Fondoq ta' Ironbridge

fondoq fir-Renju Unit

Il-Fondoq ta' Ironbridge (bl-Ingliż: Ironbridge Gorge) huwa fondoq fond, li minnu tgħaddi x-xmara Severn f'Shropshire, l-Ingilterra. Dan il-fondoq ifforma mil-Lag ta' Lapworth li far b'mod glaċjali qabel ma seħħ id-drenaġġ tiegħu, fi tmiem l-aħħar era glaċjali. L-esponiment fil-fond tal-blat tal-fondoq kixef depożiti kummerċjali ta' faħam, minerali tal-ħadid, ġebla tal-ġir u tafal refrattarju, li ppermettew l-iżvilupp ekonomiku rapidu taż-żona matul il-bidu tar-Rivoluzzjoni Industrijali.[1][2]

Il-pont tal-Fondoq ta' Ironbridge

Il-fondoq oriġinarjament kien imsejjaħ il-Fondoq ta' Severn (bl-Ingliż: Severn Gorge), filwaqt li issa huwa msemmi għall-pont tal-ħadid, Ironbridge, famuż minn naħa għall-oħra tax-xmara Severn. Dan il-pont kien l-ewwel pont tal-ħadid tax-xorta tiegħu fid-dinja, u monument għall-industrija li bdiet hemmhekk. Il-pont inbena fl-1779 biex jikkollega r-raħal ta' Broseley mar-raħal iżgħar tax-xogħol fil-minjieri ta' Madeley u ċ-ċentru industrijali ta' Coalbrookdale li kien qed jikber ferm.

Veduta tal-fondoq mill-pont tal-ħadid

Hemm żewġ raġunijiet għalfejn is-sit kien daqstant utli għall-ewwel industrijalisti. Il-materja prima, il-faħam, il-minerali tal-ħadid, il-ġebla tal-ġir u t-tafal, għall-manifattura tal-ħadid, tal-madum u tal-porċellana, huma esposti jew faċilment jiġu estratti mill-fondoq. Barra minn hekk, ix-xmara fonda u wiesgħa kienet tippermetti t-trasport faċli ta' prodotti lejn il-baħar.

Formazzjoni

immodifika

Ix-xmara Severn tgħaddi mill-Fondoq ta' Ironbridge u l-fluss tagħha jmur lejn il-Fliegu ta' Bristol fin-Nofsinhar. Il-fondoq ifforma matul l-aħħar era glaċjali meta l-ilma mix-xmara preċedenti li kellha fluss lejn it-Tramuntana nqabad fil-Lag ta' Lapworth, li nħoloq meta s-saff tas-silġ tal-Baħar Irlandiż ħoloq diga naturali għax-xmara. Il-livell tal-lag għola u wassal biex l-ilma jfur lejn l-għoljiet fin-Nofsinhar. Dan il-fluss wassal għall-erożjoni ta' passaġġ bejn l-għoljiet, u fforma l-fondoq, filwaqt li ddevja x-xmara Severn lejn in-Nofsinhar b'mod permanenti.[3][4][5]

Parroċċa

immodifika
 
Il-Mużew tal-Fondoq ta' Ironbridge

The Gorge hija parroċċa ċivili (bl-Ingliż: parish) fi ħdan id-distrett ta' Telford u Wrekin u l-kontea ċerimonjali ta' Shropshire. Tkopri l-parti tal-Fondoq ta' Ironbridge fi ħdan iż-żona tal-Awtorità tal-Kunsill ta' Telford u Wrekin, u tinkludi l-insedjamenti ta' Coalbrookdale, Coalport, Ironbridge, Jackfield u Lightmoor, iżda mhux lil Buildwas jew lil Broseley li huma parti miż-żona tal-Awtorità Unitarja tal-Kunsill ta' Shropshire. Il-parroċċa hija maqsuma fi tlieta: Coalport u Jackfield (żewġ kunsilliera), il-Fondoq ta' Ironbridge (tliet kunsilliera) u Lightmoor (tliet kunsilliera). Il-Kunsill tal-Parroċċa ta' The Gorge għandu l-uffiċċji tiegħu fil-Maws Craft Centre f'Jackfield fejn isiru wkoll il-laqgħat tal-kunsill.[6]

Il-popolazzjoni ta' din il-parroċċa ċivili skont iċ-ċensiment tal-2011 hija ta' 3,275 ruħ.

