Pjazza tal-Mirakli

Sit ta’ Wirt Dinji f’Pisa, l-Italja

Il-Pjazza tal-Mirakli (bit-Taljan: Piazza dei Miracoli [pjattsa dei miˈraːkoli]), li formalment hija magħrufa bħala l-Pjazza tal-Katidral (bit-Taljan Piazza del Duomo), hija pjazza ta' 8.87 ettari mdawra b'ħitan Medjevali f'Pisa, it-Toskana, l-Italja. Il-pjazza hija rikonoxxuta bħala ċentru importanti tal-arti Medjevali Ewropea u tħaddan wieħed mill-ifjen kumplessi arkitetturali fid-dinja.[1] Il-pjazza titqies ikkonsagrata mill-Knisja Kattolika, li għandha s-sjieda tagħha, u fiha erba' binjiet reliġjużi mill-aqwa: il-Katidral ta' Pisa, il-Battisterju ta' Pisa, il-Kampnar, u ċ-Ċimiterju Monumentali. Parti mill-pjazza fiha rqajja' bil-ħaxix aħdar u parti minnha ġiet pavimentata. Fil-Pjazza tal-Mirakli hemm ukoll il-binja tal-Isptar il-Ġdid tal-Ispirtu s-Santu li issa fiha l-Mużew tal-Abbozzi ta' Tpinġijiet u l-Mużew tal-Katidral.

Il-Pjazza tal-Mirakli

L-isem Pjazza tal-Mirakli ngħata mill-kittieb u poeta Taljan Gabriele d'Annunzio, li fir-rumanz tiegħu Forse che sì forse che no (1910), iddeskriva l-pjazza bħala "prato dei Miracoli", jiġifieri "marġ tal-mirakli". Il-pjazza ġieli tissejjaħ Campo dei Miracoli (jiġifieri Għalqa tal-Mirakli). Fl-1987, il-pjazza kollha ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Topografija

immodifika

Għad-differenza ta' bliet oħra, il-Katidral ma jinsabx f'nofs iċ-ċentru storiku, iżda fin-naħa tal-Majjistral tal-belt. Din l-għażla saret minħabba li l-belt antika tal-Medju Evu hija ferm iżgħar, bħala turija tal-poter, kif ukoll għaliex inbniet fuq knisja preċedenti li kienet iddedikata lil Santa Marija. Iż-żamma tal-pjazza u tal-kumpless ta' monumenti minn dejjem kienet f'idejn l'Opera della Primaziale Pisana. Uħud isostnu li l-monumenti tal-pjazza nbnew skont l-iskema tal-Miżien taż-żodjaku u t-Torri Mxengel huwa l-fulkru tal-iskema.[1]

Il-pjazza mhix aċċessibbli għall-karozzi. Kisbet id-dehra li għandha llum lejn is-seklu 19, speċjalment bis-saħħa tal-arkitett Alessandro Gherardesca, li ġarraf xi binjiet li kien hemm qabel, bena residenza ekkleżjastika ġdida (li twaqqgħet fl-1863) u ħa ħsieb ir-restawr tal-monumenti li għad hemm s'issa.

 
Veduta tal-pjazza mit-Torri Mxengel

Il-kostruzzjoni tal-pjazza ma bdietx fil-Medju Evu iżda kienet ġa tintuża fil-perjodu tal-Etruski[2] u ċertament fi żmien ir-Rumani.[3] Fil-fatt, il-kanal Ozzeri kien jgħaddi qrib il-parti tal-pjazza fin-naħa tat-Tramuntana, filwaqt li fin-naħa tal-Lvant kien hemm port tax-xmara. Iż-żona kollha kienet art għan-niżla li kienet twassal lejn iż-żona tal-port. Fiż-żona bejn il-Katidral u ċ-Ċimiterju Monumentali nstabu s-sisien u l-fdalijiet ta' mużajk ta' żewġ domus ta' żmien ir-Rumani.[3] Iktar 'il quddiem, il-pjazza ġiet ittrasformata u l-użu tagħha nbidel minn wieħed ċivili għal wieħed sagru, x'aktarx għall-ħabta tal-waqgħa tal-Imperu Ruman tal-Punent u t-tnaqqis taċ-ċivitas. Jaf kien f'dan il-perjodu li l-art tal-pjazza ġiet iċċattjata biex tkun iktar watja flok għan-niżla. Fi żmien il-Longobardi ġew midfuna diversi nies fil-pjazza.

Fil-Medju Evu, lejn is-seklu 10, inbniet knisja li jingħad li kienet iddedikata lil Santa Marija. Din il-knisja kellha binja separata ta' battisterju maġenba. Skavi arkeoloġiċi li saru dan l-aħħar ħarġu fid-dieher kif din il-knisja tassew kienet teżisti, iżda qatt ma tlestiet.[3] Fil-kjostru taċ-Ċimiterju Monumentali nstabu s-sisien ta' binja b'għamla ottagonali, li kien jingħad li kienu tal-battisterju tal-katidral antik, instab li fil-fatt kienu tas-seklu 14 u li kienu parti taċ-Ċimiterju Monumentali stess f'waħda mill-fażijiet differenti tal-kostruzzjoni tiegħu.

