Park Provinċjali ta' Writing-on-Stone

park provinċjali f'Alberta, il-Kanada

Il-Park Provinċjali ta' Writing-on-Stone jinsab madwar 100 kilometru (60 mil) fix-Xlokk ta' Lethbridge, Alberta, il-Kanada, jew 44 kilometru (30 mil) fil-Lvant tal-komunità ta' Milk River, tul ix-xmara Milk stess. Huwa waħda mill-ikbar żoni ta' prateriji protetti fis-sistema tal-parks ta' Alberta, u huwa kemm riżerva naturali kif ukoll sit protett ta' bosta tinqix u tpittir fuq il-blat tal-Ewwel Ġnus (indiġeni). Il-park huwa sagru għall-poplu Blackfoot u għal bosta tribujiet Aboriġini oħra.

Dawn il-petroglifiċi nħolqu qabel il-wasla taż-żiemel u juru lil ġellieda bit-tarki.

Fis-6 ta' Lulju 2019, Writing-on-Stone / Áísínai'pi tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] L-applikazzjoni tal-UNESCO tressqet bl-isem ta' Áísínai'pi / ᖰᓱᖸᑯ, li bil-lingwa Blackfoot tfisser "miktub/impitter". Il-park provinċjali huwa magħruf ukoll bħala s-Sit Storiku Nazzjonali ta' Áísínaiʼpi.[2]

Riżorsi

immodifika

Il-Park Provinċjali ta' Writing-on-Stone fih l-ikbar konċentrazzjoni ta' arti fuq il-blat fil-Pjanuri l-Kbar tal-Amerka ta' Fuq. Hemm iktar minn 50 sit bil-petroglifiċi u eluf ta' opri tal-arti. Il-park fih ukoll rikostruzzjoni ta' sit tal-Pulizija biż-Żwiemel tat-Territorji tal-Majjistral fis-sit oriġinali. Is-sit oriġinali kien inħaraq wara li ngħata n-nar minn mpersuni mhux magħrufa wara li ngħalaq fl-1918.

Il-park fih ċentru għall-viżitaturi, żoni għall-kampeġġi, żoni għall-picnics, żoni għall-użu mill-gruppi, u mogħdijiet għall-mixi, kif ukoll postijiet għall-mawriet bil-kenura u bil-kajak tul ix-xmara Milk.[3]

Flora u fawna

immodifika
 
Il-park jinsab fil-wied tax-xmara Milk. Lejn in-Nofsinhar hemm l-għoljiet vulkaniċi ta' Sweetgrass f'Montana.

Il-park jinkludi 17.80 kilometru kwadru (6.87 mil kwadru) ta' ħabitats tal-hekk imsejħa coulee u tal-prateriji, u jospita varjetà wiesgħa ta' pjanti u ta' annimali.

Fost l-ispeċijiet ta' għasafar li jinstabu fil-park hemm il-falkuni tal-prateriji, il-kokki tal-Virġinja, il-kokki tax-xagħri, l-ispanjuletti Amerikani u l-ħuttaf tal-irdumijiet, kif ukoll il-faġani tal-Amerka ta' Fuq u l-ħaġliet griżi.

Il-prateriji madwar il-park huma ħabitat tajjeb għall-għażżiela Amerikani. Annimali oħra li jinstabu fl-inħawi tal-park jinkludu ċ-ċriev, ir-rodituri tat-Tramuntana, l-iskunks, ir-raccoons, il-marmotti ta' żaqqhom safra u l-bobcats. Fost l-anfibji hemm is-salamandri tigri, iż-żrinġijiet boreali, iż-żrinġijiet leopardi u r-rospi tal-pjanuri. Fost ir-rettili hemm is-sriep barrin, is-sriep velenużi tal-prateriji u l-lifgħat.

