Gżejjer Sub-Antartiċi ta' New Zealand
Il-Gżejjer Sub-Antartiċi ta' New Zealand huma magħmulin mill-iżjed ħames gruppi ta' gżejjer fin-Nofsinhar fost il-gżejjer periferiċi ta' New Zealand, b'erja totali ta' 764.8 kilometru kwadru.[1] B'mod kollettiv tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[2]
Il-biċċa l-kbira tal-gżejjer jinsabu qrib it-tarf tax-Xlokk tal-maġġoranza tal-kontinent taħt l-ilma ċċentrat fuq New Zealand u msejjaħ Zealandja, li ssepara mill-Awstralja xi 60–85 miljun sena ilu, u mill-Antartika xi 85–130 miljun sena ilu. Dawn il-gżejjer għandhom karatteristiċi simili għal dawk tal-Gżira ta' Macquarie fl-Awstralja li tinsab lejn il-Punent.
Sal-1995 kien hemm persunal tar-riċerka xjentifika stazzjonat b'mod permanenti f'stazzjon meteoroloġiku fil-Gżira ta' Campbell. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-gżejjer huma diżabitati, għalkemm perjodikament iżuruhom xi riċerkaturi u turisti. Fl-2014 issaħħet il-protezzjoni tar-riżervi, li saru l-ikbar santwarju naturali fin-nazzjon.[3]
Gżejjer
immodifika- Gżejjer tal-Antipodi:
- il-Gżira tal-Antipodi, il-Gżira ta' Bollons, il-Gżejjer Favur l-Irjieħ (bl-Ingliż: Windward Islands), il-Gżira ta' Orde Lees, il-Gżira Għall-Kenn mill-Irjieħ (bl-Ingliż: Leeward Island), il-Gżejra tan-Nofsinhar.
- Gżejjer ta' Auckland:
- il-Gżira ta' Auckland, il-Gżira ta' Adams, il-Gżira tad-Diżappunt, il-Gżira ta' Enderby, il-Gżira ta' Ewing, il-Gżira ta' Rose.
- Gżejjer Bounty:
- il-gżejriet tal-Grupp Prinċipali, tal-Grupp Ċentrali u tal-Grupp tal-Lvant.
- Gżejjer ta' Campbell:
- il-Gżira ta' Campbell / Motu Ihupuku, il-Gżira ta' Dent, il-Gżira ta' Folly, il-Gżira ta' Jacquemart.
- Gżejjer ta' Snares / Tini Heke:
- is-Sikka Vertikali tal-Allert, il-Gżira ta' Broughton, il-Gżira Għolja, il-Gżira tal-Grigal, il-gżejriet tal-Grupp tal-Punent.
Jeddijiet territorjali
immodifikaNew Zealand għandha jeddijiet territorjali skont is-Sistema tat-Trattat Antartiku fir-rigward ta' diversi gżejjer qrib l-art kontinentali tal-Antartika, fosthom:
- il-Gżira ta' Ross u l-kumplament tal-Arċipelagu ta' Ross;
- il-Gżejjer ta' Balleny: il-Gżira ta' Young, il-Gżira ta' Buckle, il-Gżira ta' Sturge, kif ukoll diversi gżejriet oħra;
- il-Gżira ta' Roosevelt;
- il-Gżira ta' Scott u l-Pilastru ta' Haggits.
Fost dawn ta' hawn fuq, il-Gżira ta' Ross hija abitata mill-persunal tar-riċerka xjentifika ta' diversi stazzjonijiet tar-riċerka, fosthom l-Istazzjon ta' McMurdo Sound u l-Bażi ta' Scott.
B'mod kollettiv, il-Gżejjer tal-Antipodi, ta' Auckland, ta' Bounty u ta' Campbell jiġu ddeżinjati bħala l-Gżejjer Antipodjani fl-Iskema Ġeografika Dinjija għar-reġistrazzjoni tad-distribuzzjonijiet tal-pjanti. F'din l-iskema, il-Gżejjer ta' Snares / Tini Heke jiġu inklużi mal-Gżira tan-Nofsinhar fin-Nofsinhar ta' New Zealand.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Gżejjer Sub-Antartiċi ta' New Zealand ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]
Referenzi
immodifika- ^ "LINZ Data Service". data.linz.govt.nz. Miġbur 2024-12-24.
- ^ a b ċ "New Zealand Subantarctic Islands - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-24.
- ^ "Birds, seals, penguins protected - Stuff". www.stuff.co.nz. Miġbur 2024-12-24.