Coccinellidae

(Rindirizzat minn Nannakoli)

Il-familja Coccinellidae hija familja bijoloġika ta' insetti, magħrufa aħjar bħala dik tan-nannakoli. Fiha tiġbor 'il fuq minn 5,000 speċi ta' nannakoli minn madwar id-dinja kollha. F’Malta nsibu madwar tletin speċi.

Coccinellidae
Coccinella septempunctata
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Animalia
Phylum: Arthropoda
Klassi: Insecta
Ordni: Coleoptera
Superfamilja: Cucujoidea
Familja: Coccinellidae
Latreille, 1807
Sottofamilji

Il-membri ta' din il-familja huma kollha insetti żgħar, li għandhom daqs li jvarja bejn 1mm - 10mm (0.04 sa 0.4 pulzieri). Il-ġisem tagħhom għandu l-istess disinn bażiku. Dan jinvolvi 1) ras b'żewġ antenni żgħar 2) sider b'sitt saqajn u żewġ pari ġwienaħ 3) u qadd flessibli bl-anus u l-organi riproduttivi. Dan id-disinn huwa wieħed ferm addattat għall-istil ta' ħajja li jgħixu in-nannakoli.

Din il-familja hija ukoll mżewqa b'diversita' ta' kuluri. Dawn il-kuluri huma riżultat ta' sustanzi li jissejħu karotenojdi li jinsabu fil-ġwienaħ protettivi ta' kull nannakola. L-iktar lwien komuni huma l-isfar, l-oranġjo u l-aħmar però jeżistu ukoll nannakoli ta' lewn iswed, griż u kannella illi mad-daqqa t'għajn ma tantx jixbħu lin-nannakoli tradizzjonali. Fil-fatt mhijiex faċli għan-nies li mhumiex entomologi biex jgħarfu nannakoli ta' dawn l-ilwien.

Il-membri ta' din il-familja huma ġeneralment meqjusa bħala insetti utli għax ħafna minnhom jieklu insetti żgħar li jagħmlu ħsara lill-prodotti agrikoli u l-ġonna.


Bijoloġija

immodifika
 

In-nannakoli huma predaturi u id-dieta tagħhom tipikament tikkonsisti f'organiżmi mill-ordni tal- Hemiptera (per eż. il-mell u il-miskta). L-unika eċċezzjoni tinsab fis-sottofamilja Epilachninae. Din is-sottofamilja ta' nannakoli tikkonsisti f'insetti erbivori li jieklu ħaxix biss. Il-partijiet tal-ħalq ta' dawn l-insetti jissejħu mandiboli u huma adattati skond id-dieta tal-organiżmu. Dawk tal-predaturi huma adattati biex jaqtgħu u jigdmu filwaqt li dawk tal-erbivori huma addattati biex jogħmdu u jċarrtu il-ħxejjex.

Biex jiżguraw is-sopravivenza tagħhom, in-nannakoli ma jridux biss jaħsbu għall-ikel iżda ukoll għall-protezzjoni minn attakki ta' annimali oħra. Fil-fatt il-kuluri jgħajtu tal-Coccinellidae jservu biex jagħmlu dan. Huma jservu bħala sinjal ta' avvertiment lil predaturi. Dan għaliex bl-esperjenza l-predaturi jitgħallmu jassoċjaw ċerti kuluri ma togħma ħażina u b'hekk iħallu lin-nannakoli bi kwiethom. Dan il-fenomenu jissejjaħ aposematiżmu. It-togħma ħażina tan-nannakoli tiġi minn sustanzi li jissejħu alkalojdi. Dawn jkunu ta' lewn isfar, u in-nannakola terħijhom f'mumenti ta' periklu.

Il-maġġoranza tal-membri tal-familja Coccinellidae jfittxu il-kenn fix-xitwa. Dawn jinġabru taħt il-qxur tas-siġar u f'postijiet dojoq. Malli il-ġurnata tibda titwal, in-nannakoli jibdew joħorġu mill-kenn u jinfirxu. Ir-rebbiegħa huwa l-istaġun ta' kopulazzjoni tan-nannakoli.

L-ispeċi Harmonia axydris tbid gruppi ta bajd illi jfaqqsu f'temp ta' 3-4 ijiem. Il-larva li joħorġu mill-bajd, jgħaddu minn erba stadji ta żvilupp. B'kollox dawn jieħdu minn 10-14 il-ġurnata. X'ħin il-larva jkun kbir biżżejjed, jibda jibni pupa madwaru. Eventwalment in-nannakola adulta toħroġ mill-pupa, x'ħin l-iżvilupp ikun komplet.

Huwa maħsub li ċerti speċi ta' nannakoli jbidu bajd infertili żejjed ma gruppi ta' bajd fertili. Dawn jgħinu biex jipprovdu ikel għal-larvi meta jfaqqsu. Il-kwantita' ta' bajd infertili li jiġi iddepożitat jvarja skond ir-riżorsi ta' ikel li jkun hemm waqt illi il-bajd ikun qiegħed jiġi iddepożitat.