L-ambjent tal-coulee huwa ottimali għal-luq balsamiku u għas-siġar tal-qoton tal-weraq dejjaq. Fil-park jikbru wkoll iż-żafżafa u s-siġar tal-qoton tal-pjanuri. Fost l-arbuxelli jikbru l-ġniebru, iċ-chokecherry, is-saskatoon, iż-żafżafa tal-għaram u żewġ varjetajiet ta' ward selvaġġ. Uħud mill-iżjed speċijiet ta' kaktus tat-Tramuntana, inkluż l-Opuntia (il-bajtar tax-xewk) u l-Pediocactus, jinstabu fil-park ukoll.

Iż-żoni bil-ġebel ramli fil-park jagħmlu parti mill-Formazzjoni tax-Xmara Milk, li ġiet depożitata tul it-tarf ta' baħar intern kbir madwar 84 miljun sena ilu matul l-epoka tal-Kretaċju Aħħari. L-ilma li dab mill-glaċieri li bdew jirtiraw lejn tmiem l-aħħar era glaċjali naqqax il-wied attwali tax-xmara Milk, u l-ilma, is-silġ u r-riħ kielu l-ġebel ramli u pproduċew il-formazzjonijiet ġeoloġiċi u l-irdumijiet fil-park.[4]

 
Mogħdija li sserrep qalb il-formazzjonijiet ġeoloġiċi tal-park.

Hemm evidenza li l-Wied tax-Xmara Milk kien abitat mill-popli tal-Ewwel Ġnus saħansitra 9,000 sena ilu. Tribujiet tal-Ewwel Ġnus bħall-Blackfoot x'aktarx li ħolqu bosta mit-tinqix fuq il-blat (petroglifiċi) u mit-tpittir fuq il-blat (pittogrammi). Gruppi oħra tal-Ewwel Ġnus bħax-Shoshone vvjaġġaw ukoll fil-wied u x'aktarx li huma wkoll ħolqu wħud mill-opri tal-arti. Dan it-tinqix u t-tpittir jirrakkonta l-ħajjiet u l-vjaġġi ta' dawk li ħolquhom, u tal-ispirti li kienu jemmnu li kienu jeżistu hemmhekk. L-irdumijiet u l-formazzjonijiet ġeoloġiċi kellhom impatt b'saħħtu fuq il-viżitaturi nattivi, li kienu jemmnu li fihom kienu jgħammru spirti setgħana. Il-kenn tal-coulees u l-abbundanza tal-organiżmi selvaġġi u tal-frott wasslu biex iż-żona li issa tifforma l-park kienet post eċċellenti għal dawn il-popli nomadiċi biex jieqfu fih matul il-migrazzjonijiet staġonali tagħhom. Filwaqt li l-ikbar użu taż-żona sar minn dawk li kienu jkunu fi tranżitu, hemm xi evidenza, inkluż ċrieket tipi u rota mediċinali, li kien hemm xi insedjament permanenti hemmhekk ukoll.

Għall-ħabta tal-1730, għadd kbir ta' żwiemel, oġġetti tal-metall u armi tan-nar bdew jitfaċċaw fil-pjanuri tal-Punent. Dan kien ifisser mhux biss bidla fl-istil tal-ħajja tal-Ewwel Ġnus, iżda wkoll bidla fil-kontenut tal-arti fuq il-blat. Matul dan il-perjodu, bdew isiru figuri ta' kaċċaturi rekbin fuq iż-żwiemel u ta' ġellieda mingħajr tarki.

