Reichenau
Reichenau (pronunzja bil-Ġermaniż: [ˈʁaɪçənaʊ]) hija gżira fil-Lag ta' Kostanza fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. Tinsab bejn wieħed u ieħor fil-Punent tal-belt ta' Konstanz, bejn il-Gnadensee u l-Untersee, żewġ partijiet tal-Lag ta' Kostanza. B'erja totali ta' 4.3 km2 u ċirkonferenza ta' 11-il kilometru, il-gżira hija twila 4.5 km u wiesgħa 1.5 km fl-usa' punt tagħha. L-ogħla punt tal-gżira, il-Hochwart, jinsab xi 43 metru 'l fuq mill-wiċċ tal-lag u 438.7 metru 'l fuq mil-livell medju tal-baħar.[1]
Il-gżira ta' Reichenau hija kkollegata mal-art kontinentali permezz ta' pont li tlesta fl-1838, bejn il-fdalijiet tal-Kastell ta' Schopflen u n-naħa tal-Lvant tal-gżira ta' Reichenau tul mogħdija tal-ilma wiesgħa għaxar metri u twila 95 metru, il-Bruckgraben. Pont baxx jippermetti l-passaġġ ta' dgħajjes ordinarji iżda mhux ta' dgħajjes bil-qlugħ.
Il-Gżira Monastika ta' Reichenau tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[2] L-Abbazija ta' Reichenau hija ddedikata lil Santa Marija u San Mark. Żewġ knejjes oħra nbnew fuq il-gżira u ġew ikkonsagrati u ddedikati lil San Ġorġ u lil San Pietru u San Pawl rispettivament. L-opri tal-arti famużi ta' Reichenau jinkludu (fil-Knisja ta' St George) il-ħitan impittra Ottonjani tal-mirakli ta' Kristu, pitturi uniċi mis-seklu 10. Is-Superjur tal-abbazija kien joqgħod f'binja ta' żewġ sulari, u fis-seklu 14 żdiedu żewġ sulari oħra b'qafas tal-injam. Din il-binja hija waħda mill-eqdem binjiet b'qafas tal-injam fin-Nofsinhar tal-Ġermanja.
Fost l-artijiet 'il bogħod bis-sjieda tal-abbazija kien hemm villaġġ fuq in-naħa ta' fuq tar-Renu fil-muniċipalità ta' Tamins fil-kanton ta' Graubünden, l-Iżvizzera, li ngħata l-isem tal-Abbazija ta' Reichenau.
Illum il-ġurnata l-gżira hija famuża wkoll għat-tkabbir tal-ħxejjex. Il-Wollmatinger Ried maġenb il-gżira ta' Reichenau hija riżerva naturali kbira magħmula minn żona ta' art mistagħdra bil-qasab. Din iż-żona tintuża minn ħafna għasafar li jieqfu jistrieħu fiha matul il-passa annwali tagħhom.
