Park Nazzjonali ta' Komodo

park nazzjonali fl-Indoneżja

Il-Park Nazzjonali ta' Komodo (bl-Indoneżjan: Taman Nasional Komodo) huwa park nazzjonali fl-Indoneżja li jinsab fil-Gżejjer Inferjuri ta' Sunda fir-reġjun tal-fruntiera bejn il-provinċji ta' Nusa Tenggara tal-Lvant u Nusa Tenggara tal-Punent. Il-park jinkludi t-tliet gżejjer il-kbar ta' Komodo, Padar u Rinca, u 26 gżira żgħira[1], b'erja totali ta' 1,733 km2 (603 km2 minnhom art). Il-park nazzjonali ġie stabbilit fl-1980 biex jiġi protett id-dragun ta' Komodo, l-ikbar gremxula fid-dinja.[2] Iktar 'il quddiem ġie ddedikat ukoll għall-protezzjoni ta' speċijiet oħra, fosthom speċijiet tal-baħar. Fl-1991, il-park nazzjonali tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Id-Dragun ta' Komodo (Varanus komodoensis)

Il-Park Nazzjonali ta' Komodo ntgħażel bħala wieħed mis-seba' għeġubijiet ġodda tan-natura fid-dinja.[4] L-ilmijiet madwar il-gżira ta' Komodo fihom bijodiversità rikka tal-baħar. Il-Gżejjer ta' Komodo huma parti wkoll mit-Trijangolu tal-Qroll, li fih waħda mill-iżjed bijodiversitajiet rikki fid-dinja.

 
Veduta minn punt panoramiku fuq il-Gżira ta' Padar

Il-Park Nazzjonali ta' Komodo ġie stabbilit fl-1980 u fl-1991 tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji u Riżerva tal-Bniedem u tal-Bijosfera tal-UNESCO. Il-park inizjalment ġie stabbilit biex jiġi kkonservat id-dragun uniku ta' Komodo (Varanus komodoensis), li ġie skopert għall-ewwel darba mid-dinja xjentifika fl-1912 mil-Logutenent J. K. H. van Steyn van Henbroek, l-Amministratur Ċivili f'Reo, fil-Gżira ta' Flores. Minn dak iż-żmien 'l hawn, l-għanijiet ta' konservazzjoni twessgħu biex tiġi protetta l-bijodiversità kollha tar-reġjun, kemm tal-art kif ukoll tal-baħar.

 
Tlugħ ix-xemx fuq il-Gżira ta' Komodo

Il-biċċa l-kbira tan-nies fil-park u madwaru huma sajjieda oriġinarjament minn Bima (Sumbawa), Manggarai, in-Nofsinhar ta' Flores, u n-Nofsinhar ta' Sulawesi. Dawk li huma min-Nofsinhar ta' Sulawesi jappartjenu fil-gruppi etniċi tas-Suku Bajau jew tal-Bugis. Is-Suku Bajau oriġinarjament kienu nomadiċi u kienu jiċċaqilqu minn post għall-ieħor fir-reġjun ta' Sulawesi, Nusa Tenggara u Maluku, biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Id-dixxendenti tal-poplu oriġinali ta' Komodo, l-Ata Modo, għadhom jgħixu f'Komodo, iżda ma fadalx min ma tħallatx ma' gruppi etniċi oħra u l-kultura u l-lingwa tagħhom bil-mod il-mod qed jiġu integrati mal-migranti reċenti.

 
Il-Gżira ta' Rinca

Ma tantx huwa magħruf wisq mill-istorja bikrija tal-abitanti tal-gżira ta' Komodo. Kien jaqgħu taħt is-Sultanat ta' Bima, għalkemm il-gżira tant kienet 'il bogħod minn Bima li x'aktarx li ma kienet affettwata xejn mis-Sultanat għajr xi talbiet okkażjonali ta' ġieħ.

