Foresti Sagri ta' Kaya tal-Mijikenda

foresti fil-Kenja meqjusa bħala sagri mill-popli Mijikenda

Il-Foresti Sagri ta' Kaya tal-Mijikenda huma sit sagru tal-popli Mijikenda fl-eks Provinċja tal-Kosta tal-Kenja. Kaya (bil-plural: makaya jew kayas) jitqies li huwa sors intrinsiku ta' setgħa ritwali u l-oriġini ta' identità kulturali fi ħdan il-foresti sagri;[1][2] huwa wkoll post tat-talb għall-membri tal-grupp etniku tal-Mijikenda.[3] L-insedjament, iċ-ċentru ritwali, u ħitan iffortifikati assoċjati mal-foresti huma wkoll parti mill-kaya. Attwalment, il-kaya jitqies ukoll bħala unità organizzattiva tradizzjonali tal-popli Mijikenda. Ħdax mill-madwar 60 kaya separat ġew raggruppati flimkien u tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala sit wieħed.[4]

Il-Foresti Sagri ta' Kaya tal-Mijikenda.

Iktar minn 50 kaya ġew identifikati fi ħdan il-kontej ta' Kwale, Mombasa u Kilifi. Fil-fatt, il-Mużewijiet Nazzjonali tal-Kenja identifikaw 60 kaya uniku mill-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20 b'erja ta' bejn 30 u 300 ettaru kull wieħed.[5] Dawn huma sparpaljati qalb il-fdalijiet tal-ekoreġjun tal-foresti tal-Muntanji tal-Mużajk tal-Ark tal-Lvant, mifruxa fuq 900 kilometru mill-Mozambique sas-Somalja.[6] Minkejja dan, għadhom ikkonċentrati fi ħdan medda periferika ta' 200 kilometru (120 mil) fiż-żona tal-pjanuri kostali tan-Nofsinhar tal-Kenja, bejn il-bliet ta' Mombasa u Kilifi. Filwaqt li l-viżitaturi ma jistgħux jidħlu fil-biċċa l-kbira tal-makaya, il-Kaya ta' Kinondo, foresta ta' 30 ettaru tul il-Bajja ta' Diani, jippermetti l-aċċess lill-viżitaturi u huwa parti mill-qafas tal-Proġett tal-Ekoturiżmu tal-Kaya ta' Kinondo.[7] Hemm regoli speċifiċi li l-viżitaturi jridu jħarsu meta jżuru dan is-sit, inkluż kodiċi tal-ilbies, l-ebda tfixkil tal-flora naturali, l-ebda ritratti, l-ebda għajjat, u l-ebda bews fil-pubbliku.

Mijikenda hija kelma li tirreferi b'mod speċifiku għad-disa' gruppi subetniċi oriġinali u l-insedjamenti tal-makaya korrispondenti, fosthom l-A'Giriama, l-A'Kauma, l-A'Chonyi, l-A'Kambe, l-A'Dzihana, l-A'Rihe, l-A'Rahai, l-A'Duruma, u l-A'Digo. Studjużi oħra jiddistingwu bejn dawn id-disa' gruppi sempliċement bħala l-Giriama, ir-Rabai, iċ-Chonyi, il-Kauma, il-Kambe, il-Jibana, ir-Ribe, id-Duruma, u d-Digo. Barra minn hekk, Miji- tfisser litteralment villaġġi u -Kenda tfisser disa' bil-lingwi Bantu. Il-makaya tad-Duruma u tad-Digo huma insedjamenti distinti tan-Nofsinhar tal-popli Mijikenda, u huma sseparati mis-seba' makaya l-oħra.[8]

Ir-riċerka tappoġġa l-ipoteżi li l-insedjament kaya inizjali kellhom it-tendenza li jkunu kemxejn ikkonċentrati fl-ambjenti forestali tal-irdumijiet tal-Lvant tal-kosta minħabba l-preżenza ta' żewġ sistemi tax-xmajjar, ix-xmajjar Rare u Galana, kif ukoll minħabba r-raba' għammiel għar-ragħa u għall-agrikoltura. Iżda l-għaxar makaya inizjali jaf kienu kkonċentrati f'dawn iż-żoni l-iktar minħabba s-sigurtà offruta mill-insedjamenti barranin tal-madwar tas-Swahili, tal-Waata, tal-Kwavi, u tal-Wasegeju. Inizjalment, il-popli Mijikenda wettqu migrazzjoni lejn dan ir-reġjun kostali tal-Kenja fl-aħħar tas-seklu 16 mill-art li qabel kienet ta' Shungwaya fit-Tramuntana. Finalment, fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20, dawn l-għaxar insedjamenti inizjali kienu ġew abbandunati mill-popli Mijikenda peress li wettqu migrazzjoni lejn reġjuni differenti u stabbilew makaya oħra.

