Glossarju

lista alfabetika ta' termini rilevanti għal qasam partikolari ta' studju

Glossarju (mill-Grieg Antik: γλῶσσα / lingwa, taħdit, kliem) magħruf ukoll bħala vokabularju, huwa lista alfabetika ta' termini f'dominju partikolari ta' għarfien bid-definizzjonijiet ta' dawk it-termini. Tradizzjonalment, glossarju jidher fl-aħħar parti ta' ktieb u jinkludi termini fi ħdan dak il-ktieb li ġew introdotti għall-ewwel darba, li mhumiex komuni, jew li huma speċjalizzati. Filwaqt li l-glossarji jiġu assoċjati l-iktar ma' kotba li mhumiex fizzjoni, f'xi każijiet, rumanzi li jkunu fizzjoni jista' jkollhom glossarju fl-aħħar bit-termini mhux tas-soltu.

Glossarju ta' terminoloġija legali Iżlamika tas-seklu 14

Glossarju bilingwi huwa lista ta' termini b'lingwa waħda li jiġu definiti b'lingwa oħra jew li jingħataw sinonimi (jew minn tal-inqas kważi sinonimi) b'lingwa oħra.

B'mod ġenerali, glossarju jkun fih spjegazzjonijiet ta' kunċetti rilevanti għal ċertu qasam ta' studju jew azzjoni. B'hekk, it-terminu jkun marbut man-nozzjoni tal-ontoloġija.[1] Dan l-aħħar qed jiġu pprovduti wkoll metodi awtomatiċi li jittrasformaw glossarju f'ontoloġija jew f'lessiku komputazzjonali.[2]

 
Dan il-glossarju tal-liġi dwar l-intelligence jipprovdi deskrizzjoni tat-termini ewlenin f'dan il-qasam speċifiku tas-servizzi sigrieti.

Fl-Ewropa Medjevali, kienu jintużaw il-glossarji b'kelmiet ekwivalenti għal-Latin, iżda bil-Latin vernakolari jew iktar sempliċi, bħal pereżempju l-glossarju ta' Leiden (lejn is-sena 800).

Glossarju ewlieni

immodifika

Glossarju ewlieni huwa glossarju sempliċi jew bid-definizzjonijiet li jagħti d-definizzjonijiet ta' għadd ta' kunċetti, speċjalment għal min ikun għadu qed jitgħallem xi lingwa jew ikun qed joqrob għall-ewwel darba lejn xi qasam ta' studju. Glossarju ewlieni jkun fih vokabularju u definizzjonijiet ta' kunċetti importanti jew li wieħed spiss jiltaqa' magħhom, u s-soltu jkun jinkludi xi idjomi jew metafori li jkunu utli f'kultura partikolari.

Estrazzjoni awtomatika tal-glossarji

immodifika

F'dawn l-aħħar snin ġew żviluppati approċċi komputazzjonali għall-estrazzjoni awtomatizzata tal-glossarji minn corpora[3] jew mill-internet.[4][5] Dawn il-metodi s-soltu jibdew mit-terminoloġija tad-dominju inkwistjoni u jwettqu estrazzjoni awtomatizzata ta' glossa waħda jew iktar għal kull terminu ta' interess. Il-glossi jistgħu mbagħad jiġu analizzati biex jiġu estratti l-iperonomi tat-terminu definit u rabtiet lessikali jew semantiċi oħra.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Navigli, Roberto; Velardi, Paola (2008). "From Glossaries to Ontologies: Extracting Semantic Structure from Textual Definitions, Ontology Learning and Population" (PDF). Ontology Learning and Population: Bridging the Gap between Text and Knowledge (bl-Ingliż): 71–87. ISBN 978-1-58603-818-2. Miġbur 2021-03-02.
  2. ^ Navigli, Roberto (2009). "Using Cycles and Quasi-Cycles to Disambiguate Dictionary Glosses" (PDF). EACL (bl-Ingliż): 594–602. Miġbur 2021-03-02.
  3. ^ Klavans, J.; Muresan, S. (2001). "Evaluation of the DEFINDER system for fully automatic glossary construction". Proc. of American Medical Informatics Association Symp. (bl-Ingliż): 324–328.
  4. ^ Fujii, A.; Ishikawa, T. (2000). "Utilizing the World Wide Web as an Encyclopedia: Extracting Term Descriptions from Semi-Structured Texts". Proc. 38th Ann. Meeting Assoc. for Computational Linguistics (bl-Ingliż): 488–495. Miġbur 2021-03-02.
  5. ^ Velardi, P.; Navigli, R.; D'Amadio, P. "Mining the Web to Create Specialized Glossaries". IEEE Intelligent Systems (bl-Ingliż). 23 (5): 18–25. doi:10.1109/MIS.2008.88. Miġbur 2021-03-02.