Kladruby nad Labem

villaġġ fid-Distrett u fir-Reġjun ta’ Pardubice

Kladruby nad Labem (jew fil-qosor Kladruby) huwa villaġġ u muniċipalità fir-Reġjun ta’ Pardubice fir-Repubblika Ċeka, li jinsab madwar sitt kilometri fil-Majjistral ta’ Přelouč jew 22 km fil-Punent ta’ Pardubice, b’popolazzjoni ta’ madwar 600 ruħ.[1] Fl-2019 dan il-villaġġ tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][3]

Kladruby nad Labem
 Repubblika Ċeka
Amministrazzjoni
PajjiżRepubblika Ċeka
Regions of the Czech RepublicReġjun ta' Pardubice
District of the Czech RepublicDistrett ta' Pardubice
Isem uffiċjali Kladruby nad Labem
Kodiċi postali 533 14, 533 16u 535 01
Ġeografija
Koordinati 50°03′29″N 15°29′13″E / 50.058°N 15.487°E / 50.058; 15.487Koordinati: 50°03′29″N 15°29′13″E / 50.058°N 15.487°E / 50.058; 15.487
Kladruby nad Labem is located in Czech Republic
Kladruby nad Labem
Kladruby nad Labem
Kladruby nad Labem (Czech Republic)
Superfiċjenti 23.81481 kilometru kwadru
Għoli 206 m
Fruntieri ma' Žiželice (en) Translate, Klamoš (en) Translate, Chlumec nad Cidlinou (en) Translate, Trnávka (en) Translate, Selmice (en) Translate, Semín (en) Translate, Újezd u Přelouče (en) Translate, Strašov (en) Translate, Řečany nad Labem (en) Translate, Hlavečník (en) Translateu Tetov (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 689 abitanti (1 Jannar 2024)
kladrubynadlabem.cz

Partijiet amministrattivi

immodifika

Kladruby nad Labem huwa magħmul minn tliet villaġġi oħra li huma partijiet amministrattivi tiegħu: Bílé Vchynice, Kolesa u Komárov.[4]

Kladruby nad Labem issemma għall-ewwel darba fl-1295 bħala l-proprjetà tal-monasteru Premonstratensjan f’Litomyšl. Isem il-villaġġ x’aktarx li ġej mill-ewwel użu tiegħu li kien il-qtugħ tas-siġar għall-injam (biċ-Ċek klady rubaji).[5]

 
Il-knisja ta’ Kladruby nad Labem

Kladruby kellu l-kundizzjonijiet ideali għat-tnissil taż-żwiemel, bis-saħħa tal-mergħat kbar tal-madwar li huma r-riżultat ta’ snin sħaħ ta’ qtugħ tas-siġar mill-foresti. Matul it-tieni nofs tas-seklu 14, sar parti mill-proprjetà tal-Abbazija Ċisterċensi ta’ Sedlec ħdejn Kutná Hora. Fi żmien Karlu IV, il-villaġġ ta’ ħassada tal-injam, nissiela taż-żwiemel u kummerċjanti, amministrat mill-monasteri għadda minn perjodu ta’ ġid u ġew stabbiliti presbiterju u knisja. Il-ħassada gradwalment saru proprjetarji sinjuruni tal-artijiet, u l-istemma araldika tagħhom mill-bidu tas-seklu 15 kienet turi nagħla. Minkejja dan, il-perjodu ta’ ġdid ġie fi tmiemu meta kemm il-presbiterju kif ukoll il-knisja nqerdu matul il-Gwerer Ħussiti.

