Ġnien Storiku tas-Sur tal-Imsida

Ċimiterju storiku f'Malta
(Rindirizzat minn Garden of Rest)

Il-Ġnien Storiku tas-Sur tal-Imsida, magħruf ukoll bħala ċ-Ċimiterju tas-Sur tal-Imsida jew Ġnien il-Mistrieħ tal-Imsida (bl-Ingliż: Garden of Rest) jinstab fejn kien hemm ċimiterju Protestant fil-Furjana, Malta, bejn l-1806 u l-1856. Il-post ġie restawrat u reġa’ nfetaħ bħala ġnien fl-2002. Huwa mniżżel fl-Inventarju Nazzjonali tal-Proprjetà Kulturali fil-Gżejjer Maltin taħt in-numru 52, bħala Monument ta’ Grad 1.

 
Iż-żona ta' Taht il-Forka[1] madwar l-1870; is-sur tal-Imsida jidher fuq ix-xellug
 
Mappa tal-1930 mill-Kaptan Charles Zammit

Iċ-Ċimiterju jinsab fi ħdan dak li kien magħruf bħala s-Sur ta’ San Filippu, fortifikazzjoni esterna li tlestiet fl-1653. Taħt il-ħakma ta' l- Ordni ta' Malta, il-forka kienet tinsab ftit 'l fuq minn dan is-sit.[2]

Fl-1806, ftit wara li l-arċipelagu Malti waqa' taħt il-kontroll tal-Imperu Brittaniku fil-bidu tas-seklu 19, infetaħ ċimiterju mhux Kattoliku għall-baħrin Ingliżi. Iktar tard, suldati Anglikani u Protestanti, uffiċjali amministrattivi, negozjanti u l-membri tal-familja tagħhom, kif ukoll barranin oħra u xi Maltin, indifnu hemm ukoll.[2]

Iċ-ċimiterju ma kompliex jintuża għall-ħabta tal-1857 wara li nftetaħ iċ-Ċimiterju Ta' Braxia bejn Gwardamanġa u l-Pietà.[3] Fit-tieni nofs tas-seklu 19, l-oqbra ġew vandalizzati u ż-żona kienet abbandunata f’qagħda ħażina. Fl-1930, il-Kaptan Charles Zammit irrapporta li ħafna mill-iskrizzjonijiet ma setgħux jinqraw. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, iċ-ċimiterju abbandunat sofra diversi daqqiet ta’ bombi li għamlu ħsarat lil diversi oqbra u parti mill-ħitan tas-sur.[2]

Fl-1988 il-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dak iż-żmien Ugo Mifsud Bonnici wiegħed li s-sit se jiġi restawrat u jsir disponibbli bħala ġnien pubbliku. Madwaru nbena ħajt għoli u xatba biex jipprevjenu l-vandaliżmu. Ix-xogħol ta’ restawr, li sar minn voluntiera taħt ir-responsabbiltà ta' Din l-Art Ħelwa (għall-ewwel taħt it-tmexxija ta' R.G. Kirkpatrick u mbagħad ta' Andy Welsh) dam għaddej sal-2002, meta ngħata l-midalja tal-fidda tal-Europa Nostra.[2] Fl-2004 ġie miżjud Mużew tal-Prattiċi tad-Dfin Maltin żgħir fil-bini li qabel kien l-iStalla tal-Uffiċjali.

Fl-2014 in-National Geographic Society iddikjarat iċ-Ċimiterju tas-Sur tal-Imsida bħala wieħed mill-isbaħ ċimiterji fl-Ewropa: “Il-bankijiet mifruxa joffru l-opportunità għal riflessjoni u post trankwill biex wieħed jieħu l-veduta ta’ dgħajjes tal-qlugħ ankrati fil-marina ta’ taħt, meded verdanti ta’ ħaxix bit-tikek bis-siġar taż-żebbuġ, palmi, oleandri u arżnu qadim. Attrazzjonijiet botaniċi oħra jinkludu blanzuni tal-fjuri ikkuluriti - xi wħud issibhom matul is-sena kollha - bħal hibiscus, oleander u petunji blu Messikani."[4]

Pjanti u monumenti funerarji

immodifika
 
 

Minħabba l-ħamrija fertili u l-fatt li huwa post relattivament imwarrab, il-Ġnien tal-Mistrieħ żviluppa f’kenn għall-pjanti u l-annimali. Uħud mis-siġar għandhom aktar minn 150 sena.[3]

Minn tal-inqas 528 persuna ġew midfuna f'dan iċ-ċimiterju, skont id-dokumenti. Iċ-ċimiterju kien mimli meta ngħalaq fl-1856. L-oqbra l-aktar elaborati jirriflettu l-perjodu Neoklassiku f’Malta, b’użu abbundanti ta’ forom meħuda minn stili Griegi u Rumani (obelisks, piramidi, sarkofagi) u ftit użu ta’ slaleb jew simboli Kristjani oħra.