Il-pjazza bdiet tieħu x-xejra kif nafuha llum fl-1063 (fl-1064 skont il-kalendarju ta' Pisa ta' dak iż-żmien) meta nbena l-katidral l-ġdid tal-belt iddedikat lil Santa Marija Maġġuri. Din l-opra tal-arti ġiet iffinanzjata bis-saħħa tar-rebħa militari ta' Pisa fi Sqallija, kontra l-Musulmani, li ġiet immexxija minn Giovanni Orlandi. Dak iż-żmien, iż-żona kienet għadha barra mill-ħitan li mbagħad twessgħu lejn l-1156 mill-konslu Cocco Griffi. Tliet snin qabel it-twessigħ tal-ħitan, inbeda jinbena l-Battisterju l-ġdid, din id-darba quddiem il-katidral u b'dijametru daqs il-wisa' tal-faċċata tal-katidral. Il-bieb li jagħti aċċess mill-ħitan għall-pjazza huwa Bieb l-Iljun, li huwa wieħed mill-punti ewlenin ta' aċċess għall-belt.

Dan il-bieb huwa miftuħ lejn il-Majjistral tal-pjazza f'żona żgħira b'iktar fortifikazzjonijiet u mħarsa minn tliet torrijiet: ta' Santa Marija, tal-Iljun u ta' Catallo. Fl-1173 inbdiet il-kostruzzjoni tal-kampnar. Lejn tmiem is-seklu 12 bdiet tinbena wkoll ir-residenza tal-kanoniċi fin-Nofsinhar tal-kampnar li għalqet il-pjazza fuq in-naħa tal-Lvant. Fl-1257, il-pjazza ngħalqet lejn in-Nofsinhar ukoll mill-binja tal-Isptar il-Ġdid tal-Ispirtu s-Santu, u fl-1277 ingħalqet anke lejn it-Tramuntana, qrib il-ħitan, miċ-Ċimiterju Monumentali.

 
Bieb il-Ġdid

Il-pożizzjonament u l-mod kif inbnew it-tliet monumenti ewlenin, ir-rabta spazjali bejniethom, il-konfigurazzjoni partikolari u l-volumetrija tal-Battisterju għadhom jiġu studjati fuq livel interdixxiplinari, mill-arkitettura, il-ġeometrija, u t-teoloġija.[4][5]

Id-dehra tal-pjazza nbidlet ferm waqt id-dominju tal-belt mill-familja Medici: Bieb l-Iljun ingħalaq għal dejjem u ż-żona quddiem dan l-aċċess ingħatat b'konċessjoni lill-komunità tal-Lhud għaċ-ċimiterju tagħhom; minflok infetaħ bieb ġdid, imsejjaħ proprju Bieb il-Ġdid, fuq in-naħa tal-Punent tal-pjazza tul it-triq ta' quddiem l-isptar. Dan tal-aħħar ġie mmodifikat għalkollox bl-istil ta' Firenze, u b'hekk tilef kull konnotazzjoni Gotika oriġinali.

Matul il-perjodu kollu tad-dominju tal-familji Medici u Lorraine nbnew ħafna binjiet fejn kien hemm spazji ħielsa: inbniet binja oħra tal-kanoniċi fit-Tramuntana tal-kampnar u l-binja tan-Nofsinhar ġiet imwessa' flimkien mal-Knisja ta' San Ranierino u d-dar tal-Battezieri; il-kampnar stess ġie mdawwar b'ħajt żgħir li jikkollega ż-żewġ binjiet fil-qrib; fil-Punent tal-Battisterju kien hemm dar bejjiegħ tal-merċa u ċint madwar biċċa raba' bil-ħxejjex tiegħu; dejjem fuq in-naħa tal-Punent, biswit il-ħitan, kien hemm id-Dwana, b'biċċa raba' wkoll; fit-Tramuntana, bejn iċ-Ċimiterju Monumentali u Bieb l-Iljun, kien hemm dar id-deffien. Fiż-żona lejn in-Nofsinhar tal-Katidral kien hemm xi binjiet żgħar oħra.

Wara x-xogħlijiet ta' Alessandro Gherardesca, li kkontribwixxa biex il-pjazza jkollha x-xejra li għandha sa llum, fl-aħħar tas-seklu 19 ġie deċiż li terġa' lura għal kif kienet oriġinarjament. Għalhekk, bil-mod il-mod twaqqgħu l-binjiet kollha li nbnew waqt id-dominju tal-familji Medici u Lorraine.

