Monasteru ta' Sopoćani

monasteru fis-Serbja

Il-Monasteru ta' Sopoćani (bis-Serbjan: Манастир Сопоћани / Manastir Sopoćani, pronunzjata [sǒpotɕani]), wegħda tar-Re Stefan Uroš I tas-Serbja, inbena mill-1259 sal-1270, qrib il-bokka tax-xmara Raška fir-reġjun ta' Ras, iċ-ċentru tal-istat Serbjan Medjevali. Ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979 flimkien ma' Stari Ras.[1] Il-monasteru jinsab 15-il kilometru fil-Punent tar-raħal ta' Novi Pazar.

Il-Monasteru ta' Sopoćani.
 
Detall ta' affresk tal-Monasteru ta' Sopoćani ta' madwar l-1265.

Fis-snin 60 tas-seklu 12, iz-Zupan il-Kbir Stefan Nemanja kkonsolida l-poter tiegħu fuq it-tron f'Raska.[2] Minkejja li ulied Nemanja ngħataw it-titlu ta' re u stabbilew il-knisja bħala indipendenti billi għamluha awtoċefala, u żviluppaw is-sistema ekonomika u zzekkaw il-muniti, ix-xogħol ta' Stefan Nemanja baqa' mudell u eżempju li baqa' jiġi emulat mill-ġenerazzjonijiet ta' warajh. Il-Monasteru ta' Sopoćani kien wegħda tar-Re Serbjan Stefan Uroš I, iben Stefan l-ewwel neputi ta' Nemanja li ġie inkurunat. Inbena fl-1260 mir-Re Uroš I Nemanjić bħala knisja li mbagħad kellha sservi bħala l-post fejn kellu jindifen, u ġie estiż u rinnovat f'nofs is-seklu 14 mill-proneputi tiegħu Dušan.

Il-knisja hija ddedikata lit-Trinità Mqaddsa. Mill-kumpless ikbar preċedenti tal-monasteru, li kien jinkludi bosta strutturi (kmamar tal-ikel, binjiet residenzjali u oħrajn), illum il-ġurnata għad fadal biss il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa. Fl-imgħoddi l-monasteru kien imdawwar b'ħajt għoli tal-ġebel li kellu żewġ daħliet. It-tlestija tal-affreski tal-partijiet ewlenin tal-knisja jistgħu b'mod indirett jiġu datati għal bejn l-1263 u l-1270. Fil-Monasteru ta' Sopoćani tħejja pjan ta' tiżjin li twettaq matul is-seklu 13. Fil-presbiterju hemm xeni liturġiċi, fin-navata hemm xeni tas-salvazzjoni ta' Kristu permezz ta' ċiklu ta' Festi Kbar, u fin-narthex hemm xeni mit-Testment l-Antik b'temi eskatoloġiċi u dogmatiċi. Barra minn hekk, hemm ir-ritratti ikonografiċi tal-familja Nemanjic u xeni storiċi ta' Simeon Nemanja u San Sava. Wara Gradac (għall-ħabta tal-1275), il-wegħda tar-Reġina Elena ta' Anjou, il-mara tal-fundatur tal-Monasteru ta' Sopoćani, ir-Re Uros I, il-pitturi wrew kreattività kbira fejn x'aktarx li ntlaħqet il-quċċata tal-arti kreattiva fis-Serbja.

L-Arċisqof Sava II, li sar il-kap tal-Knisja Ortodossa Serbjana fl-1263, huwa rrappreżentat fil-purċissjoni tal-arċisqfijiet qrib l-artal. L-affreski tal-Monasteru ta' Sopoćani jitqiesu minn xi esperti tal-arti Medjevali Serbjana bħala l-isbaħ ta' dak il-perjodu. Mal-ħajt tal-Punent tan-navata hemm affresk famuż tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna.

