Parrukkier

persuna li taqta' xagħar il-klijenti jew tagħtih stil

Parrukkier huwa persuna li tieħu ħsieb taqta’ x-xagħar jew tagħti stil lix-xagħar sabiex tibdel jew iżżomm id-dehra ta’ klijent. Id-differenza prinċipali meta mqabbel ma’ barbier hi li parrukkier ma jqaxxarx il-leħja għaldaqstant il-klijentela ewlenija tkun magħmula mill-bniet u min-nisa. Sabiex iwettaq xogħlu, parrukkier juża kombinament ta’ tekniki tal-għoti tal-kulur tax-xagħar, tal-qtugħ tax-xagħar, u tal-għoti tal-isfumaturi tax-xagħar. Xi titli professjonali li jintużaw jew kienu jintużaw b’referenza għall-parrukkiera huma stilista tax-xagħar, tekniku tal-għoti tal-kulur tax-xagħar, stilista tal-parrokki, eċċ. Kull titlu professjonali għandu verżjoni li tapplika għall-apprendist.[1]

Parrukkiera

Sengħa tal-parrukkier fil-qedem

immodifika
 
Parrukkier jaqta’ ix-xagħar ta’ tifel jew tifla, 1866

Is-sengħa jew il-professjoni tal-parrukkier tmur lura eluf ta’ snin. Ġew skoperti bosta tpinġijiet u tpittir tal-qedem li juru persuni jaħdmu fuq ix-xagħar ta’ persuna oħra. Il-kittieba Griegi Aristofane u Omeru t-tnejn li huma jsemmu s-sengħa tal-parrukkier fil-kitbiet tagħhom. Fl-Afrika, it-twemmin f’xi kulturi kien li l-ispirtu ta’ persuna kienet tokkupalha ix-xagħar tagħha, u b’hekk il-parrukkiera kien ikollhom status għoli fi ħdan dawn il-komunitajiet. L-istatus tas-sengħa tal-parrukkiera ħeġġeġ lil bosta biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, u nbnew relazzjonijiet mill-qrib bejn il-parrukkiera u l-klijenti tagħhom. Kienu jqattgħu s-sigħat jaħslulhom, jippettnawlhom, jagħtu ż-żejt, jagħtu l-istil u jżejnulhom ix-xagħarhom. L-irġiel kienu jaħdmu speċifikament fuq l-irġiel, u n-nisa fuq nisa oħra. Qabel ma parrukkier ewlieni kien imut, dan kien jagħti l-għodod tiegħu lil suċċessur tal-għażla tiegħu waqt ċerimonja speċjali.[2]

Fl-Eġittu tal-qedem, il-parrukkiera kien ikollhom kontenituri mżejna b’mod speċjali biex fihom iżommu l-għodod tagħhom, inkluż il-prodotti likwidi, l-imqass, u l-materjali tal-għoti tal-istil. Il-barbiera wkoll kienu jaħdmu bħall-parrukkiera, u l-irġiel għonja spiss kien ikollhom barbiera personali jgħixu magħhom id-dar. Fi żmien meta l-kultura tal-ilbies ta’ parrokka kienet l-istandard, il-produtturi tal-parrokki kienu jiġu mħarrġa wkoll bħala parrukkiera. F’Ruma u fil-Greċja tal-qedem l-iskjavi u l-qaddejja tal-unitajiet domestiċi kienu jaqdu r-rwol ta’ parrukkiera, inkluż l-għoti tal-kulur lix-xagħar u t-tqaxxir tal-leħja. L-irġiel li ma kienx ikollhom is-servizz tal-barbier id-dar kienu jmorru għand ħanut tal-barbier lokali. In-nisa kienu jieħdu ħsieb xagħarhom id-dar tagħhom stess. B’xorti ħażina ma tantx hemm dokumentazzjoni storika rigward l-istilisti tax-xagħar mis-seklu 5 sas-seklu 14. Is-servizz tal-parrukkiera kibritlu d-domanda wara digriet Papali fl-1092 li stipula li n-nies kollha tal-kleru Kattoliku Ruman kellhom ineħħu d-daqna, il-leħja u l-mustaċċi.[2]

 
Karikatura ta’ parrukkier Franċiż fl-Académie de Coiffure, jaħdem fuq stil tax-xagħar twil u għoli skont il-moda tas-seklu 18

L-ewwel darba li tfaċċa t-terminu “parrukkier” kien fl-Ewropa fis-seklu 17, u s-sengħa tal-parrukkier kienet meqjusa professjoni. Il-moda tax-xagħar ta’ dak iż-żmien kienet titlob li n-nisa għonja jkollhom stili tax-xagħar (jew parrokki) kbar, kumplessi u mżejna ħafna, u dan l-istil kien jinżamm bis-saħħa tas-sefturi personali tagħhom u ta’ nies oħra li kienu jqattgħu sigħat sħaħ ma’ xagħar in-nisa. L-irġiel bdew jagħtu stil lil xagħar in-nisa għall-ewwel darba fi Franza, u ħafna parrukkiera notevoli ta’ dak iż-żmien kienu rġiel, xejra li kompliet sa żminijietna. L-ewwel parrukkier famuż kien Champagne, li twieled fin-Nofsinhar ta’ Franza. Malli ċċaqlaq lejn Pariġi, huwa fetaħ il-ħanut tiegħu u ħa ħsieb ix-xagħar tan-nisa Pariġini għonja sa mewtu fl-1658.[2]

