Katidral ta' Naumburg
Il-Katidral ta' Naumburg (bil-Ġermaniż: Naumburger Dom St. Peter und St. Paul, ippronunzjata [ˈnaʊ̯mˌbʊʁɡɐ doːm], li jinsab f'Naumburg, il-Ġermanja, huwa l-eks katidral tal-Veskovat ta' Naumburg-Zeitz. Il-binja tal-knisja, li l-biċċa l-kbira tagħha tmur lura għas-seklu 13, hija għeliem rinomat tar-Rumanesk Aħħari Ġermaniż and ġiet rikonoxxuta bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[1] Il-kor tal-Punent bl-istatwi famużi tat-tnax-il fundatur/donatur tal-katidral (Stifterfiguren) u l-Lettner, ix-xogħlijiet tal-Artist Ewlieni ta' Naumburg, huwa wieħed mill-iktar monumenti Gotiċi bikrin u sinifikanti.
Il-knisja nbniet bir-rilokazzjoni tas-Sede Veskovali minn Zeitz fl-1028, ħdejn knisja parrokkjali antika. Għaldaqstant hija l-protokatidral tal-eks Djoċesi Kattolika ta' Naumburg-Zeitz. Bir-Riformazzjoni, Naumburg u l-katidral saru Protestanti. Il-Katidral ta' Naumburg għadu knisja parrokkjali Protestanta sa llum.
Il-Katidral ta' Naumburg huwa parti minn rotta turistika magħrufa bħala l-Mogħdija Rumaneska f'Sachsen-Anhalt. Mill-1999, il-Katidral ta' Naumburg u l-pajsaġġ tax-xmajjar Saale u Unstrut, jitqiesu bħala dominju importanti tal-Medju Evu Għoli.[2]
Storja
immodifikaSfond
immodifikaL-istorja tar-raħal ta' Naumburg tmur lura għas-sekli 9 u 10. Minħabba nuqqas ta' dokumentazzjoni bil-miktub, id-dettalji u d-dati preċiżi mhumiex magħrufa. Madankollu, x'aktarx li l-Markgraf (Margravju; titlu nobbli) Ekkehard I ta' Meissen u l-iżjed bniedem setgħan fil-fruntiera tal-Lvant tal-Imperu Ruman Sagru kien il-fundatur.[3]
Huwa bena residenza fuq blata għolja bejn wieħed u ieħor 25 metru 'l fuq mix-xmara Saale, ħdejn il-bokka tax-xmara Unstrut. Il-pożizzjoni għal dan il-kastell, li kien issejjaħ neweburg li iktar 'il quddiem saret Naumburg, intgħażlet għall-prossimità vantaġġuża tagħha f'salib it-toroq ta' daqstant mogħdijiet kummerċjali b'traffiku għoli fil-fruntiera tal-Lvant storika tal-Lvant ta' Francia (ir-Renju tal-Ġermanja) mal-artijiet tal-Islavi Polabjani li kienu inkorporati fil-Marċ tal-Lvant tas-Sassoni.[3]
Ekkehard inqatel fl-1002 fl-Abbazija ta' Pöhlde fil-għoljiet ta' Harz, iżda ma kienx possibbli li jindifen f'Naumburg dak iż-żmien, peress li la l-kastell u lanqas il-monasteru mehmuż miegħu kienu għadhom ma tlestew. Ladarba dan ix-xogħol tlesta, uliedu subien, il-Margravji ta' Meissen, Hermann u Ekkehard II ordnaw li l-katavru tiegħu u l-katavri ta' missirijietu jitpoġġew fil-Georgenkloster f'Naumburg.[3]
Ulied Ekkehard stabbilew knisja parrokkjali żgħira fil-parti tal-Punent taż-żona madwar il-kastell. Din ġiet iddedikata lill-Marija Verġni u ssemmiet għall-ewwel darba fit-testi li għadhom eżistenti tal-Kronaka Veskovali ta' Merseburg fl-1021. Fl-1028, wara xi tħeġġiġ miż-żewġ aħwa, kisbu l-approvazzjoni mir-Re Konrad II u l-Papa Ġwanni XIX biex is-Sede Veskovali tiġi ttrasferita minn Zeitz għal Naumburg on the grounds that the castle would provide more protection for the see than it could get at Zeitz.[3]
Rumanesk Bikri
immodifikaFtit wara l-approvazzjoni tar-rilokazzjoni tas-Sede Veskovali, fir-rebbiegħa tal-1029, ħarira fil-Lvant tal-knisja parrokkjali eżistenti, bdiet il-kostruzzjoni tal-katidral Rumanesk Bikri. Fl-1044, matul ir-renju tal-Isqof Hunold ta' Merseburg, il-knisja ġiet ikkonsagrata u ġew iddeżinjati l-qaddisin patruni San Pietru u San Pawl, li ġew adottati mill-Katidral ta' Zeitz.[3]
