Nannakola tal-faqqus il-ħmir

(Rindirizzat minn Henosepilachna elaterii)


In-Nannakola tal-Faqqus il-ħmir (Henosepilachna elaterii) hija ferm komuni fil-gżejjer Maltin. Id-dieta tagħha tikkonsisti biss f'ħaxix illi ġej mill-Familja Cucurbitaceae li hija familja ta' pjanti li tinkludi ħjar u dulliegħ. Din in-nannakola hija erbivora u ma tiekolx insetti bħall-maġġoranza tan-nannakoli l-oħra. B'hekk minħabba din id-dieta, Henosepilachna elaterii ġiet ikklassifikata taħt is-sottofamilja Epilachninae (sottofamilja ta nannakoli erbivori). Il-pjanta ferm preferuta minn din l-ispeċi hija, kif l-isem jissuġġerixi, dik tal-faqqus il-ħmir (Ecballium elaterium). Din l-ispeċi tqatta kważi ħajjitha kollha fuq il-Faqqus il-ħmir u għandha ċiklu tal-ħajja ferm adattat għall-ghixien fuq din il-pjanta.

Henosepilachna elaterii
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Animalia
Phylum: Arthropoda
Klassi: Insecta
Ordni: Coleoptera
Familja: Coccinellidae
Ġeneru: Henosepilachna
Speċi: H.elaterii
Isem binominali
Henosepilachna elaterii
(Rossi, 1794)

Il-ġisem tan-Nannakoli adulti għandu forma tonda illi issir ċatta fil-qiegħ u daqs medju ta' 7-8mm. Għalkemm ġisimhom huwa żgħir, mhuwiex diffiċli biex tarahom. Dan għaliex in-nannakoli tal-Faqqus il-Ħmir għandhom kulur oranġjo skur illi jikkuntrasta ferm mal-weraq ħodor tal-pjanta. Dan il-kulur jirriżulta minn sustanzi li jissejħu karotenojdi illi jinsabu fuq il-ġwienaħ protettivi tan-nannakola. Kull ġewnaħ estern tan-nannakola għandu 6 tikki suwed fuqu. B'hekk Henosepilachna elaterii għandha 12-il tikka b'kollox. Tnejn minn dawn it-tikek xi kultant jistgħu jkunu tant viċin illi jidħlu f'xulxin u jiffurmaw marka akbar. Barra minn hekk, il-ġwienaħ ta' din l-ispeċi huma miksijjin b'ħafna suf mikroskopiku illi jgħin biex in-nannakola ma tiżloqx. Dan is-suf mikroskopiku huwa ukoll utli għal pjanta tal-faqqus il-ħmir. Dan għaliex fih jeħel il-pollinu żgħir tal-pjanta u b'hekk malli in-nannakola timxi minn fjura għall-oħra tkun qed tgħin lil pjanti fil-poliniżżazjoni. Il-partijiet tal-ħalq ta' din l-ispeċi jissejħu mandiboli. Dawn huma addattati biex itaqqbu u jgħasru iċ-ċelloli tal-pjanta biex b'hekk in-nannakola tkun tista' tieħu in-nutrijenti meħtieġa mill-pjanta. Il-fjuri ta' Ecballium elaterium ukoll jagħmlu parti mid-dieta tan-nannakola.

Il-Bajd u il-Larva

immodifika

Il-bajd ta' din l-ispeċi huwa ferm żgħir u għandu lewn isfar. Dan jiġi iddepożitat fi gruppi taħt weraq tal-faqqus il-ħmir. Wara erbat ijiem ta' żvilupp il-bajd ifaqqas f'larva. Il-larva ta' Henosepilachna elaterii għandhu lewn isfar ċar u jiekol ukoll il-weraq tal-faqqus il-ħmir. L-esoskeletru tiegħu mhuwiex ċatt iżda għandu ħafna frugħa ħerġin minnu. Dawn il-frugħa jagħtuh dehra brillanti u jibqgħu hemm sa l-istadju tal-metamorfosi. Qabel ma tibda il-metamorfosi, il-larva jgħaddi minn erba' stadji ta' żvilupp fejn fihom iwaqqa l-esoskeletru l-antik u jibni ieħor ġdid. X'ħin il-larva ikun kbir biżżejjed jibni pupa madwaru bi proteini speċjali. Il-pupa jkollha qoxra ħoxna ta' lewn kannella illi tipproteġi il-larva waqt l-istadju tal-metamorfosi. Wara perjodu ta' 8-10 ijiem, in-nannakola adulta toħroġ mill-pupa u tkompli ħajjitha fuq il-pjanta tal-Faqqus il-ħmir.


Mġiba Naturali

immodifika

Din in-nannakola ma tidħolx fi stat ta rqad fix-xitwa. Dan għaliex il-pjanta tal-Faqqus il-ħmir tinsab tifjorixxi matul is-sena kollha u għalhekk l-ikel tan-nannakola qatt ma jkun skars.

Il-mekkaniżmi ta' difiża ta' din in-nannakola huma l-istess bħal dawk tan-nannakoli l-oħra tal-familja Coccinellidae:

  • L-użu tal-kulur oranġjo bħala avvertiment lil predaturi
  • In-nannakola tilgħaba ta' mejta malli tkun esposta għal attakk.
  • In-nannakola terħi id-demm mill-ġogi. Dan ikun fih sustanzi ripellanti li jkeċċu il-predaturi

In-nannakola tal-faqqus il-ħmir tkun abbundanti fejn hemm pjanti tal-Familja Cucurbitaceae. B'hekk pjanta waħda tista' tkun abitata minn 10 nannakoli jew aktar.

Effett Negattiv

immodifika

Peres li Henosepilachna elaterii hija erbivora, tista' tkun ta' ħsara lil prodotti agrikoli. Fost dawn il-prodotti, in-nannakola tattakka il-pjanti tal-ħjar, dulliegħ, bettiegħ u qargħa aħmar. Din in-nannakola tuża il-mandiboli tagħha biex tqatta' u tiekol weraq, fjuri u frott u għalhekk mhijiex favorita ma ħafna bdiewa. Barra minn hekk din in-nannakola tista tkun qed iġġorr magħha virus li bl-Ingliż jissejjaħ "Squash Mosaic Virus". Dan jista joqtol il-pjanti tal-ħaxix u jnaqqas il-kwantita ta' frott drastikament. Din il-marda tista' tiġi evitata billi l-bdiewa jbexxu bexx apposta.

Gallerija

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika