Karmenu Mifsud Bonnici

Prim Ministru ta' Malta (1984-1987)
(Rindirizzat minn Karmenu Mifsud Bonniċi)

Karmenu Mifsud Bonnici (twieled Bormla fis-17 ta' Lulju 1933 - miet fil-5 ta' Novembru 2022)[1] kien Prim Ministru ta' Malta bejn l-1984 u l-1987.

Karmenu Mifsud Bonnici
9. Prim Ministru ta' Malta

22 Diċembru 1984 - 12 Mejju 1987
Dom Mintoff - Eddie Fenech Adami
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

Ħajja
Twelid Bormla, 17 Lulju 1933
Nazzjonalità Malta
Mewt Bormla, 5 Novembru 2022
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
għalliem fl-università
avukat

Qabel il-Politika

immodifika

Karmenu Mifsud Bonnici, bin it-tabib Lorenzo Mifsud Bonnici (li kien it-tabib ta' San Ġorġ Preca) u Caterina mwielda Buttigieg, ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola tal-Gvern u aktar tard daħal il-Liċeo u mbagħad l-Università ta' Malta fejn iggradwa fil-Baċellerat tal-Arti. Fl-1954 hu kiseb Dottorat fil-Liġi. Bejn l-1967 u 1968 kompla l-istudji tiegħu fit-Tassazzjoni u l-Liġi Industrijali fl-University College of London. Fl-1968, huwa beda jgħallem il-Liġi Fiskali u Industrijali fl-Università ta’ Malta.

Meta kien student, kien membru attiv fl-Azzjoni Kattolika, u aktar tard fil-Moviment Żgħażagħ Ħaddiema Nsara bħala konsulent legali. Fl-istess moviment dak iż-żmien kien hemm ukoll Edward Fenech Adami. Mifsud Bonnici kien membru tal-bord editorjali tal-ġurnal “Il-Ħaddiem” ippubblikat mill-istess moviment.

Fl-1969, kien maħtur bħala konsulent tal-General Workers Union.

Fil-Politika

immodifika

Fl-1980, Mifsud Bonnici nħatar Deputat Mexxej tal-Partit Laburista fuq proposta ta' Dom Mintoff, u fl-1982 bħala mexxej suċċessur. Fit-2 ta’ Mejju 1982, Karmenu Mifsud Bonnici kien co-opted fil-Parlament wara r-riżenja tal-Membru Parlamentari Pawlu Xuereb, u kien maħtur bħala Ministru tax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali. Fil-5 ta’ Settembru 1983, inħatar Deputat Prim Ministru Anzjan u Ministru tal-Edukazzjoni. F'dan iż-żmien kien hemm il-Kwistjoni tal-Iskejjel tal-Knisja li l-Gvern riedhom ikunu b'xejn għal kulħadd.

Prim Ministru

immodifika

Karmenu Mifsud Bonnici ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru fit-22 ta’ Diċembru 1984, wara li dak in-nhar stess fil-Parlament, il-Perit Dom Mintoff ħabbar ir-rizenja tiegħu. Huwa kien l-ewwel Prim Ministru li qabel inħatar qatt ma kien ikkontesta elezzjoni. Bħala Prim Ministru, Karmenu Mifsud Bonnici kien responsabbli miċ-Ċittadinanza, Uffiċċju Elettorali, Tiftix għaż-żejt, Xandir, Avjazzjoni Ċivili u Portijiet fost l-oħrajn. Kellu wkoll ir-responsabbiltajiet tal-Intern u l-Edukazzjoni.

Nhar il-15 ta' April 1986 bombers Amerikani attakkaw Tripli taħt l-ordnijiet tal-President Ronald Reagan, attakk li kien ħalla diversi vittmi, fosthom it-tifla adottiva tal-mexxej Libjan Muammar Gaddafi. Karmenu Mifsud Bonnici kien avża ftit minuti qabel lil Gaddafi b’dan l-attakk imminenti wara li kien twaqqa’ ajruplan Amerikan mil-Libjani fil-Golf ta’ Sirte li l-Libja kienet issostni li kien baħar intern tagħha. Il-pre-avviż ta’ Mifsud Bonnici kien salva ħajjet il-mexxej Libjan.

Kap tal-Oppożizzjoni

immodifika

Minn Mejju 1987 sa Marzu 1992 huwa kien Kap tal-Oppożizzjoni, u kien elett fl-elezzjonijiet tal-1987 u l-1992. Nhar il-5 ta' Marzu 1992 huwa rriżenja minn mexxej tal-Partit Laburista għalkemm baqa' deputat parlamentari u attiv fil-Partit. F'Ġunju 2008 huwa mar xeħet il-vot tiegħu għall-għażla tal-mexxej il-ġdid wara r-riżenja ta' Alfred Sant.

Fl-1999 waqqaf is-CNI, Kampanja għall-Ħelsien Nazzjonali kontra d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja. Huwa baqa' viċin ħafna l-eks Prim Ministru Dom Mintoff.

Kontra l-Kostituzzjoni Ewropea

immodifika

F'Ġunju 2005 Mifsud Bonnici ressaq mozzjoni fil-Konferenza Generali Laburista kontra r-ratifika tat-Trattat Kostituzzjonali Ewropew. Fl-indirizz tiegħu lid-delegati Mifsud Bonnici qal:

 Jekk irridu tassew li nwettqu dak li ddeċidejna m’għandniex napprovaw dak li rabatna bih ħaddieħor. Iriduna bħal bħaħen norbtu lilna nfusna bih billi nivvotaw favur it-tielet parti tal-Kostituzzjoni li ma tħallix Gvern Soċjalista jwettaq is-Soċjaliżmu f’pajjiżna...

Kif nistgħu qatt nivvotaw għall-Kostituzzjoni Ewropea meta din fiha jintqal ċar f’Artiklu 6 li din se tkun qiegħda tipprevali fuq il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna? 

Dakinhar Mifsud Bonnici tkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-Partit Laburista. Fil-waqt li stqarr dwar l-importanza tad-diskussjoni fil-partit, qal li huwa jrid l-għaqda fil-Partit Laburista u ma jrid jurta lil ħadd u għalhekk ħareġ favur l-astensjoni. Il-kelliem qal li huwa bl-ebda mod m’għandu f’moħħu li l-Partit Laburista jinqasam għax huwa ġid xtaq lill-Partit Laburista fl-imgħoddi u ġid jixtieqlu llum u fil-ġejjieni.

Nhar it-2 ta' Lulju 2005, il-mozzjoni ta' Mifsud Bonnici ma kinitx għaddiet. 699 delegat ivvutaw favur il-mozzjoni mressqa mill-Eżekuttiv Nazzjonali u mill-Grupp Parlamentari u 118-il vot (14.4 %) favur il-mozzjoni mressqa minn Karmenu Mifsud Bonnici. Fil-votazzjoni vvutaw id-delegati kollha, 825 delegat.

Ħoloq Esterni

immodifika
Predeċessur
Dom Mintoff
Prim Ministru ta' Malta
1984-1987

Suċċessur
Eddie Fenech Adami

Predeċessur
Dom Mintoff
Mexxej tal-Partit Laburista
1984-1992

Suċċessur
Alfred Sant

Predeċessur
Philip Muscat
Ministru tal-Edukazzjoni
1983–1986

Suċċessur
Daniel Micallef

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Former Prime Minister Karmenu Mifsud Bonnici dies, aged 89". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-05.