Bosta makaya oriġinarjament kienu villaġġi ffortifikati ta' gruppi etniċi differenti, inkluż il-popli Digo, Chonyi, Kambe, Duruma, Kauma, Ribe, Rabai, Jibana u Giriama. Il-villaġġi għandhom żoni ta' foresti tropikali fl-artijiet baxxi madwarhom u wieħed kien jasal għalihom permezz ta' mogħdijiet minn ġol-foresti. Il-flora tal-foresti kienet tintuża unikament għall-ġbir tal-ħxejjex mediċinali. Il-prattiki tal-qtugħ tas-siġar, tar-ragħa tal-bhejjem, u tal-ikklerjar tar-raba' agrikolu ma kinux permessi fi ħdan kaya.[9]

Huwa maħsub li l-insedjamenti kaya tal-popli Mijikenda tul il-kosta tal-Kenja ġew stabbiliti fl-istess żmien bħall-insedjamenti Swahili, iżda ġie ppubblikat ferm iktar materjali dwar il-popli Swahili milli dwar il-popli Mijikenda. Barra minn hekk, xi arkeologi jemmnu li l-makaya ġew stabbiliti f'din iż-żona fil-bidu tas-seklu 9 W.K., u b'hekk possibbilment huma saħansitra eqdem mill-insedjamenti kostali tas-Swahili.

Attwalment, minħabba deforestazzjoni intendiva għall-użu agrikolu u l-qtugħ tas-siġar, kien meħtieġ li 38 kaya u żoni forestali jiġu ddikjarati bħala monumenti nazzjonali. Il-komunitajiet lokali jieħdu ħsieb il-ġestjoni ta' dawn iż-żoni.[10]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Ħdax-il kaya ġew raggruppati flimkien bħala l-Foresti Sagri ta' Kaya tal-Mijikenda u ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO wieħed fl-2008.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[4]

Organiżmi selvaġġi u konservazzjoni

immodifika

L-organiżmi selvaġġi fiż-żona tal-Kaya ta' Kinodao ġew identifikati u ż-żona hija aċċessibbli għall-viżitaturi bħala parti minn proġett tal-ekoturiżmu. B'kollox ġew identifikati 187 speċi ta' pjanti, 48 speċi ta' għasafar, u 45 speċi ta' friefet. Ix-xadini colobus u l-bugeddum b'imnieħer ta' iljunfant ġew irrapportati li jgħixu hemm ukoll.

L-aċċess fil-foresta huwa rregolat mir-regoli tradizzjonali stabbiliti minn korp ta' governanza msejjaħ ngambi magħmul minn membri anzjani tal-komunità. Dan il-korp jieħu ħsieb primarjament il-ġestjoni, il-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi bijoloġiċi skont it-twemmin tradizzjonali dwar is-sagralità tal-foresta. Madankollu, il-ħolqien ta' korp ċentrali ta' governanza affettwa r-rwol tal-membri anzjani lokali.[11]

Fl-2001 ġie varat proġett tal-ekoturiżmu permezz tal-fondi pprovduti fil-Fondazzjoni Ford bl-objettiv li jiġi ġġenerat l-introjtu għall-popolazzjoni lokali u jitħeġġeġ l-ekoturiżmu, filwaqt li tiġi ppreservata s-sagralità tal-foresti.