Matul is-seklu 17, l-istil tax-xagħar tan-nisa kien li jżommuh ferm itwal u ogħla, u dan l-istil sar popolari bis-saħħa tal-parrukkiera Madame Martin. L-istil tax-xagħar, magħruf bħala “t-torri”, kien moda man-nisa għonja Ingliżi u Amerikani, li kienu jiddependu fuq il-parrukkiera tagħhom biex jgħollulhom xagħarhom kemm jista’ jkun. Bosta nokkli u xagħar kienu jindelku bil-pomati, jiġu ssettjati bit-trab tax-xagħar, u jiġu mżejna b’żigarelli, fjuri, lazzijiet, rix u ġojjellerija. Il-professjoni tal-parrukkiera ġiet varata bħala professjoni ġenwina meta Legros de Rumigny ġie ddikjarat l-ewwel parrukkier uffiċjali tal-qorti Franċiża. Fl-1765 de Rumigny ippubblika l-ktieb tiegħuArt de la Coiffure des Dames, li ddiskuta l-professjoni tal-parrukkier u kien jinkludi stampi ta’ stili tax-xagħar iddisinjati minnu. Il-ktieb mar tajjeb ħafna fost in-nisa Franċiżi, u erba’ snin wara, de Rumigny fetaħ skola għall-parrukkiera, l-Academie de Coiffure. Fl-iskola huwa għallem lill-irġiel u lin-nisa kif jaqtgħu x-xagħar u kif joħolqu d-disinni speċjali tiegħu tax-xagħar.[2]

Sal-1777, bejn wieħed u ieħor 1,200 parrukkier kienu qed jaħdmu f’Pariġi. Matul dan iż-żmien, il-barbiera ffurmaw għaqdiet, u talbu biex il-parrukkiera jagħmlu bħalhom. Il-produtturi tal-parrokki wkoll talbu biex il-parrukkiera ma jibqgħu jnaqqrulhom minn xogħolhom, u l-parrukkiera wieġbu li r-rwoli tagħhom ma kinux l-istess, li xogħolhom kien servizz, mentri l-produtturi tal-parrokki kienu jipproduċu u jbigħu prodott. De Rumigny miet fl-1770 u parrukkiera oħra kisbu l-popolarità, b’mod speċifiku tliet irġiel Franċiżi: Frederic, Larseueur, u Léonard. Léonard u Larseueur kienu l-istilisti ta’ Marie Antoinette. Léonard kien il-favorit tagħha, u żviluppa ħafna stili tax-xagħar li saru moda man-nies għonja ta’ Pariġi, inkluż il-loge d'opera, li kien iwassal ix-xagħar sa ħames piedi ’l fuq minn ras il-persuna.[3] Matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża huwa ħarab mill-pajjiż ftit sigħat qabel ma kien se jiġi arrestat, flimkien mar-re, mar-reġina, u ma’ klijenti oħra. Léonard emigra lejn ir-Russja, fejn ħadem bħala l-parrukkier ewlieni għan-nobbiltà Russa.[2]

Seklu 19

immodifika

Il-parrukkiera Pariġini komplew jiżviluppaw stili influwenti matul il-bidu tas-seklu 19. In-nisa għonja Franċiżi kienu jqabbdu lill-parrukkiera favoriti tagħhom jagħtu stil lil xagħarhom fid-djar tagħhom stess, xejra komuni fost il-komunitajiet għonja internazzjonali. Dan kien primarjament servizz li kien tajjeb biss għal but l-għonja li kienu jifilħu jqabbdu lil parrukkiera professjonisti jew inkella jħallsu biex ikollhom qaddejja li jieħdu ħsieb xagħarhom. Fl-Istati Uniti, Marie Laveau kienet waħda mill-iktar parrukkiera famużi ta’ dak iż-żmien. Laveau bdiet taħdem f’New Orleans bħala parrukkiera fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 19, u kienet tieħu ħsieb xagħar in-nisa għonja tal-belt. Hija kienet prattikanta tal-voodoo, u kienet tissejjaħ ir-“Reġina tal-Voodoo ta’ New Orleans”. Hija użat il-kuntatti li kellha man-nisa għonja biex jappoġġawlha l-prattika reliġjuża tagħha. Hija kienet tagħti “għajnuna” lin-nisa li kellhom bżonn u kienet titħallas bil-flus, bir-rigali u bi pjaċiri oħra.[2]

