Knisja tal-Pellegrinaġġi ta' Wies
Il-Knisja tal-Pellegrinaġġi ta' Wies (bil-Ġermaniż: Wieskirche) hija knisja ovali bi stil Rokokò, li ġiet iddisinjata fl-aħħar tas-snin 40 tas-seklu 18 mill-aħwa J. B. u Dominikus Zimmermann. Dan tal-aħħar kien jgħix fil-qrib għall-aħħar ħdax-il sena ta' ħajtu. Il-knisja tinsab fl-għoljiet ta' qabel l-Alpi, fil-muniċipalità ta' Steingaden fid-distrett ta' Weilheim-Schongau, il-Bavarja, il-Ġermanja. Bħala rikonoxximent tal-arkitettura Rokokò straordinarja tagħha, il-knisja tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]
Storja u deskrizzjoni
immodifikaJingħad li fl-1738 dehru xi dmugħ fuq statwa tal-injam dilapidata ta' Kristu fflaġellat. Il-leġġenda ta' dan il-miraklu rriżultat f'sensiela ta' pellegrinaġġi sal-iskultura. Fl-1740, kappella żgħira nbniet biex tospita l-istatwa iżda f'qasir żmien kien evidenti li l-binja kienet żgħira wisq għall-għadd ta' pellegrini li l-istatwa kienet qed tattira. B'hekk l-Abbazija ta' Steingaden iddeċidiet li tikkummissjona l-kostruzzjoni ta' santwarju separat. Il-kostruzzjoni seħħet bejn l-1745 u l-1754, u fuq ġewwa l-knisja ġiet imżejna b'affreski u bl-istukko skont it-tradizzjoni tal-Iskola ta' Wessobrunner. "Kollox fi ħdan il-knisja sar biex is-sovranaturali jsir viżibbli. L-iskulturi u l-affreski donnhom jiffurmaw ħaġa waħda biex id-divin jieħu l-ħajja u jsir viżibbli".[2]
Hemm twemmin popolari li l-gvern tal-Bavarja ppjana li jbigħ jew iwaqqa' dan il-kapulavur tar-Rokokò matul is-sekolarizzazzjoni tal-Bavarja fil-bidu tas-seklu 19, u li l-knisja ġiet salvata mill-qerda biss bis-saħħa tal-protesti tal-bdiewa lokali. Madankollu, sorsi disponibbli jiddokumentaw li l-kummissjoni statali responsabbli ovvjament kienet favur it-tkomplija ta' Wies bħala sit tal-pellegrinaġġi, minkejja l-oġġezzjonijiet ekonomiċi mis-Superjur tal-patrijiet tal-Abbazija ta' Steingaden. Bosta minn dawk li talbu quddiem l-istatwa ta' Ġesù fuq l-artal saħqu li l-morda mirakolużament ġew imfejqa mill-mard tagħhom, u b'hekk din il-knisja iktar issaħħet bħala sit tal-pellegrinaġġi.[3] Il-knisja sarilha restawr estensiv bejn l-1985 u l-1991.[4]
Il-Knisja tal-Pellegrinaġġi ta' Wies għandha pjanta ovali, b'narthex semiċirkolari. Fuq ġewwa, żewġ kolonni quddiem il-ħitan jirfdu l-gwarniċ elaborat, b'tiżjin mirqum tal-istukko mpitter minn J. B. Zimmerman, u b'kor twil u profond. Is-soqfa huma mpittra bi stil ta' trompe-l'œil, donnhom qed jiftħu għas-smewwiet.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Knisja tal-Pellegrinaġġi ta' Wies ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983. Fl-2011 iż-żona ta' lqugħ tas-sit saritilha modifika minuri.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Pilgrimage Church of Wies". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-21.
- ^ White, James F. (2003), Roman Catholic Worship: Trent to Today, Collegeville, Minn.: Liturgical Press, p. 50, ISBN 0-8146-6194-7.
- ^ Stutzer, Dietmar; Fink, Alois (1982), Die irdische und die himmlische Wies, Rosenheim: Rosenheimer Verlag, pp. 99–100, ISBN 3-475-52355-8.
- ^ "Wallfahrtskirche zum Gegeisselten Heiland". www.wieskirche.de. Miġbur 2022-08-21.