Fl-1887 ġie stabbili kamp tal-Pulizija biż-Żwiemel tat-Territorji tal-Majjistral (il-prekursur tal-Pulizija biż-Żwiemel Irjali Kanadiżi) f'Writing-on-Stone bħala tentattiv ta' trażżin tal-kuntrabandu transfruntieri tal-whisky, li kien qed jeqred il-popolazzjoni nattiva, u biex jitwaqqfu darba għal dejjem l-attakki biż-żwiemel kontra l-Ewwel Ġnus. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-problemi ma saret wisq gravi f'dan is-sit, u l-Pulizija biż-Żwiemel tat-Territorji tal-Majjistral qattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħin tagħhom jitfu n-nirien tas-sajf qalb il-ħaxix, jiġbru l-bhejjem Amerikan f'merħliet tul il-fruntiera, u jirkbu ż-żwiemel għal rondi sħaħ għal bosta kilometri tul il-fruntiera. Fil-perjodu ta' eżatt qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-insedjaturi bdew jaslu fl-inħawi, u dan għen biex itaffi ftit l-iżolament tal-Pulizija biż-Żwiemel tat-Territorji tal-Majjistral. Fl-1918 il-kamp ingħalaq, peress li l-awtoritajiet Kanadiżi ħassew li ma tantx kien hemm iktar lok għal attività kriminali tul il-fruntiera, u ftit wara, is-sit ingħata n-nar minn persuni mhux magħrufa.

Il-park inħoloq fl-1957 u ġie ddeżinjat bħala riżerva arkeoloġika fl-1977. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ċentenarji tal-Pulizija biż-Żwiemel tat-Territorji tal-Majjistral, il-kamp oriġinali ġie rikostruwit bejn l-1973 u l-1975, u issa huwa waħda mill-attrazzjonijiet fil-park. Arkeologi mid-Dipartiment tal-Parks Provinċjali ta' Alberta wettqu stħarriġiet u kkatalogaw bosta siti petroglifiċi u pittografiċi fi ħdan il-park fl-1973. Fl-1981, parti mill-park ġiet iddeżinjata bħala Riżorsa Storika Provinċjali biex l-arti fuq il-blat tiġi protetta mill-impatt tal-vandaliżmu u l-graffiti. L-iżjed żoni sensittivi issa jinsabu f'żoni aċċessibbli bi żjarat gwidati biss. Fl-1977, il-park ippreserva l-arkeoloġija tal-pittogrammi u tal-petroglifiċi. Permezz ta' din il-protezzjoni, il-park fih waħda mill-ikbar konċentrazzjonijiet ta' arti fuq il-blat fil-Pjanuri tal-Amerka ta' Fuq. Fl-2004 Parks Canada żiedu l-park mal-lista ta' siti indikattivi tal-Kanada biex xi darba jsiru Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-applikazzjoni indikat li l-poplu Blackfoot xtaq ukoll li l-Għoljiet ta' Sweetgrass ta' Montana jiġu inklużi wkoll bħala parti mis-sit. F'Marzu 2005, il-park ġie ddeżinjat bħala Sit Storiku Nazzjonali. Fl-20 ta' Ġunju 2007, iċ-ċentru l-ġdid għall-viżitaturi tal-park, b'veduti tal-wied minn xifer l-irdumijiet tat-Tramuntana, infetaħ uffiċjalment.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Writing-on-Stone / Áísínai'pi ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Iktar qari

immodifika
  • Bouchet-Bert, Lus. "From Spiritual and Biographic to Boundary-Marking Deterrent Art: A Reinterpretation of Writing-on-Stone". Plains Anthropologist 44.167 (1999): 27-46.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Writing-on-Stone / Áísínai’pi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-22.
  2. ^ "Parks Canada - National Historic Sites in Alberta - National Historic…". archive.ph. 2012-09-11. Miġbur 2024-06-22.
  3. ^ "Writing-on-Stone PP - Writing-on-Stone Provincial Park | Alberta Parks". www.albertaparks.ca. Miġbur 2024-06-22.
  4. ^ Payenberg, T.D.H., Braman, D.R., Davis, D.W. and Miall, A.D. 2002. Litho- and chronostratigraphic relationships of the Santonian-Campanian Milk River Formation in southern Alberta and the Eagle Formation in Montana utilising stratigraphy, U-Pb geochronology, and palynology, Canadian Journal of Earth Sciences, vol. 39, pp. 1553-1577.