Daniel Gabriel Fahrenheit

fiżiku u inġinier Ġermaniż-Pollakk
(Rindirizzat minn Gabriel Fahrenheit)

Daniel Gabriel Fahrenheit (/ˈfærənhaɪt/; pronunzja bil-Ġermaniż: [ˈfaːʁənhaɪt]; twieled fl-24 ta' Mejju 1686 – miet fis-16 ta' Settembru 1736)[1] kien fiżiku, inventur u produttur ta' strumenti xjentifiċi. Fahrenheit twieled f'Danzig (Gdańsk), li dak iż-żmien kienet belt fejn kien jiġi mitkellem b'mod predominanti l-Ġermaniż fid-Distrett ta' Pomerania tal-Commonwealth tal-Polonja u l-Litwanja. Iktar 'il quddiem huwa mar jgħix fir-Repubblika Olandiża meta kellu 15-il sena, u hemmhekk qatta' l-bqija ta' ħajtu (1701-1736) u kien wieħed min-nies notevoli fl-Era tad-Deheb tax-xjenza u t-teknoloġija Olandiża.

Daniel Gabriel Fahrenheit
Ħajja
Twelid Gdańsk, 24 Mejju 1686
Nazzjonalità Commonwealth tal-Polonja u tal-Litwanja
Mewt L-Aja, 16 Settembru 1736
Post tad-dfin Kloosterkerk (en) Translate
Familja
Konjuga/i Not married
Edukazzjoni
Lingwi Ġermaniż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni fiżiku
inventur
produttur tal-istrumenti
kimiku
Post tax-xogħol L-Aja
Amsterdam
Danimarka
Amsterdam
Xogħlijiet importanti grad Fahrenheit
Premjijiet
Sħubija Soċjetà Rjali

Huwa kien pijunier tat-termometrija eżatta[2] u għen biex iwitti t-triq għall-era tat-termometrija tal-preċiżjoni billi vvinta t-termometru tal-merkurju fil-ħġieġ (l-ewwel termometru preċiż, prattiku u li kien jintuża b'mod mifrux) u l-iskala ta' Fahrenheit (l-ewwel skala standardizzata tat-temperatura li kienet tintuża b'mod mifrux).[3] Fi kliem ieħor, l-invenzjonijiet ta' Fahrenheit li saru fl-ewwel rivoluzzjoni fl-istorja tat-termometrija (fergħa tal-fiżika li għandha x'taqsam ma' metodi ta' kejl tat-temperatura). Mill-bidu tas-snin 10 tas-seklu 18 sal-bidu tal-era elettronika, it-termometri tal-merkurju fil-ħġieġ kienu fost l-iżjed termometri affidabbli u preċiżi li qatt ġew ivvintati.[4]

Bijografija

immodifika
 
Termometru tal-merkurju fil-ħġieġ

Fahrenheit twieled f'Danzig (Gdańsk), li dak iż-żmien kienet fil-Commonwealth tal-Polonja u l-Litwanja, iżda għex il-biċċa l-kbira ta' ħajtu fir-Repubblika Olandiża. Il-familja Fahrenheit kienu familja Anseatika Ġermaniża ta' merkanti li kienu għex f'diversi bliet Anseatiċi. Il-bużnannu ta' Fahrenheit kien għex f'Rostock, u r-riċerka tissuġġerixxi li l-familja Fahrenheit oriġinat minn Hildesheim.[5] In-nannu ta' Daniel ittrasferixxa ruħu minn Kneiphof f'Königsberg (illum Kaliningrad) għal Danzig u għex hemm bħala merkant fl-1650. Ibnu, Daniel Fahrenheit (missier Daniel Gabriel), iżżewweġ lil Concordia Schumann, bint familja magħrufa ħafna ta' negozjanti. Daniel kien l-ikbar minn ħamest itfal tal-familja Fahrenheit (żewġ subien u tlett ibniet) li baqgħu ħajjin wara t-tfulija. Oħtu Virginia Elisabeth Fahrenheit iżżewġet lil Benjamin Krüger u kienet omm Benjamin Ephraim Krüger, raġel tal-kleru u drammaturgu.[6]