Ġeografija u klima

immodifika

Il-park fih sezzjoni tul il-kosta tal-Punent ta' Flores, it-tliet gżejjer il-kbar ta' Komodo, Padar u Rinca, 26 gżira żgħira u l-ilmijiet tal-madwar tal-Istretti ta' Sape. Il-gżejjer tal-park nazzjonali għandhom oriġini vulkanika. L-art ġeneralment hija blat, u hija kkaratterizzata minn għoljiet ġejjin għat-tond[2], b'altitudnijiet sa 735 metru. Il-klima hija waħda mill-iktar nexfin tal-Indoneżja b'xita annwali ta' bejn 800 mm u 1,000 mm. It-temperaturi qalila ta' binhar fl-istaġun niexef minn Mejju sa Ottubru jlaħħqu l-40 °C.[2]

Flora u fawna

immodifika
 
Tunikata ta' Komodo

Il-klima sħuna u niexfa tal-park, ikkaratterizzata minn veġetazzjoni tas-savana, tagħmlu ħabitat tajjeb għad-dragun endemiku ta' Komodo (Varanus komodoensis). Il-popolazzjonijiet tad-draguni huma ristretti għall-gżejjer ta' Komodo (1,700)[1], Rinca (1,300), Gili Motang (100), Gili Dasami (100), u Flores (xi 2,000), filwaqt li huma estinti f'Padar.[2][5]

Il-foresti pluvjali jidhru biss fi ftit żoni 'l fuq minn 500 metru iżda jipprovdu l-ħabitat għal diversi speċijiet ta' flora endemika. Il-veġetazzjoni kostali tinkludi l-foresti tal-mangrovji, li ġeneralment jitfaċċaw fil-bajjiet imkennija tat-tliet gżejjer il-kbar.[2]

 
Waħda mill-ispeċijiet Chromodoris ta' nudibranki ta' Komodo

L-iskolli tal-qroll bil-freneż u bl-irqajja' huma estensivi u żviluppati l-aħjar tul il-kosta tal-Grigal ta' Komodo. Il-park huwa rikk bil-ħlejqiet tal-baħar, inkluż il-klieb il-baħar baliena, il-qmura tal-oċean, il-manti ġganti, il-ħamiem komuni, iż-żwiemel il-baħar nani, il-gremxul tal-baħar falz, il-pixxiżrinġijiet buffi, in-nudibranki, il-qarnit taċ-ċrieki blu, l-isponoż tal-baħar, it-tunikati, u l-qroll.[2]

Varjetajiet ta' ċetaċji jgħixu fl-ilmijiet tal-madwar, minn dniefel żgħar sa gabdoll u saħansitra balieni blu.[6] Il-balieni ta' Omura, waħda mill-inqas speċijiet magħrufa ta' balenotteri, ġew ikkonfermati li ġieli jħufu fl-ilmijiet fi ħdan il-park.[7][8] Id-dugongi fil-periklu ta' estinzjoni għadhom jgħixu fiż-żoni madwar Komodo wkoll.[9]

Il-fawna tal-art ma tantx għandha diversità kbira meta mqabbla mal-fawna tal-baħar. L-għadd ta' speċijiet ta' annimali fuq l-art fil-park mhuwiex daqshekk kbir, iżda ż-żona hija importanti mill-perspettiva tal-konservazzjoni peress li xi speċijiet huma endemiċi. Bosta annimali għandhom oriġini Asjatika, fosthom iċ-ċriev ta' Timor, iċ-ċingjali, il-bufli tal-ilma, il-makakki wikkiela tal-granċijiet u ż-żibetti. Bosta mir-rettili u mill-għasafar għandhom oriġini Awstraljana. Dawn jinkludu t-tjur tal-art saqajhom oranġjo, il-kakatuwi inferjuri tal-għalla lewn il-kubrit, u l-filemoni bl-elmu.

 
Buflu tal-ilma fil-Gżira ta' Rinca

L-iktar rettili famużi tal-Park Nazzjonali ta' Komodo huma d-draguni ta' Komodo (Varanus komodoensis). Huma l-ikbar gremxula fid-dinja u fost l-ikbar rettili fid-dinja. Jistgħu jilħqu tul ta' tliet metri jew iktar u jistgħu jiżnu iktar minn 70 kilogramma.

Tnax-il speċi ta' sriep tal-art jinsabu fuq il-gżira minbarra l-ispeċijiet tal-baħar. Is-sriep jinkludu l-kobri jobżqu ta' Ġava (Naja sputatrix), il-viperi ta' Russell (Daboia russelii), il-viperi tax-xofftejn bojod (Trimeresurus albolabris), is-sriep tal-baħar tax-xofftejn blu (Laticauda laticaudata), u l-pituni ta' Timor (Python timoriensis). Fost il-gremxul hemm disa' speċijiet ta' xaħmet l-art (Scinidae), wiżgħat (Gekkonidae), gremxul bla saqajn (Dibamidae), u l-varani bħad-draguni ta' Komodo (Varanidae). Fost iż-żrinġijiet hemm iż-żrinġijiet Asjatiċi (Kaloula baleata) u ż-żrinġijiet endemiċi ta' Komodo (Oreophryne jeffersoniana u Oreophryne darewskyi). Iż-żrinġijiet tipikament jgħixu f'altitudnijiet ogħla fejn hemm iktar indewwa. Il-kukkudrill tal-ilma baħar (Crocodylus porosus) xi darba kien jgħix fi ħdan il-park fiż-żoni kostali u fil-foresti tal-mangrovji iżda issa huwa estint miż-żona.[3]

