Għawdex (stat indipendenti)

In-Nazzjon Għawdxi
La Nazione Gozitana
1798-1801
Mappa ta' Għawdex
Kapitali Rabat
Lingwi Taljan
Malti
Gvern Proviżjonali
Re: Ferdinand III
Gvernatur-Ġenerali:
Saverio Cassar
Munita Skud Malti
Preċedut minn Okkupazzjoni Franċiża ta' Malta
28 ta' Ottubru 1798
Suċċedut minn Protettorat ta' Malta
20 ta' Awissu 1801

Il-gżira ta Għawdex, kienet stat indipendenti għal kważi tliet snin bejn l-1798 u l-1801, waqt il-Gwerer Rivoluzzjonarji Franċiżi. F'dan iż-żmien, Għawdex kienet magħrufa bħala La Nazione Gozitana bit-Taljan.

Sa Ġunju 1798, il-gżejjer Maltin kienu għadhom maħkuma mill-Ordni ta' San Ġwann. Meta Napuljun keċċihom, il-Franċiżi ħadu kontroll ta' Malta u Għawdex ukoll, speċifikament iċ-Ċittadella u l-Forti Chambray.

Fit-2 ta' Settembru 1798, il-Maltin irribellaw kontra l-Franċiżi fl-Imdina, u l-Għawdxin għamlu l-istess fit-3 ta' Settembru. L-arċipriet tal-Katidral tal-Assunta r-Rabat, Saverio Cassar, kien magħżul bħala l-mexxej tal-irvell fit-18 ta' Settembru. Il-kwartieri ġenerali tar-ribelli ġiet stabbilita fil-Banka Ġuratali (illum is-sede tal-Kunsill Lokali tar-Rabat). Cassar organizza d-dejma u ġabar il-flus biex iħallas it-truppi taħt il-kmand tiegħu. Nies li ġew suspettati li kienu favur il-Franċiżi ġew arrestati.

Eventwalment, Alexander Ball irnexxielu jinnegozja mal-217 suldat Franċiż li kien hemm ġoċ-Ċittadella, u dawn ċedew mingħajr ġlieda fit-28 ta' Ottubru. Il-Franċiżi ċedew il-gżira u l-fortifikazzjonijiet, 24 kanun, kwantità kbira ta' munizzjon u 3,200 xkejjer ta' dqiq lill-Ingliżi.

Jum wara, l-Ingliżi taw kontroll taċ-Ċittadella u l-kumplament tal-gżira lill-Għawdxin. Il-poplu ddikjara lil Ferdinand III ta' Sqallija bħala re, u twaqqaf gvern proviżorju mmexxi minn Saverio Cassar li kien maħtur bħala Gvernatur-Ġenerali. Dan il-gvern kien jinkludi diversi rappreżentanti Maltin u Ingliżi, u l-ewwel azzjoni tagħhom kien li jiddistribwixxu l-provvisti ta' ikel lis-16,000 persuna li kienu jgħixu fil-gżira.

Cassar talab ukoll li Għawdex isir djoċesi separata. Id-Djoċesi ta' Għawdex eventwalment inħalqet fit-22 ta' Settembru, 1864, 65 sena wara l-petizzjoni ta' Cassar. Matul iż-żmien li Għawdex kien indipendenti, Cassar organiżża l-amministrazzjoni, fetaħ il-qrati u ġew eletti ġurati ġodda, u anke fetaħ dar tad-dwana.

Eventwalment, il-Franċiżi fil-Belt Valletta ċedew f'Settembru 1800, u Malta saret protettorat tal-Gran Brittanja. Cassar kompla jmexxi l-gżira Għawdxija sal-20 t'Awissu 1801, meta l-Kummissarju Ċivili ta' Malta, Charles Cameron, neħħieh mill-kariga tiegħu u poġġa lil Emmanuele Vitale minfloku.

Cassar miet fis-16 ta' Diċembru 1805, fl-età ta' 58 sena.