Kumpless tal-Khānegāh u tas-Santwarju tax-Xejikk Safi al-din f'Ardabil

mawżolew f'Ardabil, l-Iran

Il-Kumpless tal-Khānegāh u tas-Santwarju tax-Xejikk Safi al-din f'Ardabil (bil-Persjan: مجموعه آرامگاه و خانقاه شیخ صفی‌الدین) huwa l-qabar tax-Xejikk Safi-al-din f'Ardabil, l-Iran. Fl-2010 is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-Kumpless tal-Khānegāh u tas-Santwarju tax-Xejikk Safi al-din f'Ardabil.

Ix-Xejikk Safi al-din, mexxej eminenti tal-ordni tal-Iżlam Sunni stabbilit mis-Safavidi, twieled f'Ardabil fejn jinsab dan il-kumpless. Is-Safavid kellhom għal qalbhom l-għamla tal-qabar-moskea, u l-qabar bil-mawżolew u s-sala tat-talb jinsab f'angolu ta' 90 grad mill-moskea. Il-binjiet fil-kumpless jinsabu madwar spazju intern żgħir fil-beraħ (31 metru b'16-il metru). Wieħed jaċċessa l-kumpless minn ġo ġnien twil.[2]

Il-Mawżolew tax-Xejikk Safi f'Ardabil inbena għall-ewwel darba minn ibnu x-Xejikk Sadr al-Dīn Mūsā, wara l-mewt tax-Xejikk Safi fl-1334.[3] Inbena bejn il-bidu tas-seklu 16 u t-tmiem tas-seklu 18. Il-mawżolew, torri ċirkolari twil imsaqqaf b'koppla mżejna bil-madum blu għolja madwar 17-il metru; maġenbu hemm id-Dar tal-Porċellana tas-seklu 17 li tippreserva l-oġġetti ċerimonjali tas-santwarju. Bħala parti mill-kumpless ukoll hemm bosta sezzjonijiet li ntużaw għal varjetà ta' funzjonijiet matul l-aħħar sekli, inkluż librerija, moskea, skola, mawżolej, ċisterna, sptar, kċina, forn tal-ħami, u xi uffiċċji. Il-kumpless jinkorpora rotta li tagħti għas-santwarju tax-xejikk maqsuma f'seba' segmenti, li jirriflettu s-seba' stadji tal-mistiċiżmu Sufist. Diversi partijiet tal-mawżolew huma sseparati permezz ta' tmien daħliet, li jirrappreżentaw it-tmien attitudnijiet tas-Sufiżmu.

Diversi partijiet gradwalment żdiedu mal-istruttura prinċipali matul id-dinastija Safavida. Għadd ta' xejikki Safavidi, ħarems u vittmi tal-battalji tas-Safavidi, inkluż il-Battalja ta' Chaldiran, indifnu fis-sit.[4]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Kumpless tal-Khānegāh u tas-Santwarju tax-Xejikk Safi al-din f'Ardabil ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2010.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Karatteristiċi arkitettoniċi

immodifika
 
Pjanta tal-kumpless.

Il-kumpless attwali, imsejjaħ il-Qabar ta' Sheikh Safi al-Din f'Ardabil, jinkludi l-parti ta' barra l-qabar, il-portal, l-ispazju kbir fil-beraħ, il-portiku, il-qabar tax-Xejikk Safi al-Din innifsu, l-ispazju rriżervat għan-nisa biss (Andaruni, terminu użat fl-arkitettura Iranjana), il-qabar tar-re Ismail I, id-Dar ta' Chini bi stukko mill-isbaħ, diversi bibien prezzjużi tal-injam u tal-fidda, il-Moskea ta' Janatsara, il-Khanqah, iċ-Cheraqkhaneh (id-dar tad-dwal), iċ-Chellehkhaneh (is-sala tat-talb), iċ-ċimiterju tal-martri u oġġetti oħra.[5]

Il-binja tad-daħla prinċipali u l-perimetru bi tliet koppli mżejna bil-madum u bil-mużajk, kif ukoll b'epigrafi bil-kalligrafija Reqa u Kufika, tagħti sens ta' glorja u ta' kobor lil dan il-post.

Il-qabar tax-Xejikk Safi al-Din f'Ardabil huwa torri ċilindriku msaqqaf b'koppla qasira. Taħt il-koppla, hemm volta li hija waħda mill-opri tal-arti ta' valur tal-qabar, u mad-dawra fit-tarf tagħha, hemm kitba mnaqqxa bil-kalligrafija Reqa. Waħda mill-karatteristiċi uniċi tal-qabar tax-Xejikk Safi al-Din f'Ardabil hi li fih diversi opri tal-arti ta' valur, fosthom it-tip perfett ta' madum bil-mużajk, il-madum impitter tal-volti, l-istukko, il-kitbiet imnaqqxa prezzjużi mill-isbaħ, u l-kalligrafija tal-għaġeb ta' wħud mill-ikbar kittieba tal-kalligrafija tal-era Safavida (Mir Emad Hassani, Mir Qavamoddin, Mohammad Ismail, eċċ.), it-tinqis prezzjuż fl-injam, ix-xogħol bil-fidda, il-manuskritti illuminati u x-xogħol bid-deheb, il-pitturi, l-użu ta' stil differenti ta' xogħol bil-ġebel, eċċ.

Gallerija

immodifika

Iktar qari

immodifika
  • Melville, Charles (2020). "Shah ʿAbbas's Patronage of the Dynastic Shrine at Ardabil". Muqarnas Online. 37 (1): 111–138.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Sheikh Safi al-din Khānegāh and Shrine Ensemble in Ardabil". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
  2. ^ Ching, D.K. (2007). A Global History of Architecture. Hoboken, New Jersey: John Wiley & Sons, Inc. pp. 479. ISBN 978-0-471-26892-5.
  3. ^ "Square Kufic". www.kufic.info. Miġbur 2023-12-29.
  4. ^ "Two more Iranian sites added to UNESCO World Heritage List". Tehran Times (bl-Ingliż). 2010-08-01. Miġbur 2023-12-29.
  5. ^ Correia, Antónia; Kozak, Metin; Rodrigues, Ana Isabel (2019). Experiencing Persian Heritage: Perspectives and Challenges. Emerald Group Publishing. p. 38. ISBN 978-1-78754-812-1.