Il-parrukkier Franċiż Marcel Grateau żviluppa l-“mewġa ta’ Marcel” fl-aħħar parti tas-seklu. Il-mewġa tiegħu kienet tirrikjedi l-użu ta’ ħadida taħraq speċjali tax-xagħar u kienet issir minn parrukkier tal-esperjenza. In-nisa li kienu jħobbu jżommu mal-moda kienu jistaqsu biex xagħarhom jiġi “Marcelizzat”. Matul dan il-perjodu, il-parrukkiera bdew jiftħu l-ħwienet tagħhom fil-bliet u fl-irħula, fosthom Martha Matilda Harper, li żviluppat waħda mill-ewwel ktajjen ta’ ħwienet tal-parrukkiera bl-isem ta’ Harper.[2]

Seklu 20

immodifika
Parrukkier u stilista tax-xagħar Olandiż jagħti l-istil “Coup Sixty-One” lil klijenta tiegħu

Matul is-seklu 20 saru popolari l-ħwienet tas-sbuħija għan-nisa flimkien mal-ħwienet tal-barbiera għall-irġiel. Dawn l-ispazji kienu jservu bħala spazji soċjali, u b’hekk in-nisa setgħu jissoċjalizzaw sakemm il-parrukkiera jagħmlulhom xagħarhom u jipprovdulhom servizzi oħra bħat-trattamenti tal-wiċċ. In-nisa għonja xorta baqgħu jġibu lill-parrukkiera d-dar tagħhom, iżda l-maġġoranza tan-nisa kienu jmorru fil-ħwienet tal-parrukkiera għas-servizzi tagħhom.[2]

Matul dan il-perjodu seħħew avvanzi kbar fix-xogħol tal-parrukkiera. L-elettriku wassal għall-iżvilupp ta’ tagħmir li jipproduċi mewġ permanenti fix-xagħar jew jillixxah u tagħmir tat-tnixxif tax-xagħar. Permezz ta’ dawn l-għodod, il-parrukkiera setgħu jħeġġu iktar lin-nies biex iżuru l-ħwienet tagħhom minflok joqogħdu jmorru għand il-klijenti tagħhom. Ġew żviluppati proċessi ġodda tal-għoti tal-kulur lix-xagħar, fosthom dawk ta’ Eugène Schueller f’Pariġi, li permezz tagħhom il-parrukkiera setgħu jużaw tekniki kkumplikati tal-għoti ta’ stil lix-xagħar. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-qatgħat magħrufa l-iktar bħala “bob cut” u “shingle bob” saru popolari, flimkien ma’ qatgħat qosra oħra tax-xagħar. Fis-snin 30 tas-seklu 20 reġgħu ġew moda stili kkumplikati tax-xagħar, flimkien mal-mewġa ta’ Marcel. Il-professjoni tal-parrukkiera kienet waħda mill-ftit professjonijiet aċċettabbli dak iż-żmien għan-nisa, flimkien ma’ dawk tal-għalliema, tal-infermiera u l-iskrivana.[2]

Parrukkier illum

immodifika
 
Parrukkiera fil-Kosta tal-Avorju

Bħala okkupazzjoni, ix-xogħol tal-parrukkiera mistenni jikber iktar malajr mill-medja tal-okkupazzjonijiet l-oħra kollha, jiġifieri b’20 %. Liċenzja statali hija meħtieġa fl-Istati Uniti għall-parrukkiera biex jipprattikaw ix-xogħol tagħhom, u l-kwalifiki jvarjaw minn stat għall-ieħor. Ġeneralment, persuna interessata fix-xogħol tal-parrukkiera jrid ikollha ċertifikat tal-iskola sekondarja jew postsekondarja, ikollha mill-inqas 16-il sena, u jkollha kwalifiki jew liċenzja mill-istat jew minn skejjel tal-barbiera jew tal-kożmetoloġija. Il-korsijiet full-time spiss idumu disa’ xhur jew iktar u jwasslu għal kwalifika jew diploma. Imbagħad wieħed jista’ japplika għal-liċenzja mill-istat. Madwar 44 % tal-parrukkiera jaħdmu full-time għal rashom. Fl-2008, 29 % tal-istilisti tax-xagħar kienu jaħdmu part-time u 14 % kellhom skedi varjabbli.[4]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Government of Canada, Statistics Canada (2012-01-06). "NOC 2011 - 6341 - Hairstylists and barbers". www23.statcan.gc.ca. Miġbur 2021-07-11.
  2. ^ a b ċ d e f ġ g Victoria Sherrow (2006). Encyclopedia of hair: a cultural history. Greenwood Publishing Group. pp. 161–164. ISBN 978-0-313-33145-9.
  3. ^ Brown-Paynter, R. (1894–1895). "Freaks of Fashion". Atalanta. 8: 163.
  4. ^ "Hairdressers, Hairstylists, and Cosmetologists". www.bls.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-11.