Fl-1500, il-villaġġ sar proprjetà ta’ William II tal-familja Pernštejn, li diġà kien is-sid ta’ partijiet kbar tar-reġjun ta’ Pardubice. Il-familja Pernštejn żammet it-tradizzjoni lokali tat-tnissil taż-żwiemel u stabbiliet santwarju taż-żwiemel skont kif ġie ddokumentat fl-1522, fejn iż-żwiemel li kienu jitnisslu kienu nofshom selvaġġi, jiġifieri mhux imnisslin minn żwiemel immansati għalkollox. L-istorja tar-razez Spanjoli u Taljani antiki taż-żwiemel f’Kladruby li għadha teżisti sa llum bdiet fl-1552, meta Jaroslav tal-familja Pernštejn, biex iżomm mad-drawwa ta’ żminijietu, ġab l-ewwel żwiemel tar-razza Spanjoli fis-santwarju.[6] Kladruby baqa’ jappartjeni għall-familja Pernštejn sal-1560, meta nxtara mill-Imperatur Ferdinandu I tal-Imperu Ruman Sagru minn Jaroslav tal-familja Pernštejn li kien jeħodlu ħsieb iż-żwiemel tiegħu. Is-sena 1579 hija sena importanti għal Kladruby għaliex fiha, permezz tad-digriet tal-Imperatur Rodolfu II, ġiet stabbilita l-Iskuderija Imperjali tat-Tnissil taż-Żwiemel fis-santwarju, li minnha kienu jitnisslu ż-żwiemel għal skopijiet ċerimonjali miż-żwiemel tar-razza Spanjoli.[7]

Wara l-waqgħa tal-monarkija Awstro-Ungarika fl-1918, l-iskuderija tat-tnissil taż-żwiemel f’Kladruby spiċċat taħt l-amministrazzjoni tal-istat.[6][7]

Tnissil taż-żwiemel

immodifika
 
L-istalel tad-debbiet tar-razza Kladruber

Kladruby nad Labem huwa rinomat bħala l-post minn fejn jitnisslu ż-żwiemel tar-razza Kladruber.

Madwar 250 żiemel abjad tar-razza Kladruber jitnisslu fl-unika skuderija nazzjonali tat-tnissil taż-żwiemel taċ-Ċekja li tinsab f’Kladruby nad Labem. Iż-żwiemel suwed tar-razza Kladruber jitnisslu fi stalel sekondarji fil-qrib fi Slatinany. L-ewwel dokumentazzjoni dwar iż-żwiemel tar-razza Kladruby tmur lura għas-seklu 12. Dak iż-żmien, iż-żwiemel kienu jitnisslu f’kompartiment magħluq fil-beraħ u mhux fi stalel. Wara li Enriku tal-familja Pernštejn kien imġiegħel ibigħ il-proprjetà tiegħu biex iħallas għad-dejn li kellu, dawn saru proprjetà tal-Imperatur Massimiljanu II tal-Asburgi, u mbagħad fl-1579 l-Imperatur Rodolfu II stabbilixxa l-Iskuderija Imperjali tat-Tnissil taż-Żwiemel bi stalel minflok il-kompartiment magħluq fil-beraħ.[5]

 
It-tabelli bil-linji tar-razza Kladruber taż-żwiemel tal-kompetizzjoni

Iż-żwiemel tar-razza Kladruber oriġinarjament kienu jitnisslu f’diversi kuluri iżda llum baqa’ biss żewġ varjetajiet. Iż-żwiemel bojod tar-razza Kladruber kienu jintużaw b’mod predominanti għall-ħtiġijiet imperjali ċerimonjali, filwaqt li ż-żwiemel is-suwed tar-razza Kladruber kienu jitnisslu primarjament għad-dinjitarji tal-knisja.

L-Iskuderija tat-Tnissil taż-Żwiemel ta’ Kladruby effettivament hija magħmula minn tliet faċilitajiet. L-ikbar faċilità, tinsab proprju f’Kladruby nad Labem, bl-istalel tal-istalluni tat-tnissil, tad-debbiet tat-tnissil bil-moħrien tagħhom, u taż-żwiemel ta’ età żgħira. It-tieni faċilità hija dik tal-istalel ta’ Josefov, xi nofs kilometru ’l bogħod, fejn joqogħdu d-debbiet mingħajr moħrien jew li jkunu għadhom fl-ewwel stadji tal-ġestazzjoni (it-tqala) tagħhom. It-tielet faċilità hija dik tal-istalel ta’ Frantiskov, fejn joqogħdu l-moħrien miftuma f’Selmice, li hija kkollegata mal-binja ewlenija tal-iskuderija tat-tnissil taż-żwiemel bi triq twila 3.5 km bis-siġar tax-xkomp fuq iż-żewġ naħat tagħha. L-iskuderija tat-tnissil taż-żwiemel ta’ Kladruby tinkludi xi 1,200 ettaru ta’ artijiet ċatti, fosthom għelieqi, imraġ, mergħat, park Ingliż u foresta.[4]

