Kosta ta' Amalfi
Il-Kosta ta' Amalfi (bit-Taljan: Costiera amalfitana) hija biċċa kosta twila fin-Nofsinhar tal-Italja li tħares lejn il-Baħar Tirren u l-Golf ta' Salerno. Din il-kosta tinsab fin-Nofsinhar tal-Peniżola ta' Sorrento u fit-Tramuntana tal-Kosta ta' Cilento.
Din il-kosta hija mfaħħra mad-dinja għall-pajsaġġ Mediterran u d-diversità naturali tagħha. Il-kosta ħadet l-isem tar-raħal ta' Amalfi, li huwa ċ-ċentru storiku u politiku ewlieni tagħha. Hija destinazzjoni turistika popolari ħafna, u fis-seklu 18 kienet attrazzjoni għall-Ewropej ta' klassi għolja, peress li kienet waqfa frekwenti fil-vjaġġi grandjużi tagħhom ta' dak iż-żmien. Issa saret attrazzjoni għal miljuni ta' turisti internazzjonali ta' kwalunkwe klassi.[1] Il-Kosta ta' Amalfi tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[2]
Storja
immodifikaMatul is-sekli 10 u 11, id-Dukat ta' Amalfi kien jeżisti fit-territorju tal-Kosta ta' Amalfi, iċċentrat proprju fir-raħal ta' Amalfi. Il-Kosta ta' Amalfi iktar 'il quddiem ġiet ikkontrollata mill-Prinċipat ta' Salerno sakemm Amalfi nsterqet mir-Repubblika ta' Pisa fl-1137.[3]
Ġeografija
immodifikaBħall-bqija tar-reġjun, il-Kosta ta' Amalfi għandha klima Mediterranja, bi sjuf sħan u bi xtiewi mhux kiefra. Il-kosta tinsab fuq ix-xatt tan-Nofsinhar pjuttost wieqaf tal-Peniżola ta' Sorrento, u ma tant fiha wisq spazju għal żvilupp rurali u agrikolu.[4] L-unika triq li twassal sal-Kosta ta' Amalfi hija t-triq statali twil 40 kilometru (Strada Statale 163), li tgħaddi tul il-linja kollha tal-kosta mir-raħal ta' Vietri sul Mare fil-Lvant sa Positano fil-Punent. Tul il-Kosta ta' Amalfi hemm tlettax-il muniċipalità, bosta minnhom iċċentrati fuq it-turiżmu.[5]
Muniċipalitajiet
immodifikaMuniċipalità | Distretti | Attrazzjonijiet |
---|---|---|
Vietri sul Mare | Albori, Benincasa, Dragonea, Molina, Raito | Knisja ta' San Ġwann Battista |
Cetara | Fuenti | Torri ta' Cetara |
Maiori | Erchie, Ponteprimario, San Pietro, Santa Maria delle Grazie, Vecite | Knisja Kolleġġjali ta' Santa Marija, Kastell ta' San Nicola de Thoro Plano, Knisja ta' Santa Maria de Olearia |
Tramonti | Campinola, Capitignano, Cesarano, Corsano, Figlino, Gete, Novella, Paterno Sant'Arcangelo, Paterno Sant'Elia, Pietre, Polvica, Ponte, Pucara | Konservatorju ta' Pucara, Knisja Rupestri f'Gete |
Minori | Montecita, Torre | Knisja ta' Santa Trofimena u villa Rumana antika |
Ravello | Casa Bianca, Castiglione, Marmorata, Sambuco, Torello | Villa Cimbrone, Villa Rufolo, Knisja ta' San Giovanni del Toro, u l-Katidral ta' Ravello |
Scala | Campidoglio, Minuta, Pontone | Katidral ta' Scala |
Atrani | l-ebda | Knejjes ta' San Salvatore del Birecto u Santa Marija Maddalena |
Amalfi | Lone, Pastena, Pogerola, Tovere, Vettica Minore | Katidral ta' Amalfi u l-kjostru tiegħu msejjaħ Chiostro del Paradiso |
Conca dei Marini | l-ebda | Knisja prinċipali ta' San Ġwann Battista u l-Grotta tal-Iżmerald |
Furore | Fiordo di Furore, Marina di Praia | Fjord ta' Furore |
Praiano | Vettica Maggiore | Knejjes ta' San Luqa u San Gennaro, u ta' San Ġwann Battista |
Positano | Montepertuso, Nocelle | Knisja ta' Santa Marija Assunta |
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Kosta ta' Amalfi ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]
Ekonomija
immodifikaIl-Kosta ta' Amalfi hija magħrufa għall-produzzjoni tal-limunċell (bit-Taljan: limoncello), xorb alkoħoliku magħmul bil-lumi (magħruf bit-Taljan bħala sfusato amalfitano) imkabbar fil-ġonna mtarrġa tul il-linja kollha tal-kosta bejn Frar u Ottubru.[6] F'Amalfi tiġi prodotta wkoll karta ħoxna magħmula bl-idejn imsejħa bambagina[7], li hija simbolika għat-teknika tradizzjonali antika fl-Italja tal-produzzjoni tal-karta u li storikament kienet tintuża għal kitbiet privati, atti legali u bolol tad-dħul.[8] Prodott lokali rinomati oħra huma tip partikolari ta' inċova (bit-Taljan lokali: alici) minn Cetara, u ċ-ċeramika kkulurita magħmula bl-idejn minn Vietri.