 
Id-dar fi Gdańsk fejn twieled Fahrenheit

Daniel Gabriel beda jitħarreġ bħala merkant f'Amsterdam wara li l-ġenituri tiegħu mietu fl-14 ta' Awwissu 1701 minħabba li kielu faqqiegħ velenuż. Madankollu, l-interess ta' Fahrenheit fix-xjenza naturali waslitu biex jibda l-istudji u l-esperimentazzjoni f'dak il-qasam. Mill-1717, huwa vvjaġġa lejn Berlin, Halle, Leipzig, Dresden, Copenhagen, kif ukoll belt twelidu, fejn kien għadu jgħix ħuh. Matul dak iż-żmien, Fahrenheit iltaqa' jew kien f'kuntatt ma' Ole Rømer, Christian Wolff, u Gottfried Leibniz. Fl-1717, Fahrenheit stabbilixxa ruħu f'Den Haag bħala wieħed li jonfoħ il-ħġieġ, u pproduċa barometri, altimetri, u termometri. Mill-1718 'il quddiem, huwa għallem il-kimika f'Amsterdam. Huwa żar l-Ingilterra fl-1724 u fl-istess sena ġie elett bħala Sieħeb tas-Soċjetà Rjali.[7] Minn Awwissu 1736, Fahrenheit għex fid-dar ta' Johannes Frisleven fil-Pjazza Plein f'Den Haag, b'rabta ma' applikazzjoni għal privattiva fl-Istati tal-Olanda u Friesland tal-Punent. Fil-bidu ta' Settembru, huwa marad u fis-7 ta' Settembru saħħtu tant kienet marret għall-agħar li sejjaħ lin-nutar Willem Ruijsbroek biex jiġi sabiex ifassal it-testment tiegħu. Fil-11 ta' Settembru n-nutar reġa' ġie biex isiru xi bidliet fit-testment. Ħamest ijiem wara, Fahrenheit miet fl-età ta' 50 sena. Erbat ijiem wara huwa ngħata funeral tar-raba' klassi bħala wieħed ikklassifikat bħala fqir, fil-Kloosterkerk f'Den Haag.[8][9]

Skala ta' Fahrenheit

immodifika
 
Skali ta' Fahrenheit u ta' Celsius

Skont l-artiklu ta' Fahrenheit tal-1724[10][11], huwa ddetermina l-iskala tiegħu b'referenza għal tliet punti fissi tat-temperatura. L-iktar temperatura baxxa nkisbet permezz tat-tħejjija ta' taħlita frigorifika ta' silġ, ilma u melħ ("klorur tal-ammonju jew saħansitra melħ tal-baħar"), u billi stenna lis-sistema ewtektika tilħaq temperatura ta' ekwilibriju. It-termometru mbagħad tqiegħed fit-taħlita u l-likwidu fit-termometru tħalla jinżel sal-iktar punt baxx tiegħu. Il-qari tat-termometru kien meqjus bħala 0 °F. It-tieni punt ta' referenza ntgħażel bħala l-qari tat-termometru meta tqiegħed fl-ilma fil-mument meta s-silġ beda jifforma fil-wiċċ.[12] Dan il-punt ġie meqjus bħala 30 °F. It-tielet punt ta' referenza, meqjus bħala 90 °F, intgħażel bħala l-qari tat-termometru meta l-istrument tqiegħed taħt abt persuna jew f'ħalqha.[13]

