Pajsaġġ Arkeoloġiku tal-Ewwel Pjantaġġuni tal-Kafè fix-Xlokk ta' Kuba
Il-Pajsaġġ Arkeoloġiku tal-Ewwel Pjantaġġuni tal-Kafè fix-Xlokk ta' Kuba jinkludi l-fdalijiet ta' diversi pjantaġġuni tal-kafè tas-seklu 19 li jinsabu fl-għoljiet ta' qabel il-katina muntanjuża tas-Sierra Maestra. Matul is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, il-Lvant ta' Kuba kien involut ħafna fit-tkabbir tal-kafè. Il-fdalijiet tal-pjantaġġuni joħorġu fid-dieher it-tekniki li ntużaw fir-raba' diffiċli, kif ukoll l-importanza ekonomika u soċjali tas-sistema tal-pjantaġġuni f'Kuba u fil-Karibew.
Fis-sena 2000, il-Pajsaġġ Arkeoloġiku tal-Ewwel Pjantaġġuni tal-Kafè fix-Xlokk ta' Kuba tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2]
Deskrizzjoni
immodifikaIs-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinkludi 171 pjantaġġun tal-kafè (bl-Ispanjol: cafetales) tas-seklu 19 u tal-bidu tas-seklu 20 fix-Xlokk ta' Kuba, li huma raggruppati f'seba' postijiet distinti:[1]
ID | Isem | Koordinati |
---|---|---|
1008–001 | La Gran Piedra | 20°00′42″N 75°37′51″W |
1008–002 | El Cobre | 20°03′09″N 75°56′36″W |
1008–003 | Dos Palmas Contramaestre | 20°02′59″N 76°05′01″W |
1008–004 | Yateras | 20°21′35″N 74°58′49″W |
1008–005 | El Salvador | 20°17′58″N 75°16′24″W |
1008–006 | Niceto Pérez | 20°08′31″N 75°19′36″W |
1008–007 | Guantanamo | 20°12′43″N 75°12′00″W |
Il-pjantaġġuni jinsabu fi stati differenti ta' preservazzjoni, mill-Pjantaġġun tal-Kafè ta' La Isabelica, li ġie rrestawrat għalkollox, għal uħud li nqerdu għalkollox. Madankollu, kollha kemm huma għandhom konfigurazzjoni simili. Fiċ-ċentru tal-pjantaġġun kien ikun hemm ir-residenza tas-sid, li ġeneralment kienet tinbena bl-istil tal-arkitettura Baska, adattata għal klima tropikali. Madwar id-dar tas-sid kien ikun hemm il-kwartieri tal-iskjavi, magħmulin minn injam ta' kwalità baxxa u msaqqfin bil-friegħi u bil-weraq. Kull pjantaġġun jinkludi wkoll art imtarrġa għat-tnixxif (bl-Ispanjol: secadero) għat-tħejjija tal-kafena u binjiet oħra għat-tħin u għall-inkaljar.[3]
Il-kolonizzaturi Franċiżi stabbilew il-pjantaġġuni tal-kafè fis-seklu 18 fuq il-gżira ta' Hispaniola, iżda l-indipendenza tal-Ħaiti fl-1804 wasslet biex jaħarbu lejn Kuba, li dak iż-żmien kienet taħt it-tmexxija tal-Ispanjoli. Matul is-seklu 19 ġew stabbiliti bosta pjantaġġuni tal-kafè fis-Sierra Maestra, iżda ma rnexxielhomx jikkompetu mal-pjantaġġuni tal-kafè fil-Brażil, fil-Kolombja u f'Costa Rica fil-bidu tas-seklu 20, u gradwalment marru lura. Illum il-ġurnata, ftit pjantaġġuni tal-kafè biss għadhom operattivi.[3]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Pajsaġġ Arkeoloġiku tal-Ewwel Pjantaġġuni tal-Kafè fix-Xlokk ta' Kuba ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ d "Archaeological Landscape of the First Coffee Plantations in the South-East of Cuba - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-11-29.
- ^ "World Heritage Committee Inscribes 61 New Sites on World Heritage List - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-11-29.
- ^ a b "Rapport tal-ICOMOS". whc.unesco.org. Miġbur 2024-11-29.