 
Dragun ta' Komodo jikkaċċja ċerva ta' Timor

Fost il-mammiferi li jgħixu fi ħdan il-park hemm iċ-ċriev ta' Timor (Cervus timorensis), li huma l-priża ewlenija tad-draguni ta' Komodo, iż-żwiemel (l-ispeċijiet Equus), il-bufli tal-ilma (Bubalus bubalis), iċ-ċingjali (Sus scrofa vittatus), il-makakki wikkiela tal-granċijiet (Macaca fascicularis), iż-żibetti Asjatiċi tal-palm (Paradoxurus hermaphroditus lehmanni), il-firien endemiċi ta' Rinca (Rattus rintjanus), u l-friefet il-lejl tal-frott. Fost il-mammiferi domestiċi li jgħixu fi ħdan il-park hemm mogħoż, qtates u klieb li jgħixu fis-selvaġġ.[3]

 
Makakk wikkiel il-granċijiet max-xatt ta' Rinca

Waħda mill-ispeċijiet prinċipali ta' għasafar hija t-tajra tal-art saqajha oranġjo (Megapodius reinwardti). Fiż-żoni tas-savanna, ġew osservati 27 speċi. It-tudun żebrat (Geopelia striata) u t-tudun tat-tikek (Spilopelia chinensis) kienu l-iktar speċijiet komuni. Fil-ħabitats ħorfija tropikali mħallta, ġew osservati 28 speċi ta' għasafar, u l-iktar speċijiet komuni kienu l-filemoni bl-elmu (Philemon buceroides), il-ħamiem imperjali aħdar (Ducula aenea), u l-għasafar bin-nuċċali żaqqhom safra (Zosterops chloris). Għasafar oħra jinkludu speċijiet b'kuluri jgħajtu bħas-sriedaq selvaġġi ħodor (Gallus varius), il-pappagalli tal-munqar kbir (Tanygnathus megalorynchos), u l-kakatuwi inferjuri tal-għalla lewn il-kubrit (Cacatua sulphurea) li huma mhedda b'mod kritiku. Fil-park hemm żewġ speċijiet ta' ajkli, l-ajkli tal-baħar żaqqhom bajda (Haliaeetus leucogaster) u l-isqra ajkli ta' Flores (Nisaetus floris) li huma estremament rari li huma preżenti fuq Rinca u Flores iżda ġew irrapportati imma b'mod mhux ikkonfermat fuq Komodo.[3]

Konservazzjoni

immodifika
 
Il-Bajja r-Roża tal-Gżira ta' Padar

Il-gżira ta' Padar u parti minn Rinca ġew stabbiliti bħala riżervi naturali fl-1938. Il-Gżira ta' Komodo ġiet iddikjarata bħala riżerva naturali fl-1965, u f'Jannar 1977 bħala riżerva ta' bijosfera fil-qafas tal-Programm tal-Bniedem u tal-Bijosfera tal-UNESCO. It-tliet gżejjer ġew iddikjarati bħala park nazzjonali fl-1980, u iktar 'il quddiem il-park nazzjonali ġie estiż biex jinkludi ż-żona tal-baħar tal-madwar u sezzjoni minn Flores fl-1984. Fl-1991, il-park nazzjonali ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Għal perjodu wara l-1995, l-awtorità tal-park nazzjonali ġiet appoġġata minn The Nature Conservancy (TNC), organizzazzjoni ambjentali Amerikana.[10] Ġie mfassal pjan ta' ġestjoni bħala koawturi mat-TNC u dan ġie implimentat fis-sena 2000 biex tiġi indirizzata l-probema taż-żieda fl-isfruttament tar-riżorsi, kemm tal-baħar kif ukoll tal-art. Il-pjan ġie appoġġat mill-Bank Dinji iżda ntlaqa' b'oġġezzjonijiet minn xi nies lokali u NGOs lokali li argumentaw li ma ġewx ikkonsultati mill-awturi tal-pjan u ma kinux se jikkondividu l-benefiċċji tiegħu. Il-biċċa l-kbira tal-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-baħar toriġina mill-komunitajiet tas-sajd u mill-impriżi kummerċjali minn barra l-park. Madankollu, ir-regolamenti u r-restrizzjonijiet dwar l-użu tar-riżorsi jkollhom l-ikbar impatt fuq ir-residenti tal-park, li ma tantx għandhom wisq għażla biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom għajr li jserrħu fuq dak li l-park għandu x'joffrilhom. Il-forniment ta' għajxien alternattiv huwa parti mill-istrateġija kumplessiva ta' ġestjoni, iżda l-komunitajiet fi ħdan il-park għadhom iridu jgawdu minn miżuri xierqa li jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom.[11]