Trasport
immodifikaIs-servizzi tal-karozzi tal-linja u tal-laneċ jaħdmu tul il-Kosta ta' Amalfi, kif ukoll eskursjonijiet bid-dgħajjes minn Positano u Amalfi.[9]
Ajruport
immodifikaL-eqreb ajruport huma dak ta' Salerno Costa d'Amalfi. Madankollu, l-iżjed ajruport li jintuża biex il-barranin iżuru l-Kosta ta' Amalfi huwa l-Ajruport Internazzjonali ta' Napli (Napoli-Capodichino).
Kultura popolari
immodifikaIs-sbuħija naturali u l-pajsaġġi pittoreski tal-Kosta ta' Amalfi wasslu biex tkun waħda mill-iktar destinazzjonijiet popolari fid-dinja fost it-turisti, tant li tlaqqmet bħala l-"Kosta Divina" (bit-Taljan: Divina costiera.
Il-mexxejja ta' Amalfi huma l-figuri ċentrali fit-traġedja ta' John Webster imsejħa The Duchess of Malfi. L-artist Olandiż M.C. Escher ipproduċa għadd ta' opri tal-arti tal-Kosta ta' Amalfi[10], u Spike Milligan jiddeskrivi ż-żmien li qatta' f'Amalfi matul perjodu ta' mistrieħ mill-gwerra fir-raba' parti tal-memorji tal-gwerra tiegħu, Mussolini: His Part in My Downfall.[11]
Il-Kosta ta' Amalfi ntużat għax-xeni tal-film tal-1972 ta' Federico Fellini Roma u għall-film Amerikan tal-2017 Wonder Woman, fejn il-Kosta ta' Amalfi dehret bħala l-gżira ta' Amazon ta' Themyscira.[12]
Il-Kosta ta' Amalfi hija wkoll l-isfond għal trakki fittizji tat-tlielaq tal-karozzi u tal-muturi fil-logħob elettroniku Forza Motorsport 3, Forza Motorsport 4 u Gran Turismo 4.[13]
Il-belt ta' Positano tissemma wkoll fil-ġrajja qasira tal-1953 ta' John Steinbeck imsejħa Positano.[14] Il-belt tissemma u tidher ukoll f'Under the Tuscan Sun, f'Tenet ta' Christopher Nolan u fil-film ta' Kath u Kim imsejjaħ Kath & Kimderella.[15]
Referenzi
immodifika- ^ "Bay of Naples, Amalfi Coast, History, Culture". web.archive.org. 2011-10-31. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-10-31. Miġbur 2022-03-04.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Costiera Amalfitana". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-03.
- ^ "Amalfi (1)". web.archive.org. 2011-07-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-15. Miġbur 2022-03-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Amalfi geography, book your holidays at Authentic Italy. We offer Campania travel holidays, villas and vacation apartments". web.archive.org. 2008-07-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-07-04. Miġbur 2022-03-04.
- ^ "Amalfi People | Amalfi Coast Culture". web.archive.org. 2014-08-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-08-05. Miġbur 2022-03-04.
- ^ "National cultivars". web.archive.org. 2011-07-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-21. Miġbur 2022-03-04.
- ^ "Amalfi Coast guide - amalfi.com". www.amalfi.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
- ^ Insolitaitalia, Redazione (2016-09-20). "History of the Amalfi Paper and its Museum" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-10-28. Miġbur 2022-03-04.
- ^ "Amalfi coast transport services". www6.theamalficoast.net. Miġbur 2022-03-04.
- ^ "Italian Period". M.C. Escher - The Official Website (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
- ^ Penguin paperback edition, minn p. 220 'il quddiem.
- ^ Beck, Laura (2017-06-01). "Here Are the Magical Places the Cast of Wonder Woman Stayed in Italy". Cosmopolitan (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
- ^ "Forza 3's Ferrari Collection, Amalfi Coast Track Pictured". Shacknews (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
- ^ "Positano by John Steinbeck". web.archive.org. 2011-06-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-06-08. Miġbur 2022-03-04.
- ^ Dent, Nick. "Kath and Kimderella". Time Out Worldwide (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.