Alfred (magħruf bħala Freddie) Micallef (Mosta, 18 ta’ Marzu 1939 - 7 ta' April 2011) kien Ministru fi gvernijiet Laburisti tas-snin sebgħin u tmenin.

Freddie Micallef
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

Ħajja
Twelid Mosta, 18 Marzu 1939
Mewt 7 April 2011
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni trejdunjonista
politiku
Freddie Micallef Bust in Malta

Bin Karmenu u Karmena, Freddie Micallef ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Gvern, is-Seminarju u l-Kulleġġ Stella Maris. Micallef temm b’suċċess kors fl-inġinerija fejn ingħata ċertifikat bħala telemechanic.

Fil-Politika

immodifika

Huwa daħal fil-politika fl-1959 u bejn l-1963-66 kien President tal-Għaqda Żgħażagħ Laburisti. Fl-istess żmien serva f’diversi karigi fi ħdan il-Partit Laburista u fl-Eżekuttiv Nazzjonali sa mill-1960. Ikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali li saru bejn l-1962 u l-1996. Micallef jirrakkonta hekk l-ewwel darba li ħareġ għall-elezzjonijiet: “L-ewwel darba li ħriġt għall-politika kien fl-1962 fl-agħar żmien. Id-daqq tal-qniepen għadu jaffettwani ħażin sal-lum. Dawk in-noti qawwija jibqgħu ġo widnejk. Kienu jdoqqu l-qniepen tal-knejjes biex iħarbtulna l-meetings. Konna nkunu jien u Pawlu Xuereb. Kien żmien diffiċli għax in-naħa tagħna l-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta u San Pawl in-nies ma kinitx bħal tal-Kottonera. Hawn in-nies kienet tibża’ ħafna mill-Knisja.”

Kien bejn l-1966 u l-1996 li Freddie Micallef serva bħala membru parlamentari u tul dawn is-snin serva f’diversi karigi ministerjali. Bejn l-1971 u l-1974 kien Segretarju Parlamentari mal-Ministeru tal-Kummerċ, Industrija, Turiżmu, Agrikoltura u Sajd biex fl-1974 inħatar Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd. Fl-1976 nħatar Ministru tal-Parastatali u Industriji tal-Poplu. Fl-1978 reġa’ nħatar Ministru tal-Agrikoltura u s-Sajd u mill-1983 sa l-1987 okkupa l-kariga ta’ Ministru tax-Xogħol u Servizzi Soċjali.

Fl-1997 inħatar Chairman tal-kumpanija Medigrain u fit-13 ta’ Diċembru 1997 ngħata l-unur ta’ Uffiċjal Nazzjonali tal-Ordni tal-Mertu.

Ħajja Personali

immodifika

Freddie Micallef kien miżżewweġ lil Maria Concetta u kellu tliet ulied: Carlo, Dino u Maria. Id-delizzju tiegħu kien il-ħamiem tat-tlielaq.

F'Diċembru 2007 tfaċċalu kanċer f'sidru, fl-istess żmien li Alfred Sant ġie operat ħabba kanċer fil-musrana. Huma kienu ta' appoġġ kbir lil xulxin. Fi kliem Micallef: “Jien u Alfred imradna fl-istess ħin. Konna nċemplu lil xulxin. U hu kien jiċċekkja jekk hux qed nieħu l-mediċina u l-kura li kelli bżonn. U jien l-istess. Konna t-tnejn nikkunslaw u nqawwu qalb xulxin. Alfred bniedem ġenwin.”

F'intervista li Micallef ta fl-2008 huwa stqarr: “Jien ġej minn familja fejn missieri kien kuntrattur. Dak iż-żmien kien ħa x-xogħol tal-bini taċ-ċentru ċiviku tal-Mosta. Kienu għaddewh minn passjoni kbira peress li jien ħriġt għall-politika. Għaddew 50 sena u dan il-bini għadu hemm... Jien ngħidlek il-verità ġej minn familja reliġjuża u li għadna s’issa ngħidu r-rużarju. Ħfirt lil kulħadd u meta sirt Ministru ma kont pattejtha lil ħadd. U din jien kburi biha. Ħadmu miegħi nies li dak iż-żmien kienu fil-Kunsill tal-PN, fdajthom u ħdimt tajjeb magħhom. Nemmen li l-aktar elementi importanti huma r-rispett u l-ġenwinità tal-individwu u mhux il-kulur politiku tiegħu..."

Referenzi

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika