju astronomiku minn nies Aboriġini. F'Lulju 2019, is-sit ta' Risco Caído tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2] Ġie rikonoxxut ukoll mill-UNESCO bħala Pajsaġġ Kulturali.[3] Huwa l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tal-gżira ta' Gran Canaria u tal-provinċja ta' Las Palmas u r-raba' tal-Gżejjer Kanarji.[4]

Roque Bentayga.

Deskrizzjoni

immodifika

Risco Caído, li jinsab f'żona muntanjuża kbira fiċ-ċentru ta' Gran Canaria, jinkludi rdumijiet, ħniedaq u formazzjonijiet vulkaniċi f'pajsaġġ b'bijodiversità rikka. Il-pajsaġġ jinkludi għadd kbir ta' abitazzjonijiet trogloditiċi, fosos tal-ħżin tal-qamħ u ċisterni li huma evidenza tal-preżenza ta' kultura pre-Ispanika fuq il-gżira, li evolviet f'iżolament mill-wasla tal-Berberi tat-Tramuntana tal-Afrika, fi żmien il-qedem, sal-ewwel insedjaturi Spanjoli fis-seklu 15. Il-kumpless trogloditiku jinkludi wkoll ħofor li kienu jintużaw f'xi riti ta' qima u żewġ tempji sagri jew almogarenes, magħrufa bħala Risco Caído u Roque Bentayga, fejn kienu jsiru ċerimonji staġonali. Huwa maħsub li dawn it-tempji huma marbuta mal-qima possibbli tal-istilel u tad-Dinja Materna.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Risco Caido u tal-Muntanji Sagri ta' Gran Canaria ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[1][2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

 
Uħud mill-abitazzjonijiet preistoriċi fl-għerien.

L-inklużjoni ta' Risco Caído fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ġiet ikkritikata minn xi studjużi bħall-matematiku José Barrios, li jqis li ma tantx hemm wisq evidenza xjentifika biex is-sit jitqies bħala osservatorju astronomiku ta' poplu Aboriġenu jew biex dan is-sit jingħata iktar protezzjoni istituzzjonali minn postijiet oħra f'Gran Canaria, fosthom is-sit arkeoloġiku tal-Erba' Bibien. Il-ġeografu Eustaquio Villalba wkoll ressaq id-dubji tiegħu dwar l-eżistenza ta' osservatorju astronomiku f'Risco Caído. It-tnejn li huma jikkritikaw il-fatt li artiklu wieħed (li skonthom "ma tantx għandu bażi xjentifika"), miktub minn min skopra s-sit, Julio Cuenca, intuża bħala l-bażi biex is-sit isir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[5][6]

Skont Barrios, ma hemm l-ebda studju xjentifiku li jappoġġa l-ipoteżi arkeoloġika ta' osservatorju astronomiku (li hija r-raġuni fundamentali għaliex is-sit ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO). Huwa jsostni li ma hemm l-ebda markatur astronomiku li jista' jintuża bħala evidenza għal din l-ipoteżi u ma hemm l-ebda rapport tekniku ppubblikat li jappoġġa din l-ipoteżi.[7]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b "UNESCO's new World Heritage sites 2019". Travel (bl-Ingliż). 2019-07-10. Miġbur 2022-12-25.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Risco Caido and the Sacred Mountains of Gran Canaria Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-25.
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Cultural Landscapes". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-25.
  4. ^ "Risco Caído y las Montañas Sagradas de Gran Canaria ya son Patrimonio Mundial". elDiario.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-12-25.
  5. ^ Vargas, Natalia G. (2019-08-04). "Los que rompen la unanimidad sobre Risco Caído". elDiario.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-12-25.
  6. ^ Villalba, Eustaquio (2019-07-26). "Risco Caído, un ejemplo de historia manipulada". elDiario.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-12-25.
  7. ^ "Coloquios de Historia Canario Americana | Coloquios de Historia Canario Americana". revistas.grancanaria.com. Miġbur 2022-12-25.