 
Eluf ta' friefet il-lejl joħorġu għall-ikel f'inżul ix-xemx

Kumpanija ta' negozju bi sħab mingħajr skop ta' qligħ, PT Putri Naga Komodo (PT PNK), ġiet stabbilita biex topera faċilitajiet għat-turisti bit-tama li eventwalment il-park ikun jista' jsostni lilu nnifsu finanzjarjament. PT PNK ġiet iffinanzjata parzjalment mit-TNC u mill-Bank Dinji. Wara li operat għal ħames snin, fl-2010 il-permess ta' Putri Naga Komodo's (PNK) ġie kompromess. Imbagħad, waslu iktar sajjieda illegali ladarba l-infurzar naqas ferm wara t-tluq tat-TNC li kienet għenet fil-ġlieda kontra l-prattiki tas-sajd distruttivi. Fil-bidu tal-2012, l-operaturi tal-għadis u l-konservazzjonisti sabu ħafna siti deżolati tal-qroll, li jixbhu l-pajsaġġi griżi ta' fuq il-qamar. Is-sajjieda illegali għadhom jeqirdu s-siti b'"bombi" b'proċess magħruf bħala s-sajd bil-bombi. Is-sajjieda jużaw taħlita ta' fertilizzant u pitrolju fi flieken tal-birra bħala splussivi, jew jużaw fliexken li jingħafsu biex jixħtu ċ-ċjanur fil-qroll biex jaħsdu u jaqbdu l-ħut. Fl-ewwel nofs tat-tieni deċennju tas-seklu 21, iktar minn 60 sajjied illegali ġew arrestati. Wieħed mis-suspettati sparawlu u nqatel wara li pprova jaħrab billi jwaddab bombi tas-sajd illegali lejn ir-rangers tal-park.[12]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Dragun ta' Komodo waqt li qed jiekol karkassa ta' annimal

Il-Park Nazzjonali ta' Komodo ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[3]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b "Komodo N Park". web.archive.org. 2015-10-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-09-23. Miġbur 2021-08-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ a b ċ d e f "UNESCO: Advisory Body Evaluation" (PDF).
  3. ^ a b ċ d e f Centre, UNESCO World Heritage. "Komodo National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-05.
  4. ^ "New7Wonders | The Global Voting Campaigns". New7Wonders (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-05.
  5. ^ Trooper Walsh; Murphy, James Jerome; Claudio Ciofi; Colomba De LA Panouse (2002). Komodo Dragons: Biology and Conservation (Zoo and Aquarium Biology and Conservation Series). Washington D.C.: Smithsonian Books. ISBN 1-58834-073-2.
  6. ^ ""Cetacean Surveys in Komodo National Park" (PDF). Indonesia Program Information Sheet CMP 8. The Nature Conservancy" (PDF). web.archive.org. 2012-03-24. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2012-03-24. Miġbur 2021-08-05.
  7. ^ "Komodo Deep South Cruises - Dive Komodo like you have never done it before!". www.thesevenseas.net (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-05.
  8. ^ Tanzil, Nila (2010-11-02). "Blue Whales in Komodo National Park!" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-05.
  9. ^ Kahn, B. 2001. "Komodo National Park Cetacean Surveys: April 2001 and 1999–2001 survey synopsis". Presented working paper CMS/SEAMAMSII/24. United Nations Environment Programme – Convention on the Conservation of Migratory Species of Wild Animals (UNEP/CMS) Second International Conference on the Marine Mammals of Southeast Asia. it-22-23 ta' Lulju 2002. Demaguette, Philippines. p. 39.
  10. ^ "Indonesia: The Nature Conservancy's plans in Komodo National Park | WRM in English". wrm.org.uy. Miġbur 2021-08-05.
  11. ^ WALHI 2004
  12. ^ "Fishermen blast premier dive sites off Indonesia | The Jakarta Post". web.archive.org. 2012-04-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-04-21. Miġbur 2021-08-05.