Mużew ta' Plantin-Moretus
Il-Mużew ta' Plantin-Moretus (bl-Olandiż: Plantin-Moretusmuseum) huwa mużew tal-istampar f'Anversa, il-Belġju, li jiffoka fuq ix-xogħol tal-istampaturi tas-seklu 16 Christophe Plantin u Jan Moretus.[1] Il-mużew jinsab fl-eks residenza u stabbiliment tal-istampar tagħhom, l-Istamperija ta' Plantin, fil-Vrijdagmarkt (is-Suq tal-Ġimgħa) f'Anversa, u ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[2]
Storja
immodifikaIl-kumpanija tal-istampar ġiet stabbilita fis-seklu 16 minn Christophe Plantin, li kiseb it-tipi mill-produtturi ewlenin tat-tipi ta' dak iż-żmien f'Pariġi, Franza.[3] Plantin kien figura ewlenija fl-istampar kontemporanju b'interessi fl-umaniżmu; il-Bibbja Poliglotta tiegħu ta' tmien volumi b'testi bl-Ebrajk, bl-Aramajk, bil-Grieg u bis-Sirjan kienet waħda mill-iżjed produzzjonijiet kumplessi ta' dak il-perjodu. Plantin issa huwa ssuspettat li mill-inqas kien relatat ma' membri ta' gruppi eretiċi magħrufa bħala l-Familisti, u dan jaf wasslu biex iqatta' ż-żmien fl-eżilju f'art twelidu fi Franza.[4][5]
Wara l-mewt ta' Plantin, is-sjieda tal-kumpanija għaddiet għand ibnu tar-rispett Jan Moretus. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tal-istampar iddisponew mill-kollezzjonijiet tagħhom ta' tipi antiki fis-sekli 18 u 19 b'rispons għal bidla fil-gosti, il-kumpanija ta' Plantin-Moretus "b'mod devot ippreservat il-kollezzjoni tal-fundatur tagħha".[6][7][8]
Erba' nisa ħadu ħsieb l-amministrazzjoni tal-istamperija tal-familja ta' Plantin-Moretus matul is-sekli 16, 17 u 18: Martina Plantin, Anna Goos, Anna Maria de Neuf u Maria Theresia Borrekens.[9]
Fl-1876 Edward Moretus bigħ il-kumpanija lill-belt ta' Anversa. Sena wara l-pubbliku seta' jżur il-kwartieri tal-għajxien tagħha kif ukoll it-tagħmir antik tal-istamperija. Il-kollezzjoni ntużat b'mod estensiv għar-riċerka, mill-istoriċi H. D. L. Vervliet, Mike Parker u Harry Carter.[10] Iben Carter, Matthew, iktar 'il quddiem iddeskriva din ir-riċerka bħala daqqa t'id biex jintwera "li l-ifjen kollezzjoni ta' tipi tal-istampar prodotti fl-epoka tad-deheb tat-tipografija kienet tinsab f'kundizzjoni perfetta (apparti xi ftit diżordni) flimkien mar-rakkonti u mal-inventarji ta' Plantin li saħansitra jelenka min qata' t-tipi tiegħu".[11]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaFl-2002 il-mużew ġie nnominat bħala sit indikattiv sabiex isir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[12] u fl-2005 ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Il-Mużew ta' Plantin-Moretus għandu kollezzjoni eċċezzjonali ta' materjal tipografiku.[13] Mhux biss fih tnejn mill-eqdem stamperiji fid-dinja u settijiet kompluti ta' forom u ta' matriċi, talli fih librerija estensiva, tiżjin rikk fuq ġewwa u l-arkivji kollha tan-negozju ta' Plantin, li tniżżlu fir-Reġistru tal-Programm Memorja tad-Dinja tal-UNESCO fl-2001 bħala rikonoxximent tal-importanza storika tagħhom.[14][15]
Il-valur universali straordinarju tal-Mużew ta' Plantin-Moretus ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Kollezzjoni
immodifika- Bibbja b'ħames lingwi: Biblia Polyglotta (1568-1573);
- it-teżawru Teutoniae Linguae ta' Cornelis Kiliaan;
- ktieb tal-ġeografija: Theatrum Orbis Terrarum ta' Abraham Ortelius;
- ktieb li jiddeskrivi l-ħxejjex aromatiċi: Cruydeboeck ta' Rembert Dodoens;
- ktieb tal-astronomija ta' Andreas Vesalius u Joannes Valverde;
- ktieb dwar in-numri deċimali ta' Simon Stevin;
- Bibbja ta' 36 vers;
- pitturi u tpinġijiet ta' Peter Paul Rubens;
- l-istudju tal-umanist Justus Lipsius u ħafna mix-xogħlijiet tiegħu;[16]
- uħid mill-materjali li ntużaw mid-disinjatur tat-tipa u l-istampatur Franċiż Robert Granjon.
Biblijografija
immodifika- Voet, Leon (1969), The Golden Compasses: a history and evaluation of the printing and publishing activities of the Officina Plantiniana at Antwerp. Vol. 1, Christopher Plantin and the Moretuses: their lives and their world, Amsterdam: Vangendt & Co. London: Routledge & Kegan Paul, ISBN 0710064667.
- Voet, Leon; Kaye, Raymond H. (1972), The Golden Compasses: a history and evaluation of the printing and publishing activities of the Officina Plantiniana at Antwerp. Vol.2 The management of a printing and publishing house in Renaissance and Baroque, Amsterdam: Vangendt & Co. London: Routledge & Kegan Paul, ISBN 0839000049.
Referenzi
immodifika- ^ "Unesco | Museum Plantin-Moretus". museumplantinmoretus.be. Miġbur 2022-08-19.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Plantin-Moretus House-Workshops-Museum Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
- ^ Uchelen, editjat minn Ton Croiset van; Dijstelberge, P. (2013). Dutch typography in the sixteenth century the collected works of Paul Valema Blouw. Leiden: Brill. p. 426. ISBN 9789004256552.
- ^ Bowen, Karen L.; Imhof, Dirk (2008). Christopher Plantin and Engraved Book Illustrations in Sixteenth-Century Europe. Cambridge: Cambridge University Press. ISBN 9780521852760.
- ^ Harris, Jason (2004). The Low Countries as a crossroads of religious beliefs ([Online-Ausg.]. ed.). Leiden [u.a.]: Brill. ISBN 9789004122888.
- ^ "Typefoundry: Caractères de l'Université" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
- ^ "Typefoundry: Garamond or Garamont?" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
- ^ Warde, Beatrice (1926). "The 'Garamond' Types". The Fleuron: 131–179.
- ^ Plantin-Moretus, Museum (2020-10-22). "Leading Ladies" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
- ^ Carter, Harry (2002). A view of early typography up to about 1600 (Reprinted ed.). Londra: Hyphen. ISBN 9780907259213.
- ^ Drucker, Margaret Re ; essays by Johanna; Mosley, James (2003). Typographically speaking : the art of Matthew Carter (2. ed.). New York: Princeton Architectural. p. 33. ISBN 9781568984278.
- ^ "Plantin-Moretus Museum". placeandsee.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
- ^ "Typefoundry: The materials of typefounding" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
- ^ https://plus.google.com/+UNESCO. "Business Archives of the Officina Plantiniana". UNESCO (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
- ^ "Zoeken in Nieuws: Memory of the World | Vlaamse Erfgoedbibliotheken". vlaamse-erfgoedbibliotheken.be. Miġbur 2022-08-19.
- ^ "The Plantin-Moretus Museum in Antwerp, Antwerpen". www.trabel.com. Miġbur 2022-08-19.