Hannah Arendt ( /ˈ ɛər ə n t , ˈ ɑːr -/, [1] US wkoll / ə ˈ r ɛ n t /, ; [2] imwielda Johanna Arendt ; 14 ta’ Ottubru 1906 – 4 ta’ Diċembru 1975) kienet storjografa u filosfa Amerikana-Ġermaniż. Hi kienet waħda mill-ikta teoristi politiċi influwenti tas-seklu 20. [3] [4] [5]

Il-kitbiet tagħha jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti, imma hi magħrufa l-aktar għal dawk relatati mat-temi tal-poter u l-ħażen, u anke mal-politika, id-demokrazija diretta, l-awtorità, u t-totalitarjaniżmu. Hi magħrufa kemm għall-frażi “l-banalità tal-ħażen” kif ukoll minħabba l-kontroversja dwar l-akkużi ta’ Adolf Eichmann, wara li ppruvat tispjega kif persuni normali jsiru atturi ta’ sistemi totalitarji, li ġiet ikkunsidrata minn uħud bħala apoloġija. Arendt ġiet rikonoxxuta minn istituzzjonijiet u ġurnali li jippromwovu l-ideat tagħha. Insibu wkoll il-premju Hannah Arendt għall-ħsieb politiku, bolol bl-immaġni tagħha u toroq u skejjel imsemmijin għaliha.

Hannah Arendt twieldet f’familja Lhudija f’Linden (issa distrett ta’ Hannover, il-Ġermanja) fl-1906. Meta kellha tliet snin, il-familja tagħha marret toqgħod fil-Belt Kapitali Königsberg, tal-Prussja tal-Lvant minħabba saħħet missierha. F’żgħożitu Paul Arendt kien marad bis-sifilide, imma probabbilment kienet taffietlu meta twieldet Arendt. Huwa miet meta Arendt kellha seba’ snin. Arendt trabbiet ġo familja politikament progressiva u sekulari; ommha kienet Soċjalista Demokratika ferventi. Wara li spiċċat l-edukazzjoni sekondarja f’Berlin, Arendt studjat fl-Università ta’ Marburg taħt Martin Heidegger, li kellha relazzjoni miegħu għal erba’ snin.[6] Hi kisbet dottorat fil-filosofija fl-Università ta’ Heidelberg fl-1929, taħt is-superviżjoni tal-filosfu eżistenzjalista Karl Jaspers, bit-teżi intitolata, Love and Saint Augustine.

Arendt iżżewġet lil Günther Stern fl-1929, iżda ftit wara sabet ruħha qalb l-antisemitiżmu li kulma jmur beda jiżdied fil-Ġermanja Nazzista tat-tletinijiet (1930). Fl-1933, is-sena li fiha Adolf Hitler kiseb is-siġġu tal-poter, Arendt ġiet arrestata u ntbagħtet il-ħabs għal żmien qasir mill-Gestapo, wara li nqabdet tirriċerka dwar l-antisemitiżmu. Meta ħarġet mill-ħabs, ħarbet mill-Ġermanja, u għexet iċ-Ċekoslovakkja u l-Iżvizzera qabel ma ddeċidiet li tmur toqgħod Pariġi. Hemmhekk ħadmet għall-Youth Aliyah, u għenet Lhud żgħar jemigraw għall-Mandat Brittaniku tal-Palestina. Fl-1937, iċ-ċittadinanza Ġermaniża tagħha ġiet revokata. Wara li ddivorzjat lil Stern fl-istess sena, iżżewġet lil Heinrich Blücher. Meta fl-1940, il-Ġermanja invadiet lil Franza, hi nżammet mill-Franċiżi bħala barranija. Fl-1941, hi ħarbet u marret lejn l-Istati Uniti billi għaddiet mill-Portugall. Hi stabbiliet ruħha f’New York u baqgħet tgħix hemm għall-bqija ta’ ħajjitha. Kisbet iċ-ċittadinanza Amerikana fl-1950 wara li saret kittieba u editriċi, u ħadmet għall-Jewish Cultural Reconstruction. Bil-pubblikazzjoni ta’ The Origins of Totaliarianism stabbiliet ruħha bħala ħassieba, u mbagħad ħadmet fuq għadd ta’ xogħlijiet oħra. Dawn jinkludu l-kotba The Human Condition fl-1958, u anke Eichmann in Jerusalem li ħareġ fl-istess sena, u On Revolution fl-1963. Arendt għallmet f’bosta universitajiet Amerikani, waqt li rrifjutat pożizzjonijiet li kienu fuq bażi indefinita. Hi mietet b’attakk tal-qalb ħabta u sabta, fl-età ta 69 fl-1975, meta l-aħħar xogħol tagħha, The Life of the Mind kien għadu mhux mitmum.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Arendt". Collins English Dictionary. HarperCollins. Arkivjat mill-orġinal fl-30 June 2019. Miġbur 30 June 2019.
  2. ^ Duden 2015.
  3. ^ d'Entreves 2014.
  4. ^ : 278–282. Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna); |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  5. ^ "Remembering the Theorist of the Banality of Evil". Deutsche Welle. 14 October 2006. Arkivjat mill-orġinal fl-25 April 2023. Miġbur 3 June 2022.
  6. ^ Jones, Josh (10 May 2017). "The Love Letters of Hannah Arendt and Martin Heidegger". Open Culture. Arkivjat mill-orġinal fl-10 June 2023. Miġbur 2023-11-15.

 

immodifika