Abbazija ta' Reichenau
immodifikaL-Abbazija ta' Reichenau kienet monasteru Benedittin fil-gżira ta' Reichenau (magħrufa bil-Latin bħala Augia Dives). Ġiet stabbilita fis-724 minn San Pirmin, li jingħad li ħarab minn Spanja minħabba l-invażuri Għarab, bil-patroċinju li kien jinkludi lil Charles Martel, u, iktar lokalment, il-Konti Berthold tal-Ahalolfinger u d-Duka Santfrid I (Nebi).[3] Il-kunflitt ta' San Pirmin ma' Santfrid wassal biex huwa jitlaq minn Reichenau fis-727.[4] Taħt is-suċċessur tiegħu Haito, il-monasteru beda jiffjorixxi. Kiseb ċertu influwenza fid-dinastija Karolinġja, taħt is-Superjur tal-Abbazija Waldo ta' Reichenau (740-814), billi l-iskrivana impjegati fil-livell Imperjali u Dukali ġew edukati u mħarrġa. Is-Superjur tal-Abbazija Reginbert ta' Reichenau (?-846) saħħaħ il-kollezzjoni ta' kotba importanti.[5] Is-Superjur tal-Abbazija Walahfrid Strabo (842-849), li ġie edukat f'Reichenau, kien rinomat bħala poeta u studjuż tal-Latin.[6]
L-Abbazija kienet pożizzjonata f'post strateġiku tat-trasport bejn il-Ġermanja u l-Italja, fejn il-passaġġ fuq il-lag kien jaqta' biċċa mir-rotta iebsa li kien hemm biex wieħed jasal minn post għall-ieħor. L-Abbazija ta' Reichenau ospitat skola, u scriptorium kif ukoll studjo tal-artisti, li jingħad li kien l-ikbar ċentru, u l-iktar wieħed influwenti artistikament, għall-produzzjoni ta' manuskritti mill-isbaħ fl-Ewropa matul is-sekli 10 u 11, spiss imsejjaħ l-Iskola ta' Reichenau. Eżempju tal-produzzjoni tal-iscriptorium huma l-Periskopji ta' Enriku II, li saru għall-Imperatur, u li issa jinsabu fi Munich. Reichenau ppreservat ir-relikwi prezzjużi, fosthom il-buqar mit-Tieġ ta' Kana.[7]
L-Abbazija laħqet il-quċċata tagħha taħt is-Superjur tal-Abbazija Berno ta' Reichenau (1008-1048). Matul żmienu, studjużi importanti, bħal Hermannus Contractus, għexu u ħadmu f'Reichenau. Fit-tieni nofs tas-seklu 11, l-importanza kulturali tal-Abbazija bdiet tbatti minħabba r-riformi restrittivi tal-Papa Gregorju VII, kif ukoll minħabba r-rivalità mal-Abbazija ta' Sankt Gallen fl-Iżvizzera. Fl-1540, l-Isqof ta' Konstanz, rivali antik tas-Superjuri tal-Abbazija ta' Reichenau, sar Lord ta' Reichenau, u, taħt il-kontroll ta' diversi isqfijiet suċċessivi, l-importanza tal-Abbazija majnat.
Meta l-artijiet tal-Abbazija ġew sekolarizzati (inizjalment fl-1757 u b'mod permanenti fl-1803) u l-ordnijiet tal-patrijiet sfaxxaw taħt Napuljun, parti mil-librerija famuża ta' Reichenau ġiet ippreservata fil-Librerija Statali (bil-Ġermaniż: Landesbibliothek) ta' Karlsruhe. Il-Geographus Bavarus u diversi dokumenti importanti oħra jistgħu jinstabu fil-Librerija Statali Bavarjana fi Munich. Mill-2001, komunità żgħira ta' Benedittin ġiet stabbilita mill-ġdid fil-Knisja ta' Niederzell iddedikata lil San Pietru u San Pawl.
Nies notevoli midfuna f'Reichenau
immodifika- Gerold ta' Vinzgau
- Karlu l-Oħxon[8]
- Burchard III, id-Duka ta' Swabja
- Herman I, id-Duka ta' Swabja
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Gżira Monastika ta' Reichenau ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Referenzi
immodifika- ^ "Willkommen | Gemeinde Reichenau". www.reichenau.de. Miġbur 2021-09-24.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Monastic Island of Reichenau". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-24.
- ^ Rosamond McKitterick, The Frankish Kingdoms under the Carolingians, (Pearson Education Limited, 1983), p. 42.
- ^ Pierre Riche, The Carolingians: A Family Who Forged Europe, transl. Michael Idomir Allen, (University of Pennsylvania Press, 1993), p. 42.
- ^ M. Dorothy Neuhofer, In the Benedictine Tradition: The Origins and Early Development of Two College Libraries, (University Press of America, 1999), p. 34.
- ^ "www.staatsanzeiger.de | Staatsanzeiger BW". www.staatsanzeiger.de. Miġbur 2021-09-24.
- ^ Emily Albu, The Medieval Peutinger Map: Imperial Roman Revival in a German Empire, (Cambridge University Press, 2014), p. 49.
- ^ Paul Edward Dutton, The Politics of Dreaming in the Carolingian Empire, (University of Nebraska Press, 1994), p. 247.