Grotti ta' Yungang
Il-Grotti ta' Yungang (biċ-Ċiniż: 云冈石窟; bil-Pinjin: Yúngāng shíkū), li qabel kienu magħrufa bħala l-Grotti ta' Wuzhoushan (biċ-Ċiniż: 武州山 / 武周山; bil-Pinjin: Wǔzhōushān), huma grotti b'tempji Buddisti Ċiniżi tal-qedem li nbnew matul żmien id-dinastija Wei tat-Tramuntana qrib il-belt ta' Datong, li dak iż-żmien kienet imsejħat Pingcheng, fil-provinċja ta' Shanxi, iċ-Ċina. Dawn huma eżempji eċċellenti ta' arkitettura mħaffra fil-blat u huma wieħed mill-iżjed tliet siti Buddisti tal-qedem bl-iskulturi fiċ-Ċina. It-tnejn l-oħra huma l-Grotti ta' Longmen u l-Għerien ta' Mogao.
Is-sit jinsab madwar 16-il kilometru fil-Punent tal-belt ta' Datong, fil-wied tax-xmara Shi Li fil-bażi tal-muntanji Wuzhou. Il-grotti huma eżempju straordinarju tat-tinqix Ċiniż fil-ġebel mis-sekli 5 u 6. B'kollox hemm 53 grotta ewlenija, flimkien ma' 51,000 niċċa bl-istess għadd ta' statwi tal-Buddha. Barra minn hekk, hemm madwar 1,100 grotta minuri. Fil-quċċata tal-irdum fejn hemm il-Grotti ta' Yungang għad hemm forti ta' żmien id-dinastija Ming.[1]
Il-grotti ġew skavati fil-wiċċ tan-Nofsinhar tal-irdum tal-ġebel ramli b'tul ta' madwar 2,600 pied u f'għoli ta' 30 sa 60 pied. Fl-2001, il-Grotti ta' Yungang tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-Grotti ta' Yungang jitqiesu mill-UNESCO bħala "kapolavur tal-arti tal-grotti Buddisti Ċiniżi bikrin... [u] ... jirrappreżentaw il-fużjoni ta' suċċess tal-arti simbolika reliġjuża Buddista mill-Asja ċentrali u min-Nofsinhar tal-Asja mat-tradizzjonijiet kulturali Ċiniżi, mis-seklu 5 W.K. taħt l-awspiċji imperjali".[2] Il-Grotti ta' Yungang huma kklassifikati bħala żona xenika AAAAA mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu taċ-Ċina.[3]
Storja
immodifikaWara d-deklin tad-dinastija Jin tal-Punent, il-partijiet tat-Tramuntana taċ-Ċina spiċċaw taħt il-kontroll tad-dinastija Wei tat-Tramuntana. Dawn tal-aħħar stabbilew il-belt ta' Pingcheng (biċ-Ċiniż: 平城), issa magħrufa bħala Datong (biċ-Ċiniż: 大同), u għamluha l-belt kapitali tagħhom. Minħabba f'hekk, f'Pingcheng kien hemm żieda fix-xogħol tal-kostruzzjoni. Id-dinastija Wei tat-Tramuntana mill-bidu adottat il-Buddiżmu bħala r-reliġjon tal-istat. Il-Buddiżmu wasal f'din il-lokalità permezz tat-Toroq tal-Ħarir tat-Tramuntana tal-qedem, b'tul totali ta' madwar 2,600 kilometru, li kienu jikkollegaw il-belt kapitali Ċiniża tal-qedem ta' Xi'an fil-Punent fuq il-Mogħdija Muntanjuża ta' Wushao Ling ma' Wuwei u Kashgar, kif ukoll maż-Żona Partika tal-qedem.
Ix-xogħol fuq dan l-ewwel perjodu ta' tinqix dam għaddej sal-465 W.K., u dawn l-għerien issa huma magħrufa bħala l-għerien nru 16–20. Mill-bidu tal-471 W.K., fit-tieni fażi ta' kostruzzjoni li damet sal-494 W.K., l-għerien doppji nri 5/6, 7/8 u 9/10, kif ukoll l-għerien nri 11, 12 u x'aktarx 13 inbnew taħt is-superviżjoni u l-appoġġ tal-qorti imperjali. Il-patroċinju imperjali ntemm fl-494 W.K. bit-trasferiment tal-qorti tad-dinastija Wei lejn il-belt kapitali ġdida ta' Luoyang. L-għerien l-oħra kollha ġew stabbiliti taħt il-patroċinju privat fit-tielet fażi tal-kostruzzjoni li damet sal-525, meta mbagħad il-kostruzzjoni waqfet ħesrem minħabba r-rewwixti fl-inħawi.
