Nisa (Turkmenistan)

belt kapitali tal-Imperu Partiku

Nisa (bil-Grieg antik: Νῖσος jew Νίσα jew Νίσαιον[1][2] u bit-Turkmen: Nusaý) kienet il-belt kapitali antika tal-Imperu Partiku, li tinsab 18-il kilometru ’l bogħod miċ-ċentru ta’ Ashgabat, il-belt kapitali tat-Turkmenistan. Nisa tiġi deskritta minn uħud bħala l-ewwel sede tal-Imperu tal-Arsaċidi. Tradizzjonalment, jingħad li Nisa ġiet stabbilita minn Arsaces I (li rrenja mill-250 Q.K.-211 Q.K.) u kienet ukoll ir-residenza rjali tar-rejiet Partiċi, għalkemm għadu ma ġiex stabbilit b’ċertezza jekk il-fortizza ta’ Nisa kinitx residenza rjali jew mawżolew.[3]

Id-daħla tas-sit arkeoloġiku ta’ Nisa

Fl-2007, il-fortizzi Partiċi ta’ Nisa ġew iddikjarati Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

Ma tantx għandna wisq fdalijiet materjali minn Żmien il-Bronż, l-iktar perjodu antik tat-Turkmenistan. Din l-epoka damet bejn wieħed u ieħor mit-tieni u mill-ewwel sekli Q.K. sal-ħakma tan-Nofsinhar tat-Turkmenistan minn Alessandru l-Kbir. Il-belt kienet maqsuma f’żewġ fortizzi Partiċi ffortifikati: Nisa l-antika u Nisa l-ġdida. Dawn kienu ċentri kummerċjali ewlenin fl-Imperu Partiku bejn it-tielet seklu Q.K. sat-tielet seklu W.K. Iktar ’il quddiem Nisa bdiet tissejjaħ ukoll Mithradatkirt (bil-Partiku: 𐭌𐭕𐭓𐭃𐭕𐭊𐭓𐭕 (jiġifieri "fortizza ta’ Mithradates”) minn Mithridates I ta’ Partja (irrenja mill-171 Q.K.-138 Q.K.).

 
Il-fdalijiet ta’ waħda mill-fortizzi Partiċi ta’ Nisa

L-Imperu Partiku kien għadu formidabbli ta’ Ruma li kienet qed tipprova taħkem il-Lvant Nofsani. Skont ir-riċerka arkeoloġika, il-belt kapitali proprja tal-imperu kienet Nisa l-ġdida, filwaqt li Nisa l-antika kienet residenza rjali, b’diversi tempji, palazzi, repożitorji u relikwarju. Din tal-aħħar inbniet fuq għolja li arkitetti tal-qedem ittrasformaw f’fortizza kbira li kienet tokkupa territorju ta’ 5.67 ettari. Il-binjiet ewlenin ta’ Nisa l-antika kienu raggruppati f’żewġ kumplessi: waħda fit-Tramuntana u oħra ċentrali. L-ewwel kumpless kien jikkonsisti mill-kamra tat-teżor, mill-kantini tal-inbid, mill-imħażen tal-ikel u tal-annimali, eċċ. It-tieni kumpless kien jinkludi t-tempji u l-palazz. Fil-parti tan-Nofsinhar tal-fortizza, il-parti ewlenija kienet okkupata mill-Kamra Kwadra fejn instabu fdalijiet ta’ kolonni kif ukoll il-pedamenti u l-parti l-iktar baxxa tal-ħitan tal-kmamar li għadhom mirduma taħt l-art sakemm tinstab teknoloġija adatta biex tippreserva l-kulur taż-żebgħa kkulurita li għadha ppreservata mal-fdalijiet tal-ħitan. Il-Kamra t-Tonda ġibdet l-attenzjoni ta’ diversi timijiet ta’ riċerkaturi u arkeologi mhux biss mit-Turkmenistan iżda anke mill-Istitut Arkeoloġiku tal-Akkademja tax-Xjenza tar-Russja u speċjalisti Taljani, li wettqu u għadhom qed iwettqu l-iskavi.[4][5]

 
Ras li nstabet f’Nisa ta’ statwa ta’ suldat Partiku liebes elmu b’influwenzi Elleniċi

Għall-ħabta tal-ewwel deċennju Q.K., Nisa nqerdet kważi għalkollox minn terremot. Barra minn hekk, tul iż-żmien diversi rikkezzi nsterqu. Dan xejn ma jiffaċilita l-iskavi, għalkemm mill-iskavi li saru s’issa, ġew żvelati diversi binjiet sostanzjali, mawżolej u santwarji. Iktar milli monumenti sħaħ, instabu ħafna fdalijiet importanti li jinsabu f’diversi mużewijiet famużi madwar id-dinja iżda hemm kollezzjoni mdaqqsa importanti fil-Mużew Nazzjonali tat-Turkmenistan, f’Ashgabat.[6]

Fost dawn il-fdalijiet hemm 2,700 test b’kitbiet b’żebgħa sewda fuq frammenti ta’ tavli tat-tafal. Il-kitbiet li nstabu f’Nisa kienu ta’ oriġini Aramajka u jmorru lura għat-tieni seklu Q.K. Instab li dawn il-kitbiet kienu parti mill-arkivji tal-Partiċi. Instabu wkoll xogħlijiet artistiċi Elleniċi, kif ukoll għadd kbir ta’ ritoni tal-avorju. Ir-ritoni kienu tip ta’ kontenituri li kienu jintużaw għax-xorb fil-Greċja antika, u li tipikament kien ikollhom għamla ta’ rjus jew qrejjen tal-annimali b’toqba għax-xorb fuq naħa minnhom. Instabu wkoll diversi muniti b’xeni tal-mitoloġija Griega jew b’suġġetti Iranjani. Barra minn hekk, instabet ukoll ras ta’ statwa ta’ suldat Partiku ta’ Nisa tat-tieni seklu Q.K. b’influwenzi Ellenistiċi fuq l-elmu.[3][5]

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika
 
Bolla tal-1969 tal-Unjoni Sovjetika ta’ wieħed mir-ritoni tal-avorju li nstabu mill-iskavi ta’ Nisa

Il-fortizzi Partiċi ta’ Nisa saru Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007 abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla li rrikonoxxew il-valur universali straordinarju tas-sit. Dawn huma l-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba Nisa tinsab f’salib it-toroq strateġiċi u kummerċjali fl-Asja Ċentrali u l-fdalijiet arkeoloġiċi joħorġu fid-dieher l-interazzjoni sinifikanti tal-influwenzi kulturali mill-Asja Ċentrali u mill-Mediterran; u l-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, ladarba l-Imperu Partiku kien waħda mill-iktar ċivilizzazzjonijiet qawwija u ta’ influwenza kbira fid-dinja tal-qedem, u għadu kbir ta’ Ruma li pprevjena l-espansjoni tal-Imperu Ruman iktar fil-Lvant.[4]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "SOL Search - Suda Encyclopedia, § iota.578". www.cs.uky.edu. Miġbur 2021-03-07.
  2. ^ "SOL Search - Suda Encyclopedia, § nu.425". www.cs.uky.edu. Miġbur 2021-03-07.
  3. ^ a b Centro Studi Ricerche Ligabue, ed. (1996). “Turkmenistan”. pp. 74–75.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Parthian Fortresses of Nisa". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-07.
  5. ^ a b Centro Studi Ricerche Ligabue (ed.). Turkmenistan. p. 82.
  6. ^ "The National Museum of Turkmenistan". old.unesco.kz. Miġbur 2021-03-07.