Il-konservazzjoni tal-makaya hija biċċa xogħol iebsa għall-komunità moderna tal-Mijikenda u għal popli lokali oħra, minħabba t-theddidiet ambjentali u n-nuqqas ta' politiki adegwati dwar il-preservazzjoni. Eżempju ta' dan hu l-Kaya ta' Mrima f'Kwale, li ġie mhedded minn azjenda tal-estrazzjoni Kanadiża li bla dubju kienet se tikkawża ħsara irreparabbli lis-sit. Barra minn hekk, waħda mill-politiki mhux adegwati tal-konservazzjoni li nħolqot ġiet imsejħa l-Att dwar l-Antikitajiet u l-Monumenti tal-1983, li kellha l-għan li tipproteġi l-wirt tal-Kenja iżda hija miftuħa wisq għall-interpretazzjoni. Minkejja dan, organizzazzjonijiet bħall-Unità tal-Konservazzjoni tal-Foresti Kostali, stabbiliti mill-Mużewijiet Nazzjonali tal-Kenja, jaħdmu qatigħ sabiex jikkonservaw il-makaya u jrawmu sensibilizzazzjoni fost il-komunità lokali.

Il-Mużew ta' Mafkar ta' Krapf f'Rabai ħoloq replika ta' kaya sabiex il-viżitaturi mhux mill-popli Mijikenda, li ma setgħux jidħlu fiżikament fil-makaya, setgħu japprezzaw is-sit storiku mill-bogħod. Madankollu, ir-replika damet biss mill-2001 sal-2003 peress li tqieset bħala mhux awtentika.

Arkeoloġija

immodifika

Studji arkeoloġiċi bħal dawk ta' Henry Mutoro, li ġie ppubblikat fl-1987, twettqu fi ħdan il-makaya. Mutoro wettaq stħarriġ u skavi fi tmien makaya differenti, inkluż dawk ta' Singwaya, Bate, Kambe, Mudzi Mwiru, Mudzi Mpya, Bomu, Fungo u Dagamra. Għal kull wieħed minn dawn il-kaya, Mutoro u t-tim tiegħu waslu billi użaw metodu bir-reqqa sabiex jimmappjaw il-konfini tas-siti u użaw diversi għodod bħal lasti, boxxla, 30 metru ta' tejp, alidad, medja tal-pjan, eċċ. Mutoro rnexxielu jipproduċi mapep tal-kontorni tas-sit, mapep tal-insedjamenti individwali, u mapep li juru d-distribuzzjoni tal-makaya fir-reġjun kollu.

L-iskavi kien biċċa għadma iebsa għal Mutoro u t-tim tiegħu peress li kien hemm fdalijiet mirduma taħt l-art u beża' li jolqot xi fdalijiet bi żball. Pereżempju, fis-sit ta' Singwaya ġie ppjanat li jiġi skavat il-munzell għadam, magħruf ukoll bħala d-dzala, iżda ġew evitati l-vikango, jew is-siti funebri tal-kaya, u dan sar billi ż-żona ġiet maqsuma f'irqajja' kwadri żgħar ta' 1 x 1 metru.[12]

Fil-kaya hemm Fingo (taliżmani protettivi) midfuna u dawn jieħdu ħsiebhom il-membri anzjani tal-kaya li jipproteġu t-tradizzjonijiet tal-popli Mijikenda.[13] Il-popli Mijikenda jemmnu li l-fingo oriġinaw mill-art mitika ta' Shungwaya tal-antenati tagħhom. Attwalment, bosta fingo ntilfu jew insterqu, peress li jitqiesu bħala opri tal-arti.[14]

Kaya jkollha konfigurazzjoni speċifika u pjuttost ġenerika skont l-istudjużi li jistudjawhom. Normalment ikunu mdawra b'foresta densa u jkollhom żewġ mogħdijiet fuq kull naħa li jagħtu għal diversi daħliet tal-injam iffortifikati bil-ġebel. L-għadd ta' daħliet tul dawn il-mogħdijiet ivarja minn kaya għall-oħra. Il-fingo jintwera fl-ewwel daħla ta' kull mogħdija, fuq in-naħa tal-lemin. L-iżjed makaya importanti u spiss l-eqdem fosthom kien ikollhom simboli ritwali ikbar imsejħa mafingo, b'għoli sa 2 metri. Fl-aħħar tal-mogħdijiet, ikun hemm fetħa kbira b'moroni, jiġifieri dar kbira qisha koppla, li tinsab fin-nofs bejn siġra tat-tin u siġra tal-baobab, rispettivament imsejħa mugandi u muyu.