Din il-knisja nbniet fl-istess post fejn hemm il-binja Rumaneska/Gotika llum, iżda kellha daqs iżgħar. Għall-ħabta tal-1160-1170 ġiet miżjuda kripta mal-binja, l-unika kamra tal-ewwel katidral li għadha teżisti fl-istruttura attwali ftit jew wisq mingħajr alterazzjonijiet.[3]
Gotiku/Rumanesk Aħħari
immodifikaIr-rikostruzzjoni tal-katidral bdiet għall-ħabta tal-1210. Mill-istruttura antika baqgħet biss il-kripta u din tilfet l-apsida tagħha, iżda ġiet imkabbra lejn il-Lvant u lejn il-Punent b'tali mod li issa hija estiża mhux biss taħt il-kor il-ġdid iżda anke taħt is-salib fil-pjanta tal-katidral.[3]
Dan il-katidral ġdid inbena taħt l-Isqof Engelhard (1207-1242). Madankollu, ma tantx dam bl-għamla Rumaneska Aħħarija għal wisq żmien għaliex ma' nofs is-seklu 13 ġie miżjud il-kor Gotiku Bikri tal-Punent, li ħa post il-knisja parrokkjali antika. X'aktarx li tlesta sal-1260. Ftit wara, ġie miżjud sular ieħor fit-torrijiet tal-Punent. Għall-ħabta tal-1330, inbena l-kor poligonali Gotiku Għoli tal-Lvant, li kien jeħtieġ il-qerda tal-apsida Rumaneska. Fis-sekli 14 u 15 ġew miżjuda sulari addizzjonali fit-torrijiet tal-Punent. Id-Dreikönigskapelle ġiet ikkonsagrata fl-1416.[3]
Fl-1532 il-katidral inħakem min-nar, li qered is-soqfa. Wara dan l-avveniment inbnew it-torrijiet tal-Lvant. In-nar qered ukoll in-navata bi tliet korsiji tal-knisja kulleġġjali ddedikata lil Santa Marija maġenb il-katidral, u llum kulma fadal minnha huwa l-kor. Il-knisja kulleġġjali għandha l-kjostru tagħha stess u għalhekk għal xi żmien kien hemm żewġ kjostri, wieħed fin-Nofsinhar tal-katidral u ieħor fit-Tramuntana. Il-kjostru tat-Tramuntana ma għadux jeżisti iżda kien jintuża biex jilqa' l-kleru tal-katidral qabel ma nqerdet il-knisja kulleġġjali.[3]
Riformazzjoni
immodifikaMatul ir-Riformazzjoni, Naumburg sar is-sede tal-ewwel isqof Protestant Ġermaniż, Nicolaus von Amsdorf fl-1542. Mal-mewt tal-isqof Kattoliku Julius von Pflug fl-1564, id-djoċesi Kattolika ta' Naumburg ġiet amministrata mill-Eletturi tas-Sassonja u finalment ġiet xolta fl-1615.
Kostruzzjoni iktar 'il quddiem
immodifikaIs-soqfa u l-lanterni tar-ram tat-torrijiet tal-Lvant ġew miżjuda fl-1713-1714 u fl-1725-1728. Għall-ħabta ta' nofs is-seklu, minn ġewwa l-katidral ġie mibdul fi knisja Barokka. Dan il-proċess ġie invertit permezz ta' "purifikazzjoni" fl-1874-1878 li kienet immirata lejn ir-restawr tal-katidral b'bixra Medjevali, jiġifieri Rumaneska/Gotika, anke a skapitu tas-sostituzzjoni ta' oġġetti Barokki b'arti ġdida li terġa' tqanqal ir-Rumanesk/il-Gotiku.[3]
It-torri tal-Lbiċ ġie mtawwal bi tliet psewdosulari Gotiċi fl-aħħar tas-seklu 19. Fl-istess żmien, ġew miżjuda soqfa forfċi u soqfa oħra għaż-żewġ torrijiet tal-Punent. Binja psewdo-Medjevali nbniet fil-pożizzjoni preċedenti tan-navata tal-knisja kulleġġjali, li inizjalment intużat bħala sala għall-iskola tal-katidral. Finalment, inbniet id-dar mad-daħla fl-1940.[3]
Deskrizzjoni
immodifikaIl-katidral huwa bażilika b'kor doppju u bi tliet korsiji, b'par torrijiet fil-Lvant u fil-Punent, maġenb il-korijiet. Minħabba l-preżenza tal-korijiet maż-żewġ naħat, wieħed jidħol fil-knisja mill-ġnub. Id-daħla prinċipali tinsab fin-naħa tan-Nofsinhar mill-kjostru jew mid-dar mad-daħla. Il-korijiet huma diviżi min-navata permezz ta' żewġ ħitan diviżorji tal-ġebel.[3]
Opri tal-arti fuq ġewwa
immodifikaL-iStifterfiguren (statwi tad-donaturi) tal-artist ewlieni msejjaħ Naumburger Meister (l-Artist Ewlieni ta' Naumburg) x'aktarx li huma l-iktar opri tal-arti magħrufin fil-katidral u spiss jiġu meqjusa bħala l-iktar skulturi Gotiċi Bikrin magħrufa fil-Ġermanja. It-tnax-il skultura jinsabu fil-kor tal-Punent, għandhom daqs ta' bnedmin ta' veru (tmien irġiel u erba' nisa), u juru nies nobbli li kienu fost il-fundaturi tal-katidral.[4]
