Edmund "Ed" Conen (twieled fl-10 ta' Novembru 1914 – miet fil-5 ta' Marzu 1990) kien plejer u kowċ tal-futbol Ġermaniż li kien jilgħab bħala attakkant.

Edmund Conen
Informazzjoni personali
Twelid10 ta' Novembru 1914(1914-11-10)
ÜrzigĠermanja
Mewt5 ta' Marzu 1990 (75 sena)
Leverkusen
Tul1.78 m
RwolAttakkant
Mixtliet
1924–1928SV Ürzig 1921
1928–1932FV 03 Saarbrücken
Karriera professjonali
SninKlabb
1932–1935FV 03 Saarbrücken
1938–1943Stuttgarter Kickers
1943–1944Mulhouse
1944HSV Groß Born
1945SG Hermsdorf
1945–1950Stuttgarter Kickers
1950–1952Young Fellows Zürich
Tim nazzjonali
1934–1942Ġermanja
Timijiet ikkowċjati
1950–1952Young Fellows Zürich
1952–1956Eintracht Braunschweig
1956–1957Wuppertaler SV
1957–1959Bayer Leverkusen
1964SV Schlebusch
1970–1973BV Opladen

Karriera immodifika

Klabb immodifika

Edmund Conen beda l-karriera tiegħu ma' FV 03 Saarbrücken u mat-tim ġie promoss fl-istaġun 1934–35 għall-Gauliga Südwest, l-ogħla diviżjoni tal-futbol fil-partijiet tal-Lbiċ tal-Ġermanja. Fl-1934 ġie avviċinat biex jissieħeb ma' Werder Bremen, però Conen żvela lill-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Ġermanja li Werder kienu qed iħallsu lill-plejers. F'dak iż-żmien il-futbol kien strettament dilettantesk u ħlas lill-plejers ma kienx permess. Dan wassal biex l-Assoċjazzjoni mmultat u ssospendiet lill-klabb, xi uffiċjali tal-klabb u l-plejers. Wara waqfa ta' erba' snin minħabbi newrożi kardijaka,[1][2] fl-1938 ingħaqad ma' Stuttgarter Kickers li kienu jilgħabu fil-Gauliga Württemberg grazzi għall-interċessjoni tal-kowċ preċedenti tiegħu Oskar "Ossi" Müller.[3] Ma' Stuttgarter Kickers rebaħ erba' kampjonati konsekuttivi tal-Gauliga Württemberg bejn l-1939 u l-1942. Ir-rebħ tagħhom ta' dan il-kampjonat reġjonali tahom iċ-ċans li jipparteċipaw fil-fażi nazzjonali, fejn għalkemm qatt ma kisbu t-titlu Conen ħalla l-marka b'għaxar gowls f'erbatax-il logħba.[1]

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija kien mistieden sabiex jilgħab ma' Mulhouse u t-tim tal-armata SV Groß Born. Fil-perjodu qasir li għamel ma' Groß Born, Conen rebaħ il-Gauliga Pommern, però kellu jikkuntenta bis-semifinali fil-fażi finali.[4] Fi tmiem il-gwerra, Conen reġa' ngħaqad mal-Kickers fl-Oberliga Süd, il-kampjonat reġjonali l-ġdid imfassal fl-1945 għat-timijiet fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. Fil-ħames snin li għamel magħhom hu skorja 57 gowl, fosthom għoxrin gowl fl-istaġun 1947–48 fejn il-Kickers skorjaw rekord ta' 113-il gowl.[5] Fi tmiem il-karriera tiegħu bħala plejer qatta' sentejn fl-Iżvizzera ma' Young Fellows Zürich fejn magħhom serva wkoll bħala kowċ.

Tim nazzjonali immodifika

Conen lagħab 28 logħba internazzjonali bejn l-1934 u l-1942 mat-tim nazzjonali Ġermaniż u skorja 27 gowl. Id-debutt wasal ta' dsatax-il sena f'Jannar tal-1934 fil-konfront kontra l-Ungerija u skorja l-ewwel gowl tiegħu.[6] Fit-tieni edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li saret fl-istess sena hu ħalla l-marka tiegħu bi tliet gowls kontra l-Belġju; bil-logħba mwaħħla fi dro ta' 2–2, l-attakkant skorja tripletta fl-aħħar sbatax-il minuta sabiex ta rebħa ta' 5–2 lill-Ġermanja.[2] Din kienet l-ewwel darba li ġiet skorjata tripletta f'taqsima waħda fil-kompetizzjoni u dan is-suċċess ġie ripetut biss fit-Tazza tad-Dinja tal-1970 meta Gerd Müller skorja tripletta fir-rebħa tal-Ġermanja kontra l-Perù. Conen skorja wkoll gowl fir-rebħa fil-logħba għat-tielet u r-raba' post kontra l-Awstrija.

Ta' 21 sena kellu problemi ta' saħħa u kellu jħalli temporanjament il-futbol warajh bl-aħħar logħba tkun kontra l-Polonja fil-15 ta' Settembru 1935 fejn Conen kien awtur ta' gowl. Ir-ritorn tiegħu wasal fil-25 ta' Ġunju 1939 f'Kopenħagen kontra d-Danimarka; għal darb'oħra ħalla l-marka b'gowl f'rebħa ta' 2–0. L-aħħar logħba tiegħu kienet fit-3 ta' Mejju 1942 kontra l-Ungerija u Conen reġa' skorja biex għen jaqleb telfa f'rebħa ta' 5–3.[6]

Referenzi immodifika

  1. ^ a b "Edmund Conen" (bil-Ġermaniż). Das Kickersarchiv.
  2. ^ a b "Edmund Conen" (bil-Ġermaniż). Rheinische Geschichte.
  3. ^ Grüne, Hardy; Knieriem, Lorenz (2006). Enzyklopädie des deutschen Ligafußballs 8. Spielerlexikon 1: 1890 - 1963 (bil-Ġermaniż). Argon.
  4. ^ Abbink, Dinant (2022-06-30). "Germany - Championships 1902-1945" (bl-Ingliż). RSSSF.
  5. ^ "1947/48" (bil-Ġermaniż). Das Kickersarchiv.
  6. ^ a b Arnhold, Matthias (2004-03-21). "Edmund Conen - Goals in International Matches" (bl-Ingliż). RSSSF.

Ħoloq esterni immodifika