Hemm bosta ħrejjef u twemmin differenti rrakkontati min-nisa lokali taż-żona marbuta mas-sagralità ta' dawn il-foresti. It-twemmin ġenerali hu li fil-foresti jgħixu l-ispirti. Il-makaya jitqiesu bħala l-post tal-mistrieħ tal-fundaturi tal-popli Mijikenda, imsejħa korma jew spirti. Uħud minnhom jemmnu li jekk wieħed jaqta' siġra b'machete din jaf ma tinfidx sew fis-siġra u minflok tikkawża xi feriti li jfiqu biss jekk dak li jkun joffri biċċa drapp lill-membri anzjani tal-villaġġ f'ċerimonja apposta. Jemmnu wkoll li l-ikel imsajjar permezz tal-injam minn dawn il-foresti sagri jista' jikkawża l-mard, u li abitazzjoni li tinbena bl-injam minn dawn il-foresti tispiċċa ċċedi. Il-konservazzjoni tas-sagralità tal-foresti kellha l-għan li tippreserva l-livell tad-dlam fi ħdanhom. Barra minn hekk, it-talb għax-xita, it-talb għall-paċi, it-talb għall-istabbiltà politika, u t-talb għall-istabbilità ekonomika huma kollha eżempji ta' prattiki ritwali tal-popli Mijikenda li jsiru fil-makaya, anke fil-preżent.[15]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Parkin, David (2006). The Sacred Void: Spatial Images of Work and Ritual Among the Giriama of Kenya. Cambridge University Press. ISBN 978-0-521-02498-3. p. 37.
  2. ^ Wynne-Jones, Stephanie; Laviolette, Adria, eds. (2017). The Swahili World. doi:10.4324/9781315691459. ISBN 978-1-315-69145-9.
  3. ^ "Sacred Groves Threatened by Development: The Kaya Forests of Kenya | Cultural Survival". www.culturalsurvival.org (bl-Ingliż). 2010-03-25. Miġbur 2024-01-18.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Sacred Mijikenda Kaya Forests". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.
  5. ^ Tinga, Kaingu Kalume (September 2004). "The Presentation and Interpretation of Ritual Sites: the Mijikenda Kaya case". Museum International. 56 (3): 8–14.
  6. ^ "Sacred Mijikenda Kaya Forests (Kenya) | African World Heritage Sites". www.africanworldheritagesites.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-10-28. Miġbur 2024-01-18.
  7. ^ "Eco Tourism Kenya :- Kaya Kinondo Ecotourism Project". web.archive.org. 2013-12-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-12-18. Miġbur 2024-01-18.
  8. ^ Mutoro, Henry Wangutusi (1985). "The Spatial Distribution of the Mijikenda Kaya Settelements on the Hinterland Kenya Coast". Transafrican Journal of History. 14: 78–100.
  9. ^ Gearhart, Rebecca; Giles, Linda L. (2014). Contesting Identities: The Mijikenda and Their Neighbors in Kenyan Coastal Society. Africa World Press. ISBN 978-1-59221-897-4.
  10. ^ Zeppel, Heather (2006). Indigenous Ecotourism: Sustainable Development and Management. CABI. ISBN 978-1-84593-125-4. p. 136.
  11. ^ Trosper, Ronald L. (14 October 2011). Traditional Forest-Related Knowledge: Sustaining Communities, Ecosystems and Biocultural Diversity. Springer. ISBN 978-94-007-2144-9. p. 58.
  12. ^ Mutoro, H. W. (1987). An Archaeological Study of the Mijikenda Kaya Settlements on Hinterland Kenya Coast (Thesis) (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-18.
  13. ^ Njogu, Kimani; Middleton, John (2009). Media and Identity in Africa. Indiana University Press. ISBN 978-0-253-22201-5. pp. 296-297.
  14. ^ Trillo, Richard (2013). The Rough Guide to Kenya. Rough Guides. ISBN 978-1-4093-3018-9. p. 551.
  15. ^ Eaton; Lorentzen (8 September 2004). Ecofeminism and Globalization: Exploring Culture, Context, and Religion. Rowman & Littlefield Publishers. ISBN 978-0-585-48276-7. p. 48.