L-iskulturi x'aktarx li kienu jirrappreżentaw dawn in-nies li ġejjin (mill-Grigal għax-Xlokk):
- il-Margravju Konrad, neputi ta' Ekkehard II u Hermann I
- il-Margravja Gepa (jew Adelheid von Gernrode)
- il-Margravja Uta von Ballenstedt u l-Margravju Ekkehard II ta' Meissen (bħala koppja)
- il-Margravju Thimo von Kystritz (Timo de Kistricz, Comes de Wettin, Comes de Brena, il-Margravju zu Seußlitz und Kistritz, Herzog zu Meißen)
- il-Margravju Wilhelm von Camburg und Brehna
- il-Margravju Sizzo von Kevernburg
- il-Margravju Dietmar
- il-Margravja Reglindis u l-Margravju Hermann I ta' Meissen, ħu Ekkehard (bħala koppja)
- il-Margravju Dietrich von Brehna u Gerburg, martu
L-iskulturi nħolqu f'nofs is-seklu 13 mill-blat ramli ta' Grillenburg. Għaxra mill-figuri huma mdaħħlin fil-ħitan, u tnejn qegħdin bilwieqfa waħedhom. Oriġinarjament kienu mpittra iżda l-fdalijiet taż-żebgħa li għadha viżibbli llum ġejjin mix-xogħol ta' restawr li sar mis-sekli 16 sa 19.
Bħala skulturi Gotiċi Bikrin, dawn il-figuri huma tassew realistiċi u fihom ammont kbir ta' dettall individwali. In-natura tal-iskulturi u l-preżenza stess tal-figuri ta' nies komuni f'post daqstant prominenti fil-knisja jagħmilhom tassew uniċi fl-iskultura Ewropea tas-seklu 13.
Magħmul mill-istess artist, il-Westlettner (il-ħajt diviżorju tal-Punent) fih skulturi mill-Passjoni ta' Kristu.[5]
Flimkien, il-Westlettner u l-figuri tal-fundaturi jitqiesu bħala "wħud mill-iktar xogħlijiet importanti tal-arti Gotika Bikrija fil-Ġermanja".
L-Elisabethkapelle, kappella ddedikata lil Santa Eliżabetta fiha l-eqdem skultura magħrufa tal-ġebel ta' din il-qaddisa. X'aktarx li saret ftit wara l-kanonizzazzjoni ta' Eliżabetta fl-1235, erba' snin biss wara mewtha. Ras l-istatwa kienet tħaddan fiha r-relikwi tal-qaddisa.
It-twieqi tal-katidral fihom xogħol magħmul minn Neo Rauch fl-Elisabethkapelle u minn Thomas Kuzio fil-kripta u fil-battisterju. Hemm ukoll twieqi Medjevali, b'mod partikolari fil-kor tal-Lvant.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Katidral ta' Naumburg ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-2018.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[1]
Iktar qari
immodifika- Gerhard Straehle: Der Naumburger Meister in der deutschen Kunstgeschichte. Einhundert Jahre deutsche Kunstgeschichtsschreibung 1886-1989. Ludwig-Maximilians-Universität München, 2009.
- Gerhard Straehle: Der Naumburger Stifter-Zyklus und der Erschlagene im Westchor (Synodalchor) des Naumburger Doms. Verlag Langewiesche, Königstein 2012, ISBN 978-3-7845-2960-8.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Naumburg Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-25.
- ^ Welle (www.dw.com), Deutsche. "Germany's Naumburg Cathedral wins World Heritage designation | DW | 01.07.2018". DW.COM (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-25.
- ^ a b ċ d e f ġ g għ h ħ i Schubert, Ernst (2010). Der Dom zu Naumburg (German). Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02276-8.
- ^ "Stifterfiguren: vereinigtedomstifter.de". web.archive.org. 2018-07-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-07-10. Miġbur 2021-11-25.
- ^ "Naumburger Meister: vereinigtedomstifter.de". web.archive.org. 2018-07-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-07-10. Miġbur 2021-11-25.