 
Inċiżjoni tal-Pjazza tal-Mirakli tas-seklu 19

L-aħħar modifiki saru lejn il-bidu tas-seklu 20 waqt żmien il-Faxxisti li għamlu l-monument iddedikat lill-Lupa ta' Ruma fl-art bil-ħaxix fit-Tramuntana tal-kampnar, li ħawwlu sbatax-il ċipress lejn it-tarf fil-Lvant tal-pjazza biex ifakkru s-sbatax-il militant Faxxist li kienu nqatlu, u li fetħu żewġ bibien żgħar fil-ġnub ta' Bieb il-Ġdid. Il-kolonna tal-monument tal-lupa oriġinat miċ-ċisterna fil-qrib li kienet iġġarrfet fis-seklu ta' qabel.

Bejn l-1912 u l-1952, fil-pjazza kien hemm binarji ferrovjarji u stazzjon iddedikat lin-network ferrovjarju ta' Pisa.

Fl-2007, wara li ġiet konkluża sejħa internazzjonali f'żewġ fażijiet, David Chipperfield ġie inkarigat biex jieħu ħsieb l-iktar proġett importanti tad-19-il kontenut tal-PIUSS (il-Programm Operattiv "Kompetittività reġjonali u okkupazzjoni"), fiż-żona maġenb l-isptar ta' Santa Klara.[6] Il-proġett kellu jitwettaq sal-2015 iżda minħabba dewmien fit-trasferiment tal-funzjonijiet kollha tal-isptar attwali lejn dak ta' Cisanello fl-2018, il-proġett baqa' qatt ma nbeda.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
It-Torri Mxengel ta' Pisa

Il-Pjazza tal-Mirakli ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987. Il-pjazza tqieset bħala waħda notevoli peress li fiha opri tal-art li jixhdu l-ispirtu kreattiv tas-seklu 14. Il-monumenti tal-pjazza jirriflettu dan l-istadju deċiżiv fl-istorja tal-arkitettura Medjevali u saru punt ta' referenza għall-istudji marbuta mal-istil Rumanesk ta' Pisa. Iċ-Ċimiterju Monumentali u ċ-ċiklu ta' affreski tiegħu, b'tipoloġija u użu partikolari, jikkostitwixxi eżempju mill-aqwa tal-istorja tal-pittura Medjevali Taljani tas-sekli 14 u 15.

Ġie meqjus li l-pjazza għandha valur straordinarju universali biex titniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem", ladarba l-pjazza hija unika artistikament minħabba d-disinn spazjali tagħha u l-erba' kapulavuri arkitetturali assoluti li huma l-katidral, il-battisterju, il-kampnar (it-Torri Mxengel ta' Pisa) u ċ-ċimiterju monumentali; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ", ladarba l-monumenti tal-pjazza influwenzaw b'mod konsiderevoli l-iżvilupp tal-arkitettura u l-arti monumentali fis-sekli 11 sa 13 u fis-seklu 14 wara l-pesta s-sewda; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem", ladarba l-monumenti tal-pjazza jirrappreżentaw eżempju straordinarju tal-arkitettura Kristjana Medjevali; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju", ladarba Galileo Galilei, osserva l-oxxillazzjonijiet tal-kandilabru tal-bronż magħmul minn Battista Lorenzi fil-Katidral ta' Pisa, u meta kellu 19-il sena skopra t-teorija tal-isokroniżmu tal-oxxillazzjonijiet iż-żgħar, li kienet preludju għax-xogħlijiet tiegħu fil-qasam tad-dinamika. Minn fuq il-kampnar, Galileo wettaq esperimenti li wasslu biex jifformula l-liġijiet li jirregolaw l-oġġetti li jitwaqqgħu. Għaldaqstant, żewġ binjiet prinċipali tal-Pjazza tal-Mirakli huma assoċjati direttament u b'mod tanġibbli ma' stadju deċiżiv fl-istorja tax-xjenzi fiżiċi.[8]

 
Veduta panoramika tal-Pjazza tal-Mirakli

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b Renzulli, Melanie (2010). Rachel Mills (ed.). The Green Guide: Italy (bl-Ingliż). Greenville, SC: Michelin. p. 328. ISBN 9781907099571.
  2. ^ "Piazza del Duomo - Scavi archeologici" (bit-Taljan). Komun ta' Pisa. Miġbur 2021-02-27.
  3. ^ a b ċ "I tesori archeologici sotto il prato di Piazza dei Miracoli" (bit-Taljan). Università ta' Pisa. Miġbur 2021-02-27.
  4. ^ Franca Manenti Valli, Pisa. Lo spazio e il sacro, Firenze, Polistampa, 2016, ISBN 8859616662.
  5. ^ La Piazza dei Miracoli: numeri e alchimie, fil-Corriere Fiorentino, 31-05-2019.
  6. ^ "Chipperfield vince il concorso di Santa Chiara a Pisa" (bit-Taljan). Archiportale. Miġbur 2021-02-27.
  7. ^ "Ospedale Cisanello, verso il nuovo 'Santa Chiara': a maggio via all'ultimo lotto di lavori" (bit-Taljan). PisaToday. Miġbur 2021-02-27.
  8. ^ "Piazza del Duomo, Pisa" (bl-Ingliż). UNESCO World Heritage Centre. Miġbur 2021-02-27.