Riżerva Forestali ta' Sinharaja

żona protetta u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-Sri Lanka

Ir-Riżerva Forestali ta' Sinharaja hija riżerva forestali u hotspot tal-bijodiversità fis-Sri Lanka. Għandha importanza internazzjonali u tniżżlet fil-lista tar-riżervi ta' bijosfera u tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Veduta tar-Riżerva Forestali ta' Sinharaja bl-għelieqi tat-te fuq quddiem.

Skont l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN), ir-Riżerva Forestali ta' Sinharaja hija l-aħħar żona vijabbli ta' foresti pluvjali tropikali primarji fil-pajjiż. Iktar minn 60 % tas-siġar huma endemiċi u bosta minnhom jitqiesu bħala rari. 50 % tal-ispeċijiet endemiċi tal-annimali tas-Sri Lanka (speċjalment friefet, anfibji, għasafar, sriep u ħut) jgħixu f'din ir-riżerva forestali. Barra minn hekk, ir-riżerva tospita sa 95 % tal-għasafar endemiċi.

Il-foresta pluvjali verġni fl-għoljiet, li tagħmel parti mill-ekoreġjun tal-foresti pluvjali tal-artijiet baxxi tas-Sri Lanka, ġiet salvata mill-agħar tal-qtugħ kummerċjali tas-siġar minħabba l-inaċċessibbiltà tagħha, u ġiet iddeżinjata bħala Riżerva ta' Bijosfera Dinjija fl-1978 u bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.

Minħabba l-veġetazzjoni densa, l-organiżmi selvaġġi li jgħixu ġo fiha ma tantx tiġi osservata faċilment bħal fil-parks nazzjonali taż-żoni nexfin tal-pajjiż bħal dak ta' Yala. L-iżjed mammiferu kbir komuni huwa l-langur endemiku ta' wiċċu vjola.

L-għasafar għandhom it-tendenza li jiċċaqilqu fi qtajja' biex jieklu, l-iktar tad-drongos tas-Sri Lanka u tal-bagħal storbjuż tal-munqar oranġjo. Mis-26 għasafar endemiċi tas-Sri Lanka, l-20 speċi tal-foresta pluvjali jgħixu f'din ir-riżerva forestali, fosthom il-malkoha ta' wiċċu aħmar, il-coucal tal-munqar aħdar u l-malvizz tas-Sri Lanka.

Fost ir-rettili tar-riżerva forestali hemm il-vipera l-ħadra u l-vipera ta' mneħirha mbuzzat, it-tnejn li huma endemiċi, u hemm varjetà kbira ta' anfibji, speċjalment żrinġijiet tas-siġar. L-invertebrati jinkludu l-friefet il-kbar tas-Sri Lanka u s-sangisugi.

Ir-Riżerva Forestali ta' Sinharaja spiss tkun imċajpra u dan l-aspett qanqal ukoll diversi leġġendi u misteri marbuta magħha. Il-kelma Sinharaja tfisser re iljun jew renju tal-iljun (bit-Tamil: සිංහ/சிங்கம் sinha tfisser iljun; u රාජ/ராஜா raja tfisser re jew renju), u skont leġġenda folkloristika popolari jingħad li f'din il-foresta protetta kien jgħix iljun leġġendarju.

Pożizzjoni

immodifika

Ir-Riżerva Forestali ta' Sinharaja tkopri l-biċċa l-kbira tal-baċir ta' Kalu Ganga u parti żgħira mill-baċir ta' Gin Ganga fit-Tramuntana. Il-biċċa l-kbira tar-riżerva forestali (60 %) tinsab fi ħdan il-konfini tad-Distrett ta' Rathnapura. Il-partijiet l-oħra jinkludu d-Distrett ta' Galle b'20 % u d-Distrett ta' Kaluthara b'20 %.[2]

Ġeografija naturali

immodifika

Il-foresta pluvjali x'aktarx li ffurmat matul il-Ġurassiku (minn 200 miljun sena sa 145 miljun sena ilu). Din il-foresta tinkludi erja ta' 36,000 ettaru (88,960 akru/360 km2).[3] Ir-riżerva fiha 21 kilometru (13-il mil) biss mil-Lvant għall-Punent, u massimu ta' 7 kilometri (4.3 mili) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, iżda fiha rikkezza ta' speċijiet endemiċi, fosthom siġar, insetti, anfibji, rettili, għasafar u mammiferi. Id-densità tal-veġetazzjoni tar-Riżerva Forestali ta' Sinharaja ġiet stmata għal 240,000 pjanta kull ettaru, u b'hekk hija l-iżjed foresta pluvjali densa fl-Asja.