Abitat u Ambjent

immodifika

Bħall-ħafna insetti oħra, in-nannakoli ġeneralment jidħlu fi stat ta' rqad matul ix-xitwa. Dan l-istat jissejjaħ bipawża u jgħin biex in-nannakoli jirreżistu temperaturi kesħin. Xi speċi (e.ż. Hippodamia convergens) jinġabru fi gruppi u jemigraw f'art iktar għolja biex jidħlu fi stat ta bipawża. In-nannakoli predaturi, ġeneralment jinstabu fuq il-pjanti fejn il-mell jew il-miskta huma abbundanti. Dan għaliex huma jkunu jistgħu jbidu il-bajd ħdejn kolonji ta' dawn l-insetti u b'hekk jiżguraw illi il-larvi li jfaqqsu mill-bajd jsibu x'jieklu.

Għalkemm hawn Malta, in-nannakoli ma jagħmlu l-ebda ħsara, fl-Amerka ta' fuq, in-nannakola Harmonia axydris, li kienet introdotta biex tikkontrolla l-mell u l-miskta, saret tgħati fastidju lil abitanti tal-inħawi. Dan għaliex fix-xitwa qtajjet kbar ta' nannakoli jmorru jistkennu fil-propjeta tal-abitanti.

In-Nannakoli u l-Kultura

immodifika

In-nannakoli kienu u għadhom favoriti fost it-tfal. Ħafna stejjer, leġġendi u poeżiji ġew miktubin dwarhom madwar id-dinja kollha.

Leġġenda tradizzjonali Maltija hija dik Tal-Madonna u In-Nannakola. Skond il-leġġenda qadima, meta il-Madonna marret ħdejn binha Ġesù msallab, Hi kellha bukkett ward f'idha. Il-Madonna niggżet sebagħha u dehret qatra demm. Nannakola li kienet fil-qrib, fetħet ġwenħajha biex ma tħallix id-demm tal-Madonna jaqa' fl-art. Il-Madonna tant ħadet gost b'dan li b'radd ta' ħajr tat lin-nannakola libsa ġdida; aħmar fejn waqa' id-demm u seba' tikek suwed fejn waqgħu id-demgħat tagħha. Dawn is-seba tikek suwed jirrapreżentaw is-seba duluri tal-Madonna.

In-nannakoli f'Malta huma assoċċjati ħafna ma' l-iskola u l-edukazzjoni. Fil-fatt dan nistgħu narawh fir-rima popolari illi kienet tingħad mit-tfal ta' dari - Nannakola mur l-iskola, aqbad siġġu u ibda għola. Fil-Ħrejjef ta' Wied Peprina miktubin minn Trevor Żahra nsibu ukoll il-karattru bl-isem ta' Nanna Kolina. Din in-nannakola, allavolja żgħira turi, l-għerf tagħha bl-istejjer u il-mossi u dejjem tinstab liebsa in-nuċċali.

F'pajjiżi oħra in-nannakola tiġi assoċjata ma diversi suġġetti kif ukoll mar-reliġjon. Bl-Irlandiż, in-nannakola tissejjaħ bóín Dé jiġifieri "Il-baqra żgħira ta' Alla"; u terminu similari jintuża ukoll fil-Kroazia - Božja ovčica ("In-nagħġa żgħira ta' Alla"). Fi Franza hija magħrufa bħala bête à bon Dieu li tfisser "l-annimal ta' Alla",u fir-Russja tissejjaħ, Божья коровка ("Il-baqra żgħira ta' Alla"). Bl-Ebraik, tiġi msejħa "Il-baqra iż-żgħira ta' Moshe Rabbenu" u xi kultant ukoll " Messija żgħira". Dawn it-termini kollha juru id-devozzjoni ta' ċertu pajjiżi lejn ir-reliġjon.

Fil-Greċja in-nannakoli jissejħu πασχαλίτσα (paskalitsa). Dan għaliex fi żmien il-Għid jinsabu f'ammonti kbar fuq pjanta li tissejjah paskalja (Syringa vulgaris), li tiffjorixxi fl-istess żmien.

  • In-Nannakola hija simbolu tal-Fondazzjoni Olandiża kontra l-Vjolenza. Dan huwa il-logo ta' din il fondazzjoni.
  • Kumpaniji oħra jużaw in-nannakoli bħala logo tal-kumpanijja tagħhom. Dan nistgħu narawh fil-kumpanija tal-Ladybird books kif ukoll f' sensiela ta' ħwejjeġ tat-tfal maħruġa minn Woolworth's.
  • Il-grupp mużikali Ingliż XTC ukoll għandu diska jisimha "Ladybird" li hija diska ħelwa fuq dan l-insett. Din id-diska ġiet maħruġa fl-1983 f'album jismu Mummer.
  • In-nannakola hija simbolu tal-Partit Popolari Finlandiż/Svediż.
  • Fil-film popolari A Bug's Life, Francis in-nannakola, huwa nannakola raġel illi jiddejjaq ħafna meta in-nies iħawdu is-sess tiegħu.
  • Il- Pokèmon Ledyba u Ledian huma żewġ Pokèmon ibbażati fuq il-ġisem tan-nannakola. Id-diġimon Tentomon ukoll jixbaħ lin-nannakola
  • Ħafna stati fl-Istati Uniti għażlu in-nannakola bħala l-ispeċi statali. Fosthom hemm Delaware, Massachusettes, New Hampshire, New York, Ohio, Pennsylvania, u Tennessee.
  • Ladybugs huwa film tal-1992 li ħadem fih Rodney Dangerfield.
  • Nannakola tidher f'kull tpinġija tal-artist Michael Quinlyn-Nixon.

Gallerija

immodifika