Naħla tal-għasel ta' Malta

sottospeċi ta' naħla tal-għasel nativa f'Malta


In-naħla tal-għasel ta' Malta (bl-Ingliż: Maltese honey bee; bil-Latin: Apis mellifera ruttneri), magħrufa wkoll bħala n-naħla Maltija, hija sottospeċi tan-naħla tal-għasel tal-Punent.[1] In-naħla tal-għasel ta' Malta hi endemika u għalhekk tinsab fil-gżejjer Maltin biss. Damet eluf ta' snin biex evolviet u hi waħda minn għaxar sottospeċijiet oħra li nsibu fl-Ewropa jew minn tlieta u tletin li nsibu madwar id-dinja. Probabbilment hi l-aktar sottospeċi rari minnhom kollha.

Naħla tal-għasel ta' Malta
Klassifikazzjoni xjentifika
RenjuAnimalia
PhylumArthropoda
KlassiInsecta
OrdniHymenoptera
FamiljaApidae
ĠeneruApis
SpeċiApis mellifera
sottospeċi Apis mellifera ruttneri
Sheppard & Grech & Meixner (mul) & Arias, 1997

Oriġini

immodifika

Din l-ispeċi ta' naħla hija sottospeċi tan-naħla tal-għasel tal-Punent (Apis mellifera) li adattat u ambjentat ruħha għall-ambjent tal-gżejjer Maltin. Evolviet bħala sottospeċi differenti meta l-gżejjer Maltin inqatgħu mill-Ewropa kontinentali. In-naħla tal-għasel ta' Malta x'aktarx li tat isem il-gżira ta' Malta peress li l-Griegi Antiki kienu jsejħulha Μελίτη (Melitē) li tfisser "ħelwa daqs l-għasel".[2][3]

Karattru u mġiba

immodifika

In-naħla għandha kulur relattivament fl-iswed. Hija adattata ferm għat-temperaturi għoljin u għas-sjuf niexfa u għax-xtiewi kesħin. Tul is-sena kollha kolonji sħaħ jitnisslu b'rispons tajjeb għall-istaġuni tal-gżejjer Maltin. Huma jnaddfu x-xehda sew. Iħobbu jinġemgħu jew jieħdu post ir-reġina meta jkun hemm biżżejjed ħażniet tal-għasel. Ġeneralment jinġemgħu fir-rebbiegħa u jieħdu post ir-reġina fil-ħarifa. In-naħla tal-għasel ta' Malta hija sottospeċi difensiva sew kontra ż-żnażan, il-ġrieden u l-ħanfus. Xi kolonji ta' din is-sottospeċi għandhom reżistenza għall-varroa.[4][5]

In-naħla tal-għasel ta' Malta żviluppat strateġija ta' difiża u kapaċi tattakka u toqtol lill-bagħal taż-żunżan (Vespa orientalis) u meta t-theddida tkun kbira, ċertu kolonji tal-Apis mellifera ruttneri kapaċi jissiġillaw il-kaxxa biż-żaftura biex ma jħallux lill-bagħal taż-żunżan jidħol ġewwa u joqtolhom. In-naħla tal-għasel ta' Malta hi reżistenti għal ċertu mard u hi attiva ħafna. Kapaċi tnaddaf sew il-kaxxa fejn tikkolonizza u tneħħi mill-ewwel xi materjali li jaf b'xi mod jidħlu fil-kaxxa. Fil-letteratura hi deskritta bħala naħla aggressiva però ħafna min-naħħala li jrabbu din is-sottospeċi jafu li dan mhux minnu. Xhieda ta' dan hu l-fatt li numru ta' naħħala jispezzjonaw il-kolonji mingħajr ma jilbsu l-ingwanti. Probabbilment l-osservazzjoni ta' aggressività żejda ġejja mill-passat meta n-naħal kien għadu jitrabba fil-qolla, peress li dak iż-żmien, l-ispezzjoni jew il-qtugħ tal-għasel kienu jsiru b'mod invażiv li kien iwassal biex jeċita lin-naħal u b'hekk iġib ruħu b'mod difensiv u aggressiv.[6][7][8]

Storja tas-sottospeċi

immodifika

Is-sottospeċi titqies li bdiet tirpilja wara li ġew introdotti l-varroa (speċi ta' akari) f'Malta fl-1992. Dak iż-żmien il-kolonji tan-naħal minn barra l-pajjiż ġew importati biex jikkumpensaw għat-telf ta' kolonji nattivi. Fl-1997 in-naħla tal-għasel ta' Malta ġiet identifikata bħala sottospeċi. Fl-2022 ġie rrapportat li n-naħħala f'Malta tilfu 70 % tal-kolonji tan-naħal tagħhom minħabba l-bagħal taż-żunżan, però mhux magħruf minn dawn il-kolonji kemm minnhom kienu ta' stokk lokali.[9]