Deterjorament u Konservazzjoni
immodifikaMinn tmiem ix-xogħlijiet, il-ġebel ramli tal-grotti ġie espost ferm għall-elementi u għall-erożjoni. Ħafna mill-grotti huma esposti għall-elementi fil-beraħ, u b'hekk huma vulnerabbli għal diversi forom ta' tniġġis u ta' deterjorament. It-trab ittrasportat bir-riħ u t-tniġġis tal-arja mill-belt industrijali ta' Datong, kif ukoll it-trab mill-minjieri u mill-awtostradi qrib is-sit huma ta' theddida għall-preservazzjoni tal-istatwi tal-qedem.[4]
Is-sit jinsab pjuttost qrib ukoll tad-Deżert tal-Gobi, u l-maltempati tar-ramel tad-deżert jisgħu jikkontribwixxu għad-deterjorament tal-istatwi. Għaldaqstant, fis-sekli ta' wara saru diversi tentattivi ta' preservazzjoni tal-grotti u ta' tiswijiet biex jagħmlu tajjeb għall-ħsarat imġarrba. Matul żmien id-dinastija Liao, sar xi tiġdid tal-istatwi fil-grotti, u mill-1049 sal-1060, inbnew l-"10 tempji ta' Yungang", li kienu maħsuba biex jipproteġu l-għerien prinċipali. Madankollu, dawn reġgħu nqerdu xi 60 sena wara minħabba nirien. Il-binjiet tal-injam eżistenti quddiem l-għerien nri 5 u 6 inbnew fl-1621, matul żmien il-bidu tad-dinastija Qing. Mis-snin 50 tas-seklu 20, ix-xquq u l-konsenturi fil-ġebel ramli ġew issiġillati, u l-forestazzjoni ġiet implimentata fi sforz biex titnaqqas l-erożjoni minħabba l-maltempati tar-ramel. Matul ir-Rivoluzzjoni Kulturali, il-Gwardjani Ħomor ikkawżaw ħafna ħsara lit-tinqix u lill-iskulturi, u l-marki tal-balal għadhom viżibbli fil-post. Matul April u Mejju 1991, il-persunal ta' Caltech wettqu esperimenti tal-kejl tas-sustanzi niġġiesa fil-Grotti ta' Yungang. Instab li kważi s-sustanzi niġġiesa kollha fl-ajru kienu trab minerali jew partiċelli tal-karbonju, u b'hekk setgħet tingħata attenzjoni lis-sorsi ta' dawn is-sustanzi niġġiesa.[4]
Għar Nru 6
immodifikaL-Għar Nru 6 huwa wieħed mill-iżjed rikki fost il-Grotti ta' Yungang. Inbena bejn l-465 u l-494 W.K. mill-Imperatur Xiao Wen. L-erja tal-grotti hija ta' madwar 1,000 metru kwadru. Minn ġewwa l-grotti huma mnaqqxa u mpittra. Hemm pilastru ta' stupa fiċ-ċentru tal-għar li huwa estiż mill-art sas-saqaf tiegħu. Il-ħitan huma maqsuma f'żewġ sulari. Il-ħitan tas-sulari ta' fuq jospitaw it-tinqix jew l-iskulturi ta' għadd ta' Buddha bilwieqfa, ta' Bodhisattvas, u ta' patrijiet fost figuri ċelestjali oħra. It-tinqix u l-iskulturi kollha tal-għar kienu mpittra, iżda minħabba li l-għar ġie mpitter mill-ġdid saħansitra għal xi tnax-il darba, diffiċli li wieħed jiddetermina kif kienet l-iskema oriġinali.[1]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b Agnew, Neville (1997-06-19). Conservation of Ancient Sites on the Silk Road: Proceedings of an International Conference on the Conservation of Grotto Sites. Getty Publications. ISBN 9780892364169.
- ^ "Yungang Grottoes". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-30.
- ^ "AAAAA Scenic Areas_National Tourism Administration of The People's Republic of China". web.archive.org. 2014-04-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-04-04. Miġbur 2024-08-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b Salmon, Lynn G.; Christoforou, Christos S.; Cass, Glen R. (1994). "Airborne Pollutants in the Buddhist Cave Temples at the Yungang Grottoes, China". Environmental Science & Technology. 28 (5): 805–811.