In-nisa fid-distrett tal-Fondoq ta' Ironbridge kellhom it-tielet l-inqas stennija tal-għomor mat-twelid, jiġifieri 74 sena, fost id-distretti kollha fl-Ingilterra u f'Wales fl-2016.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Il-pont tal-ħadid fl-2019 qabel ma reġa' ġie mbajjad b'lewn ċilesti

Il-Fondoq ta' Ironbridge ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[8]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[8]

Konservazzjoni

immodifika
 
Veduta mill-ajru taż-żona tal-pont tal-ħadid

Il-Green Wood Centre qattgħu iktar minn għoxrin sena jħarrġu lil ħaddiema ġodda fil-qasam tal-ġestjoni tal-boskijiet u tal-imsajġar b'rotazzjoni qasira, bl-għan li jerġgħu jistimolaw l-industrija tal-imsajġar b'rotazzjoni qasira.

Is-Severn Gorge Countryside Trust tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-biċċa l-kbira tal-boskijiet, tal-mergħat tal-ħaxix, u ta' raba' ieħor fi ħdan iż-żona tal-Fondoq ta' Ironbridge li ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, b'kollox madwar 260 ettaru ta' art. Il-Green Gym ta' BTCV jaħdem mat-Trust biex jassistihom fix-xogħol li jkun meħtieġ li jsir fil-boskijiet.

Is-Severn Gorge Countryside Trust u l-Green Wood Centre nedew proġett volontarju konġunt li jippermetti lin-nies lokali jinvolvu ruħhom lokalment f'attivitajiet bħax-xogħol mal-imsajġar b'rotazzjoni qasira, it-tneħħija tal-ħaxix ħażin, it-tqegħid ta' ċnut u xatbiet ta' protezzjoni għaċ-ċriev, il-bini ta' artijiet imtarrġin u l-ġestjoni tal-boskijiet.

Barra minn hekk, hemm ukoll Mużew dwar il-Fondoq ta' Ironbridge li għandu wkoll librerija u arkivji. Dan il-mużew f'Telford fih wirjiet relatati max-xjenzi naturali, it-trasport fuq l-art, nies notevoli, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-istorja soċjali, il-muniti u l-medalji, l-arti dekorattiva u applikata, l-arkeoloġija, u l-belle arti.[9]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Pannett, David (2008). "The Ice Age Legacy in North Shropshire" (PDF). Proceedings of the Shropshire Geological Society. 13: 86–91. ISSN 1750-855X.
  2. ^ Wills, L.J. (1924). "The Development of the Severn Valley in the Neighbourhood of Iron-Bridge and Bridgnorth". Quarterly Journal of the Geological Society. 80 (1–4): 274–308.
  3. ^ Harmer, F.W. (1907). "The Origin of Certain Cañon-like Valleys". Quart. J. geol. Soc. Lond. 63: 470–514.
  4. ^ Wills, L.J. (1924). "The Development of the Severn Valley in the Neighbourhood of Iron-Bridge and Bridgnorth". Quart. J. geol. Soc. Lond. 80 (1–4): 274–308.
  5. ^ Beckinsale, R.P.; Richardson, L. (1964). "Recent Findings on the Physical Development of the Lower Severn Valley". The Geographical Journal. 130 (1): 87–105.
  6. ^ "The Gorge Parish Council". web.archive.org. 2015-01-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-01-22. Miġbur 2021-09-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ Bennett, James E.; Pearson-Stuttard, Jonathan; Kontis, Vasilis; Capewell, Simon; Wolfe, Ingrid (2018-12-01). "Contributions of diseases and injuries to widening life expectancy inequalities in England from 2001 to 2016: a population-based analysis of vital registration data". The Lancet Public Health . 3 (12): e586–e597. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  8. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Ironbridge Gorge". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-28.
  9. ^ "Museum of The Gorge – The Ironbridge Gorge Museums". Ironbridge (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-28.