Fis-seklu 16, il-patrijiet kellhom jitilqu temporanjament mill-monasteru f'diversi okkażjonijiet minħabba t-theddida tal-Ottomani. Finalment, matul wieħed mill-attakki fl-1689, it-Torok Ottomani taw in-nar lill-monasteru u serqu ċ-ċomb mis-saqaf tal-knisja. Il-patrijiet laħqu ħarbu u ħadu magħhom uħud mir-relikwi importanti tal-monasteru lejn il-Kosovo, iżda qatt ma reġgħu lura fil-Monasteru ta' Sopoćani. Il-monasteru baqa' abbandunat għal iktar minn mitejn sena sas-seklu 20. Bil-mod il-mod il-knisja bdiet tiddeterjora: il-volti tagħha ċedew, il-koppla tagħha waqgħet, u l-fdalijiet tal-binjiet tal-madwar tgħattew bir-radam u bil-ħamrija.

Finalment, matul is-seklu 20 il-monasteru ġie rrestawrat u llum il-ġurnata jgħixu fih fratellanza ta' patrijiet iddedikati. Il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-affreski tal-Monasteru ta' Sopoćani għadhom jispikkaw fl-isbuħija tagħhom wara iktar minn żewġ sekli ta' esponiment estrem għall-elementi huwa tassew notevoli.

Il-Monasteru ta' Sopoćani ġie ddikjarat bħala Monument tal-Kultura ta' Importanza Eċċezzjonali fl-1979, u huwa protett mir-Repubblika tas-Serbja.

Storja u influwenza tal-arti

immodifika

L-arti fil-Monasteru ta' Sopoćani ġiet implimentata perjodikament matul is-snin wara t-tlestija tiegħu fl-1260. Is-suġġetti tal-arti jinkludu qaddisin Kristjani, qaddisin nazzjonali, kif ukoll ġrajjiet episkopali u ta' illuminazzjoni tal-Kristjaneżmu. Dawn il-ġrajjiet isegwu l-ordni tan-narrazzjoni mix-xellug għal-lemin, u jirrikjedu li wieħed iħares lejhom f'ordni speċifika biex jifhem il-grajjiet sew.[3] L-istil artistiku Klassiku tal-knisja huwa influwenzat l-iktar mill-arti Biżantina aħħarija, bħal dik tal-Bażilika ta' San Vitale f'Ravenna u knejjes Biżantini oħra.[4] Uħud mill-affreski fil-knisja jirrappreżentaw tranżizzjoni fil-perjodi tal-arti Biżantina, mill-Komnenjan għall-Palaiologan, peress li bosta affreski tlestew bejn l-1263 u l-1268. L-affresk tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna, bil-kompożizzjonijiet kolossali u l-figuri monumentali tiegħu, huwa eżempju ċar ta' din it-tranżizzjoni.[5] Il-perjodu ta' wara l-ikonoklażma ġab miegħu rivoluzzjoni f'dawn l-istili artistiċi sal-bidu tas-seklu 13, fil-perjodu tal-kostruzzjoni tal-monasteru. Motivi oħra preżenti fil-knisja (bħall-għasafar tal-ilma u l-użu ta' għadd ta' lotus speċifiċi) jindikaw l-influwenzi mill-arti Biżantina bikrija tal-era ta' Ġustinjanu I, għalkemm dawn l-influwenzi huma preżenti b'mod inqas prominenti fil-knisja.[6]

L-implimentazzjoni ta' din l-arti tista' tiġi sseparata f'diversi perjodi distinti. Fl-1263-1268 saru diversi affreski, inkluż dawk tal-ulied subien ta' Stefan Uroš I, Dragutin u Milutin. Fl-1331-1346, matul ir-renju tar-Re Stefan Dušan, il-knisja ġiet imkabbra u ħadet il-bixra ta' katidral, u b'hekk tkabbru wkoll l-arti u t-tiżjin li wieħed jista' jara fl-exonarthex tal-knisja.[7] Fl-1335-1371, x'aktarx li l-affreski tal-knisja kienu tlestew, kif joħroġ fid-dieher mill-istili tat-tpittir fi knejjes oħra fil-qrib. Fl-1370-1375 sar l-ewwel eżempju ta' tpittir mill-ġdid tal-affreski fil-knisja, u l-ikkopjar tal-affreski tal-Monasteru ta' Sopoćani ħoloq l-istil ta' Sopoćani li nfirex u influwenza l-affreski ta' knejjes oħra.[8] Fil-bidu tas-seklu 20, l-arti tal-Monasteru ta' Sopoćani serviet bħala ispirazzjoni għall-artisti Serbjani moderni.[9]

Rikostruzzjoni tal-arti

immodifika

Fl-1689, diversi fatturi wasslu għal ħsara mifruxa fil-knisja kollha. Il-gwerra mat-Torok Ottomani wasslet biex il-monasteru ġie skonsagrat. Barra minn hekk, il-maltemp u l-esponiment fit-tul għax-xemx wasslu għal ħsarat oħra għall-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet tal-arti. Fil-bidu tas-seklu 20 kien hemm żewġ perjodi (1925-1929 u 1949-1958) li matulhom bdew isiru kampanji ta' rikostruzzjoni fuq skala kbira. B'mod partikolari, ġew irrestawrati l-kulur u ċ-ċarezza tal-affreski, iżda l-biċċa l-kbira tal-kontorni bil-folji tad-deheb diffiċli ferm li wieħed jagħrafhom fiċ-ċert fl-affreski tal-knisja.[2]

Arti u tekniki notevoli

immodifika

Affreski

immodifika

L-affreski fil-Monasteru ta' Sopoćani tpittru bi stil simili għal dak tal-artisti Biżantini, għalkemm l-oriġini tal-artisti stess għadha mhux magħrufa. Kien hemm sett riġidu ta' passi (it-tlestija tat-tkaħħil, id-disinn bil-karbonju, l-użu tal-opsis f'diversi passati, eċċ.) li normalment kienu jiġu segwiti minn dawn l-artisti. Madankollu, kien hemm l-eċċezzjonijiet għal dan il-metodu, bħal fil-każ tal-affresk tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna, li kien ġie mpitter fuq linji viżibbli ta' diviżjoni li mbagħad kienu jitħassru. Xi storiċi jemmnu li dan huwa r-riżultat ta' żvista min-naħa tal-artist.[10] L-affresk tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna huwa eżempju ieħor ta' affresk tal-perjodu Komnenjan aħħari, ikkaratterizzat mill-użu ta' stil ta' narrattiva lineari. Uħud mill-affreski iktar prominenti fil-knisja kellhom tesseri ta' folji tad-deheb impoġġija fuq il-kontorni tagħhom, abbażi ta' deċiżjoni li kien ħa Stefan Uroš I biex jingħata sens ikbar ta' kobor viżiv.[11]

Ikonografija

immodifika

Minħabba l-influwenza Biżantina u l-introduzzjoni tal-ikonostażi fil-knejjes inħolqot domanda għal ikoni portabbli.[12] L-ikoni fil-Monasteru ta' Sopoćani jirrappreżentaw ideoloġija matriarkali u fost l-oħrajn juru l-ħajja u l-mewt tal-Madonna. Ir-ritratti ta' dawn l-ikoni kienu jinkorporaw tekniki u simboliżmu mill-istil Biżantin u mill-istil Ruman iktar bikri, b'enfasi fuq il-pożizzjonament tar-ras, kif ukoll fuq il-kwalitajiet maskili u femminili tal-idejn. Pereżemju, l-id ix-xellugija spiss kienet titqies femminili, u kienet tiġi rrapppreżentata żżomm xi kotba jew skritturi. L-id il-leminija kienet titqies maskili, u kienet tiġi rrappreżentata żżomm xi xabla, xi salib jew xi lanza.[13] Dawn il-kwalitajiet joħorġu fid-dieher fl-ikoni tal-martri, tal-qaddisin, tal-appostli u tal-evanġelisti tal-Monasteru ta' Sopoćani. Ir-rappreżentazzjoni ta' figuri f'dawn l-ikoni mexiet paripassu mal-iżvilupp tan-naturaliżmu fil-pittura, preżenti f'ikoni u f'mużajk Biżantini oħra bħad-Deiżi fil-Hagia Sophia.[14]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Monasteru ta' Sopoćani ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979 flimkien ma' Stari Ras, il-Monasteru ta' Djurdjevi Stupovi u l-Knisja ta' San Pietru u ta' San Pawl.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