 
Lapida ta' mafkar fil-post fejn indifen Fahrenheit f'Den Haag

Fahrenheit ħareġ bl-idea li l-merkurju jagħli f'madwar 300 grad fuq din l-iskala tat-temperatura. Mix-xogħol ta' ħaddieħor ħareġ li l-ilma jagħli f'madwar 180 grad 'il fuq mill-punt tal-iffriżar tiegħu. Iktar 'il quddiem l-iskala ta' Fahrenheit ġiet definita mill-ġdid sabiex l-intervall bejn il-punt tal-iffriżar u dak tat-tgħollija jkunu eżatt f'180 grad, valur konvenjenti peress li 180 huwa numru kompożitu ħafna[10], jiġifieri jista' jiġi diviż biż-żewġ f'bosta frazzjonijiet. Huwa bis-saħħa tad-definizzjoni mill-ġdid tal-iskala li llum il-ġurnata t-temperatura medja normali tal-ġisem skont l-iskala Fahrenheit titqies li hija 98.2 grad[14], mentri fl-iskala oriġinali ta' Fahrenheit kienet 96 grad.[15]

L-iskala ta' Fahrenheit kienet l-istandard primarju tat-temperatura għal skopijiet klimatiċi, industrijali u mediċi fil-pajjiżi fejn kien mitkellem l-Ingliż sas-snin 70 tas-seklu 20, iżda llum il-ġurnata ġiet sostwita bl-iskala ta' Celsius bħall-bqija tad-dinja, għajr fl-Istati Uniti, fejn it-temperatura u r-rapporti tat-temp għadhom jiġu mħabbra skont l-iskala ta' Fahrenheit.[16]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Fahrenheit, Gabriel Daniel. 10. Miġbur 2021-09-16.
  2. ^ Grigull, Ulrich (1966). Fahrenheit, a Pioneer of Exact Thermometry. (The Proceedings of the 8th International Heat Transfer Conference, San Francisco, 1966, Vol. 1, pp. 9–18.)
  3. ^ "Daniel Gabriel Fahrenheit | Polish-born Dutch physicist". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-16.
  4. ^ "The Anatomy of a Liquid-in-Glass Thermometer". aashtoresource.org. Miġbur 2021-09-16.
  5. ^ Kant, Horst (1984). Gabriel Daniel Fahrenheit, René-Antoine Ferchault de Réaumur, Anders Celsius (bil-Ġermaniż). B.G. Teubner. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  6. ^ "Eine Ahnung aus Danzig". www.g-gruppen.net. Miġbur 2021-09-17.
  7. ^ "DServe Archive Persons Show". web.archive.org. 2011-11-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-11-27. Miġbur 2021-09-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ Star, Pieter van der: Daniel Gabriel Fahrenheit's Letters to Leibniz and Boerhaave. Rodopi Publishers, Amsterdam 1983. ISBN 9062920675.
  9. ^ Zuiden, D.S. van: Het Testament en de Inboedel van Daniel Gabriel Fahrenheit, in: “Oud-Holland”, pp. 123-130, Binger Publishers, Amsterdam 1913.
  10. ^ a b "Fahrenheit temperature scale". www.sizes.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-09-17. Miġbur 2021-09-17.
  11. ^ Fahrenheit, D. G. (1724). "Experimenta et Observationes de Congelatione aquae in vacuo factae". Philosophical Transactions of the Royal Society. 33 (381–391): 78–84.
  12. ^ "Why does the Fahrenheit scale use 32 degrees as a freezing point?". www.physlink.com. Miġbur 2021-09-17.
  13. ^ Burdge, Julia (2014). Chemistry : Atoms First. New York: McGraw-Hill US Higher Ed USE Legacy.
  14. ^ MacKowiak, Philip A. (1992). "A Critical Appraisal of 98.6°F, the Upper Limit of the Normal Body Temperature, and Other Legacies of Carl Reinhold August Wunderlich". JAMA: The Journal of the American Medical Association. 268 (12): 1578–80.
  15. ^ Elert, Glenn; Forsberg, C; Wahren, LK (2002). "Temperature of a Healthy Human (Body Temperature)". Scandinavian Journal of Caring Sciences. 16 (2): 122–8.
  16. ^ March 2021, Sarah Wild 22 (2021-03-22). "What is temperature? Facts about Fahrenheit, Celsius and Kelvin scales". livescience.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-17.