 
Is-sala interna tal-irkib taż-żwiemel tar-razza Kladruber

Malli jagħlqu tliet snin, il-moħrien jiġu mħarrġa f’Kladruby għalkemm l-istalel tagħhom jinsabu fi Frantiskov. Dawn jirċievu taħriġ għal 11-il xahar fejn primarjament jidraw l-użu tas-sruġ u tat-testieri (xedd ir-ras taż-żwiemel) bil-brilja u bir-riedni. L-ewwel darba li żiemel ta’ età żgħira jitlibbes is-sarġ u t-testiera bil-brilja u bir-riedni, dejjem ikun akkumpanjat minn żiemel ta’ età ikbar li jagħmilha tal-għalliem tiegħu. Fl-aħħar tat-taħriġ jitwettqu testijiet tal-prestazzjoni u ż-żwiemel iridu juru li draw jintrikbu bis-sarġ u bit-testiera bil-brilja u bir-riedni.

Iż-żwiemel bojod tar-razza Kladruber ikollhom sfumaturi ta’ abjad li jvarjaw. Dan għaliex bħaż-żwiemel tar-razza Lipazzaner, iż-żwiemel bojod tar-razza Kladruber maż-żmien isiru gradwalment iktar bojod. Il-perjodu tal-ġestazzjoni tad-debbiet idum 11-il xahar u 90 % tat-twelid iseħħ billejl. Il-moħrien miż-żwiemel bojod tar-razza Kladruber meta jitwieldu jkunu kannella skur jew suwed u mbagħad gradwalment isiru bojod iktar ma jikbru, u jsiru bojod għalkollox meta jkollhom bejn tmien snin u għaxar snin.[5]

L-istalel taż-żwiemel tal-kompetizzjoni jieħdu ħsiebhom l-istudenti tal-Iskola Sekondarja tat-Tnissil u tal-Irkib taż-Żwiemel ta’ Kladruby bħala parti mill-istudji prattiċi tagħhom. L-istalel tal-istalluni u tad-debbiet bojod tar-razza Kladruber huma maqsuma skont l-linji tar-razza tagħkom, fosthom il-linji Generale, Generalissimo, Favory, Sacramoso u Rudolfo. Il-linja tar-razza magħrufa sew ta’ Napoleone m’għadhiex teżisti. Maġenb l-istalel taż-żwiemel tal-kompetizzjoni hemm ukoll sala interna tal-irkib taż-żwiemel b’art apposta miksija minn ramel tal-ħġieġ u ġeotessuti li tippermetti li ż-żwiemel jitħarrġu s-sena kollha, ikun xi jkun it-temp barra.[5]

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika

Fis-6 ta’ Lulju 2019, il-Pajsaġġ għat-Tnissil u għat-Taħriġ taż-Żwiemel tal-Karozzini Ċerimonjali f’Kladruby nad Labem ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[8]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, u l-kriterju (v) “Eżempju straordinarju ta’ insedjament uman tradizzjonali, ta’ użu tal-art jew ta’ użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta’ bidla irreversibbli”.[8]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Kladruby nad Labem (bl-Ingliż). 2021-01-22. Miġbur 2021-04-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  2. ^ "Two new UNESCO World Heritage Sites named in the Czech Republic". news.expats.cz (bl-Ingliż). 2019-07-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-12-26. Miġbur 2021-04-01.
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Seven more cultural sites added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-01.
  4. ^ a b "Obec Kladruby nad Labem - Oficiální stránky obce Kladruby nad Labem". www.kladrubynadlabem.cz. Miġbur 2021-04-01.
  5. ^ a b ċ d Sváček, Libor (2015). UNESCO. pp. 164–167. ISBN 978-80-7339-067-9.
  6. ^ a b "Historie obcí - Oficiální stránky obce Kladruby nad Labem". www.kladrubynadlabem.cz. Miġbur 2021-04-01.
  7. ^ a b "Kladruby National Stud - breeding unique Old Kladruber horses for over 400 years". Radio Prague International (bl-Ingliż). 2006-07-12. Miġbur 2021-04-01.
  8. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Landscape for Breeding and Training of Ceremonial Carriage Horses at Kladruby nad Labem". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-01.