  • Stefan Uroš I tas-Serbja;
  • Anna Dandolo;
  • Joanikije I.

Kultura popolari

immodifika

Sopoćani, żewġ episodji tas-sensiela tad-dokumentarju "Witnesses of Times" prodotta mis-servizz tax-xandir RTB fl-1999-2000, ġew maħluqa minn Petar Savkovića, taħt it-tmexxija tar-reġisti Stevan Stanić u Radoslav Moskovlović, u bil-mużika komposta minn Zoran Hristić.[15][16]

Gallerija

immodifika

Ara wkoll

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Stari Ras and Sopoćani". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-02.
  2. ^ a b Spehar, Perica N. "By Their Fruit you will recognize them - Christianization of Serbia in Middle Ages". Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  3. ^ Upadhya, Om. The art of Ajanta and Sopoćani: A comparative study: An enquiry in prāṇa aesthetics. Delhi: Motilal Banarsidass. p. 25. ISBN 81-208-0990-4.
  4. ^ Rajković, Mila (1963). Sopoćani. Jugoslavija. pp. 5–6.
  5. ^ Kazhdan, Alexander; Talbot, Alice-Mary; Cutler, Anthony; Gregory, Timothy; Sevcenko, Nancy (1991). The Oxford Dictionary of Byzantium. New York: Oxford University Press. p. 1929.
  6. ^ Upadhya, Om. The art of Ajanta and Sopoćani: A comparative study: An enquiry in prāṇa aesthetics. Delhi: Motilal Banarsidass. p. 283. ISBN 81-208-0990-4.
  7. ^ Upadhya, Om. The art of Ajanta and Sopoćani: A comparative study: An enquiry in prāṇa aesthetics. Delhi: Motilal Banarsidass. p. 28. ISBN 81-208-0990-4.
  8. ^ Upadhya, Om. The art of Ajanta and Sopoćani: A comparative study: An enquiry in prāṇa aesthetics. Delhi: Motilal Banarsidass. p. 29. ISBN 81-208-0990-4.
  9. ^ Upadhya, Om. The art of Ajanta and Sopoćani: A comparative study: An enquiry in prāṇa aesthetics. Delhi: Motilal Banarsidass. p. 30. ISBN 81-208-0990-4.
  10. ^ Upadhya, Om. The art of Ajanta and Sopoćani: A comparative study: An enquiry in prāṇa aesthetics. Delhi: Motilal Banarsidass. p. 214. ISBN 81-208-0990-4.
  11. ^ Upadhya, Om. The art of Ajanta and Sopoćani: A comparative study: An enquiry in prāṇa aesthetics. Delhi: Motilal Banarsidass. p. 215. ISBN 81-208-0990-4.
  12. ^ Schug-Wille, Christa (1969). Art of the Byzantine World. New York: Abrams. p. 210.
  13. ^ Upadhya, Om. The art of Ajanta and Sopoćani: A comparative study: An enquiry in prāṇa aesthetics. Delhi: Motilal Banarsidass. p. 150. ISBN 81-208-0990-4.
  14. ^ Cormack, Robin (2000). Byzantine Art. Oxford, New York: Oxford University Press. p. 202. ISBN 978-0-19-284211-4.
  15. ^ "L-ewwel episodju".
  16. ^ "It-tieni episodju".