Reġjun Naturali, Kulturali u Storiku ta' Kotor
Ir-Reġjun Naturali, Kulturali u Storiku ta' Kotor huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab fil-Montenegro u li ġie ddeżinjat fl-1979. Iħaddan fih iċ-ċentru storiku ta' Kotor (bit-Taljan: Cattaro), il-fortifikazzjonijiet Venezjani ta' Kotor, u r-reġjun tal-madwar fuq ġewwa tal-Bajja ta' Kotor.[1]
Deskrizzjoni
immodifikaĊentru storiku ta' Kotor
immodifikaIċ-ċentru storiku ta' Kotor (storikament magħruf bħala “Cattaro la Veneziana”) huwa mdawwar bi swar u għandu pajsaġġ urban Medjevalippreservat u rrestawrat tajjeb, b'binjiet notevoli bħall-Katidral ta' San Trifon (li nbena fl-1166).[2]
Iċ-ċentru storiku ta' Kotor ġarrab ħsarat kbar minħabba t-terremot tal-15 ta' April 1979, u dan wassal biex fl-istess sena li ġie ddeżinjat, is-sit jitqiegħed fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu. Wara riabilitazzjoni sinifikanti tar-raħal, is-sit tneħħa mil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu fl-2003.[3]
Fortifikazzjonijiet ta' Kotor
immodifikaIl-fortifikazzjonijiet jikkonsistu f'sistema ta' binjiet militari difensivi li kienu jħarsu r-raħal Medjevali ta' Kotor. Jinkludu s-swar, il-bibien jew id-daħliet, il-ħitan li jibqgħu telgħin fuq il-muntanja ta' San Ġwann, il-kastell ta' San Ġwann, u l-istrutturi ta' sostenn. Filwaqt li xi strutturi jmorru lura għal Żmien ir-Rumani u l-Biżantini, il-biċċa l-kbira tal-fortifikazzjonijiet inbnew taħt it-tmexxija tal-Venezjani.[4] Iktar 'il quddiem saru xi modifiki wkoll mill-Awstrijaċi. Mill-2017, il-fortifikazzjoniet huma elenkati wkoll bħala parti minn Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali ieħor tal-istrutturi tad-difiża tal-Venezjani tas-sekli 16 u 17 fil-Montenegro, il-Kroazja u l-Italja.[5]
Reġjun ta' Kotor
immodifikaIr-reġjun li huwa inkluż fis-Sit ta' Wirt Dinji huwa l-parti ta' ġewwa tal-Bajja ta' Kotor (lil hinn mill-istrett ta' Verige) imdawra bil-muntanji u rħula oħra, fosthom Risan u Perast apparti Kotor stess. Barra minn hekk, huma inklużi wkoll il-gżejriet ta' San Ġorġ (Sveti Đorđe) u tal-Madonna tal-Blat (Gospa od Škrpijela).
Preservazzjoni
immodifikaFl-1979, meta s-sit sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, tqiegħed ukoll fil-lista ta' siti fil-periklu minħabba l-ħsarat li ġarrab minħabba terremot. Bis-saħħa tal-isforzi internazzjonali konġunti, speċifikament fir-rigward ir-raħal ta' Kotor, twettaq ir-restawr li kien hemm bżonn biex b'hekk fl-2003 is-sit seta' jitneħħa mil-lista ta' siti fil-periklu.
Minkejja dan, is-sit jiffaċċja għadd ta' sfidi inġenerali. Il-perikli naturali bħall-erożjoni u t-terremoti dejjem se jkunu theddida. Madankollu, l-impatt tal-attività tal-bniedem hija l-ikbar sfida. Fil-fatt, xi żvilupp urban li sar tqies li jistona mal-għanijiet tal-preservazzjoni.[3] Kwistjoni oħra kienet il-proposta li jinbena pont min-naħa għall-oħra tal-istrett ta' Verige. Il-pont propost bejn il-Kap San Nedjelja u l-Kap Opatovo kieku jiffaċilita t-traffiku tal-Awtostrada tal-Adrijatiku li attwalment tuża sistema ta' laneċ minn naħa għall-oħra tal-bajja. Meta s-sit ġie ddeżinjat fl-1979, ġew rikonoxxuti l-valur kulturali tiegħu, għalkemm rapport ta' żjara (missjoni) tal-UNESCO tal-2008 jissuġġerixxi li għandu jitqies il-valur straordinarju tiegħu bħala “pajsaġġ kulturali”, li jaf iwassal għal xi aġġornament mill-UNESCO fis-snin li ġejjin.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIr-Reġjun Naturali, Kulturali u Storiku ta' Kotor ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979. Il-valur universali straordinarju tiegħu ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Natural and Culturo-Historical Region of Kotor". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-22.
- ^ "Cathedral of Saint Tryphon in Kotor Old City © KOTOR". KOTOR (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-09-28. Miġbur 2021-03-22.
- ^ a b ċ “UNESCO-ICOMOS mission report on The Natural and Culturo-Historical Region of Kotor”
- ^ "Fortifications of Kotor". Atlas Obscura (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-22.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Venetian Works of Defence between the 16th and 17th Centuries: Stato da Terra – Western Stato da Mar". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-22.