L-aktar Malti importanti midfun hawn huwa Mikiel Anton Vassalli (1764–1829), il-fundatur tal-lingwistika Maltija. Minħabba li kien qaleb it-Testment il-Ġdid għall-ilsien Malti kontra r-rieda tal-ġerarkija Kattolika Rumana, il-Knisja Kattolika ċaħditlu difna Kattolika u ġie midfun fiċ-Ċimiterju tas-Sur tal-Imsida. Martu kienet indnef hawn ukoll fl-1851.[2]

L-aktar persuna importanti min-Navy Brittanika midfuna hawn hija l-viċi-ammirall Henry Hotham, dak iż-żmien Kap Kmandant tal-Flotta tal-Mediterran, li miet f’Malta f’daqqa fl-età ta’ 56 sena fl-1833 wara li serva fil-Gwerer Rivoluzzjonarji Franċiżi Napoljoniċi, u l-Gwerra tal-1812.[5] Sepulturi Brittaniċi oħra jinkludu lil Sir Henry Pottinger, l-ewwel Gvernatur ta’ Hong Kong,[6] u Charles Harper, maġistrat u editur tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta.[7]

Monument funerarju elaborat (kopja eżatta tal-qabar Ruman ta' Scipio Barbatus ) huwa dak lid-diplomatiku u awtur Brittaniku John Hookham Frere, u martu Lady Elizabeth Eroll. Oħt Frere Susanna wkoll għandha qabar ta’ tifkira separat għaliha.[8] Hemm ukoll monument lil Charlotte Hope, bint l-imħallef Skoċċiż Lord Hope.[9] Monument ieħor elaborat huwa dak lil Hannah Baker, armla ta’ William Baker ta’ HM Ordnance Dept, li mietet ta’ 52 sena fl-1834; il-monument, b'figura qed tistrieħ mgħottija b'liżar, jippreżenta reliev bl-alla Grieg Morpheus, clessidra bil-ġwienaħ u ouroboros, u allegoriji ta' ħajjitha, u huwa mdawwar b'ċint tal-ħadid fondut bi kranju u feniċi.

L-unika sepultura Ortodossa hija dik ta’ Egor Antonovich Schlippenbach, Ġermaniż Baltiku minn Livonia, li miet fl-20 ta’ Marzu 1830 fuq il-kmand tal-frejgata Alexandra tan-Navy Tzarista Russa. Tiegħu huwa l-eqdem qabar Ortodoss f’Malta.[10]

Hemm mafkar iddedikat lill-erba' baħrin maqtula abbord l-HMS Castor fil-qbid ta' St. Jean D'Acre fit-3 ta' Novembru 1840, matul it-tieni Gwerra Eġizzjana-Ottomana.[11]

Mafkar ieħor huwa għall-61 persuna li mietu, l-aktar bil-kolera, abbord l-HMQ Queen bejn l-1849 u l-1850. Fosthom kien hemm ukoll Raphaele Fasanelli ta’ Napli, wieħed mill-ewwel Taljani li serva bħala bandist fuq bastiment tar-Royal Navy.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Il forka fil-Floriana
  2. ^ a b ċ d e "Historic Garden, Floriana | Din l-Art Ħelwa - National Trust of Malta" (bl-Ingliż). 2011-10-06. Miġbur 2022-01-06.
  3. ^ a b "Msida Bastion Cemetry" (PDF). National Inventory of the Cultural Property of the Maltese Islands. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-12-22. Miġbur 2022-01-06.
  4. ^ "National Geographic names Msida Bastion Cemetery one of 'Europe's five loveliest cemeteries' - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2022-01-06.
  5. ^ Henry Hotham, findagrave
  6. ^ Henry Pottinger, findagrave
  7. ^ Charles Harper, findagrave
  8. ^ Susanna Frere, findagrave
  9. ^ Charlotte Hope, findagrave
  10. ^ Egor Antonovich Schlippenbach, findagrave
  11. ^ HMS Castor memorial, findagrave