Attività umana

immodifika

Ir-riżerva forestali hija integrata sew mal-popolazzjoni lokali li tgħix f'xi għexieren ta' villaġġi mal-konfini. Il-villaġġi jiżdiedu tul il-konfini tan-Nofsinhar, filwaqt li l-preżenza ta' xi proprjetajiet kbar tul il-konfini tat-Tramuntana wasslu biex ikun hemm inqas villaġġi hemmhekk. In-nies lokali jiġbru ħxejjex aromatiċi mediċinali, frott li jittiekel, lewż, faqqiegħ, prodotti forestali oħra li mhux injam, inkluż l-għasel tan-naħal u ġulepp ħelu miġbur minn speċi lokali ta' siġra tal-palm tal-ġeneru Caryota. Il-ġulepp jiġi kkonvertit f'zokkor tal-kannamiela, birra lokali u ħall. In-nies lokali jimxu fil-foresta biex jiġbru dawn il-prodotti naturali msemmijin hawn fuq meta ma jkunux qed jagħmlu xi xogħol agrikolu ieħor. Barra minn hekk, l-ilma ċar kristall li jiġi mill-għexieren ta' nixxigħat huwa s-sors prinċipali ta' ilma għan-nies kollha li jgħixu madwar ir-riżerva. Għal ġenerazzjonijiet sħaħ, in-nies lokali ilhom jimxu fil-foresta min-Nofsinhar għat-Tramuntana biex jagħmlu l-pellegrinaġġ annwali tagħhom sal-Quċċata ta' Adam.

Fl-2013, l-UNESCO talbet biex jieqaf it-twessigħ tat-triq tal-qedem li tikkollega ż-żona ta' Lankagama ma' Deniyaya tul roqgħa ta' kilometru ta' ġungla fi ħdan iż-żona protetta wara ilment miċ-Ċentru għall-Istudji Ambjentali u Naturali tas-Sri Lanka. Il-kostruzzjoni reġgħet bdiet fl-10 ta' Awwissu 2020, wara appelli fit-tul lill-gvern tas-Sri Lanka min-naħa tan-nies tal-villaġġi lokali. Grupp ta' ambjentalisti għamlu kampanja kbira fuq il-midja soċjali u talbu lid-Dipartiment Forestali tas-Sri Lanka, lill-President, lill-Ministeru għall-Ambjent u lill-Awtorità Ċentrali tal-Ambjent biex din l-attività titwaqqaf, iżda l-Gvern tas-Sri Lanka ddeċieda li kompli għaddej bil-proġett sabiex itejjeb l-għajxien tan-nies foqra tal-villaġġi taż-żona bl-ikklerjar ta' 0.006 % biss mill-massa tal-art totali tal-foresta.

Is-Sur Martin Wijesinhe kien wieħed mill-iżjed nies sinifikanti fis-Sri Lanka b'rabta mar-Riżerva Forestali ta' Sinharaja.[4] Huwa kien il-gwardjan mhux uffiċjali tar-Riżerva Forestali ta' Sinharaja. Huwa kien il-protettur u l-amministratur tagħha mis-snin 50 tas-seklu 20 sa mewtu fl-2021.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Ir-Riżerva Forestali ta' Sinharaja ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Mammiferi endemiċi

immodifika
  • L-iljunfant tas-Sri Lanka (Elephas maximus maximus);
  • il-leopard tas-Sri Lanka (Panthera pardus kotiya);
  • iċ-ċerva tas-Sri Lanka (Rusa unicolor unicolor);
  • iċ-ċerva ż-żgħira tas-Sri Lanka (Moschiola meminna);
  • ix-xakall tas-Sri Lanka (Canis aureus naria);
  • il-makakk ta' Toque (Macaca sinica);
  • il-loris l-aħmar (Loris tardigradus);
  • il-langur ta' wiċċu vjola (Semnopithecus vetulus);
  • il-bugeddum ta' Sinharaja (Crocidura hikmiya);
  • iż-żibett dehbi tal-palm (Paradoxurus zeylonensis);
  • il-Paradoxurus aureus;
  • iż-żibett dehbi tal-palm taż-żona niexfa (Paradoxurus stenocephalus);
  • iż-żibett kannella tal-palm tas-Sri Lanka (Paradoxurus montanus);
  • iċ-ċerva żgħira safra tal-istrixxi (Moschiola kathygre).[5]

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ "Sinharaja Forest Reserve - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-01.
  2. ^ Expeditions, Ceylon. "Sinharaja Rain Forest Sri Lanka | Best Wildlife Holidays Sri Lanka". Ceylon Expeditions (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-01.
  3. ^ Rodrigo, Malaka (2019-12-17). "Sri Lanka's Sinharaja rainforest reserve to be quadrupled in size". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-01.
  4. ^ "You are being redirected..." www.dailynews.lk. Miġbur 2024-12-01.
  5. ^ Lanka, Best of. "Sinharaja Forest Reserve Sri Lanka | Trekking in Sinharaja Rain Forest". Best of Lanka (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-01.