Ibridizzazzjoni

immodifika

Huwa ċar li l-karatteristiċi tan-naħla tal-għasel ta' Malta qed jiġu imniġġsa min-naħal tal-għasel ta' razez barrani impurtat f'pajjiżna. Peress li n-naħal jitgħammar fuq barra b'distinzjoni minima bejn sottospeċi differenti, dan qiegħed iwassal sabiex il-ġenetika tan-naħla tal-għasel ta' Malta li kienet iżolata għal għexieren ta' snin titħallat (ibridizzazzjoni). Konsegwentement, b'mod indirett, in-naħla tal-għasel ta' Malta qed tinqered għax ftit ftit qed titlef il-karatteristiċi "Maltin" sforz dan it-taħlit u allura qed titlef l-adattament li kellha biex tgħix fil-ħabitats u fil-klima lokali. Il-kunċett evoluzzjonarju tas-sopravivenza tal-aktar b'saħħtu qed jiġi mfixkel bil-kbir għad-detriment tas-sottospeċi li tifforma parti mill-patrimonju naturali Malti, kif ukoll għas-settur apikulturali lokali.[10]

Taħlit ta' razez differenti tan-naħal tal-għasel jista' joħloq ibridi ġodda li jkunu ta' periklu għall-bniedem u kif ukoll għas-settur apikulturali, bħalma ġara bin-naħla Afrikanizzata (A. m. scutellata x A. m. ligustica).[11]

Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija

immodifika

Teżisti organizzazzjoni bl-isem Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija li qed taħdem favur il-konservazzjoni ta' dan l-ekotip lokali.[12] L-iskop ewlieni tal-fondazzjoni hu li tfassal u taħdem fuq pjan ta' azzjoni dwar il-konservazzjoni tan-naħla tal-għasel ta' Malta u li tieħu ħsieb il-koordinament u l-eżekuzzjoni tiegħu. Din il-koalizzjoni se tkun qed taħdem biss fuq kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu man-naħla tal-għasel ta' Malta. Il-fondazzjoni se tkun qed taħdem fuq dawn l-objettivi li huma bażati fuq l-għan prinċipali:

(a) li wieħed jagħraf l-importanza tan-naħla tal-għasel ta' Malta għall-ambjent naturali tal-pajjiż (ekoloġija) u għas-settur tal-apikultura u f'iktar sens wiesa' dak agrikolu;

(b) li wieħed jagħraf li n-naħla tal-għasel ta' Malta tagħmel parti mill-patrimonju naturali Malti u għalhekk jistħoqqilha li tiġi kkonservata b'mod olistiku;

(c) li tinkoraġġixxi l-għarfien, it-trobbija u r-riċerka fuq in-naħla endemika Maltija;

(d) li tiġbor taħt umbrella waħda u tikkoordina entitajiet varji, individwi u organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom interess fil-konservazzjoni tan-naħla tal-għasel ta' Malta;

(e) li ssir pressjoni biex jiġi mfassal pjan ħalli n-naħla tal-għasel ta' Malta tkun protetta b'mod olistiku.[13]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Sheppard, W. S.; Arias, M. C.; Grech, A.; Meixner, M. D. (1997). "Apis mellifera ruttneri, a new honey bee subspecies from Malta". Apidologie (bl-Ingliż). 28 (5): 287–293.
  2. ^ "Henry George Liddell, Robert Scott, A Greek-English Lexicon, μέλι^". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2022-03-20.
  3. ^ Boardman, Leigh; Eimanifar, Amin; Kimball, Rebecca T.; Braun, Edward L.; Fuchs, Stefan. "The mitochondrial genome of the Maltese honey bee, Apis mellifera ruttneri (Insecta: Hymenoptera: Apidae)". Mitochondrial DNA Part B. 5 (1): 877–878. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  4. ^ "Types of Bee". web.archive.org. 2010-01-31. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-01-31. Miġbur 2022-03-20.
  5. ^ Farrugia, Dylan; Martin-Hernandez, Raquel; Zammit Mangion, Marion (2022-10-02). "Beekeeping in Malta: A Review of Current Practices, Trends and Challenges". Bee World. 99 (4): 131–138.
  6. ^ Zammit-Mangion, Marion; Meixner, Marina; Mifsud, David; Sammut, Sheryl; Camilleri, Liberato (2017-10-20). "Thorough morphological and genetic evidence confirm the existence of the endemic honey bee of the Maltese Islands Apis mellifera ruttneri: recommendations for conservation". Journal of Apicultural Research. 56 (5): 514–522.
  7. ^ Sheppard, W. S.; Arias, M. C.; Grech, A.; Meixner, M. D. (1997). "Apis mellifera ruttneri, a new honey bee subspecies from Malta". Apidologie (bl-Ingliż). 28 (5): 287–293.
  8. ^ Boardman, Leigh; Eimanifar, Amin; Kimball, Rebecca T.; Braun, Edward L.; Fuchs, Stefan (2020-01-02). "The mitochondrial genome of the Maltese honey bee, Apis mellifera ruttneri (Insecta: Hymenoptera: Apidae)". Mitochondrial DNA Part B. 5 (1): 877–878. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  9. ^ "70 per cent of local beehives destroyed by oriental hornets". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-20.
  10. ^ Zammit-Mangion, Marion; Meixner, Marina; Mifsud, David; Sammut, Sheryl; Camilleri, Liberato (2017-10-20). "Thorough morphological and genetic evidence confirm the existence of the endemic honey bee of the Maltese Islands Apis mellifera ruttneri: recommendations for conservation". Journal of Apicultural Research. 56 (5): 514–522.
  11. ^ "Killer bees: a deadly swarm". www.nhm.ac.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-20.
  12. ^ "Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija". Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija (bil-Malti). Miġbur 2022-12-20.
  13. ^ "Buzz! National coalition launched to protect the Maltese Honeybee". www.guidememalta.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-20.