Diaolou

tip ta' torri fiċ-Ċina

Id-diaolou (biċ-Ċiniż simplifikat: 碉楼; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 碉樓) huma torrijiet tal-għassa ffortifikati b'diversi sulari f'villaġġi rurali, magħmula ġeneralment minn konkos rinfurzat. Dawn it-torrijiet jinsabu l-iktar f'Kaiping, fil-Provinċja ta' Guangdong, iċ-Ċina.[1] Fl-2007, id-Diaolou u l-Villaġġi ta' Kaiping (biċ-Ċiniż: 开平碉楼与村落) tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u jkopru erba' żoni ta' villaġġi separati f'Kaiping: Sanmenli (biċ-Ċiniż: 三门里), Zilicun (biċ-Ċiniż: 自力村), Jinjiangli (biċ-Ċiniż: 锦江里), u r-raggruppament tal-villaġġ ta' Majianglong (biċ-Ċiniż: 马降龙村落群). Dawn iż-żoni joħorġu fid-dieher fużjoni unika bejn l-istili arkitettoniċi Ċiniżi u tal-Punent tas-sekli 19 u 20.[2]

Diaolou ta' Ruishi (biċ-Ċiniż: 瑞石樓) fil-villaġġ ta' Jinjiangli.

L-istrutturi tad-diaolou nbnew minn żmien id-dinastija Ming sal-bidu tas-seklu 20, u laħqu l-quċċata tagħhom matul l-Era tas-Sinjuri tal-Gwerer fis-snin 20 u 30 tas-seklu 20, bl-għajnuna finanzjarja taċ-Ċiniżi li kienu jgħixu barra mill-pajjiż, meta kien hemm saħansitra iktar minn 3,000 struttura ta' dan it-tip. Illum il-ġurnata, bejn wieħed u ieħor għad fadal 1,800 diaolou u l-biċċa l-kbira huma abbandunati fil-villaġġi tal-kampanja ta' Kaiping. Okkażjonalment jinsabu wkoll f'diversi żoni oħra tal-Provinċja ta' Guangdong, bħal f'Shenzhen u f'Dongguan.[3]

L-iżjed diaolou bikri f'Kaiping huwa dak ta' Yinglong Lou (biċ-Ċiniż: 迎龙楼) fil-villaġġ ta' Sanmenli (fil-prefettura ta' Chikan), li nbena mill-familja Guan matul ir-renju tal-Imperatur Jiajing tad-dinastija Ming (1522–1566). L-istruttura kienet ta' fortizza rettangolari enormi ta' tliet sulari b'ħitan bi ħxuna ta' metru, u ma tantx kienet tixbah lid-diaolou għoljin b'għamla ta' torri li nbnew erba' sekli wara. Yinglong Lou ġie rinnovat fl-1919 u huwa għoli 11.4-il metru.

Fl-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, minħabba l-faqar u n-nuqqas ta' stabbiltajiet soċjali,[4] Kaiping kien reġjun ta' emigrazzjoni kbira 'l barra mill-pajjiż, wieħed miż-"żoni prominenti li minnhom bosta Ċiniżi telqu mill-pajjiż".[5] Id-diaolou li nbnew matul il-bidu kaotiku tas-seklu 20 kienu l-iktar numerużi madwar iċ-ċentri tal-emigrazzjoni. Il-flejjes tal-emigranti li riedu jiżguraw is-sigurtà tal-familji tagħhom, tal-villaġġi jew tal-familji tal-klans tagħhom kienu jiffinanzjaw id-diaolou. Għalkemm id-diaolou nbnew l-iktar bħala protezzjoni mill-attakki tal-ħallelin, bosta minnhom kienu jintużaw ukoll bħala residenzi. Uħud minnhom inbnew minn familja waħda, filwaqt li oħrajn inbnew minn diversi familji flimkien jew minn komunità sħiħ ta' villaġġ. Kaiping saret ukoll ċentru ta' ideat u ta' xejriet differenti li ġabu magħhom iċ-Ċiniżi li emigraw.[6] B'hekk, iċ-ċittadini tal-villaġġi li bnew id-diaolou inkorporaw karatteristiċi arkitettoniċi miċ-Ċina u mill-Punent.

Kien biss wara l-1949 li nħolqot sistema amministrattiva estiża sal-villaġġi żgħar, u din wasslet biex id-diaolou tilfu l-iskop difensiv tagħhom u ġew abbandunati jew ikkonvertiti. Xorta waħda, dawk li għadhom jeżistu jagħtu ġieħ lill-kultura taċ-Ċiniżi li emigraw u lill-perserveranza tar-raħħala ta' Kaiping.

Fl-2007, id-Diaolou u l-Villaġġi ta' Kaiping (biċ-Ċiniż: 开平碉楼与村落) saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] L-UNESCO ddeskriviet id-diaolou bħala "... fużjoni kumplessa u tispikka tal-arkitettura strutturali u dekorattiva Ċiniża u tal-Punent. Id-dialolou jirriflettu r-rwol sinifikanti tal-emigranti ta' Kaiping fl-iżvilupp ta' diversi pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Asja, fl-Oċeanja, u fl-Amerka ta' Fuq, matul l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, u r-rabtiet sfiqa bejn l-emigranti ta' Kaiping u art twelidhom. Is-sit jikkonsisti minn erba' gruppi ta' diaolou, b'total ta' xi 1,800 struttura fl-ambjent tal-villaġġi tagħhom". L-erba' gruppi restawrati ta' diaolou ta' Kaiping jinsabu fil-villaġġ ta' Zilicun (biċ-Ċiniż: 自力村) tal-prefettura ta' Tangkou (biċ-Ċiniż: 塘口镇), fil-villaġġ ta' Sanmenli (biċ-Ċiniż: 三门里) tal-prefettura ta' Chikan (biċ-Ċiniż: 赤坎镇), fir-raggruppament ta' Majianglong (biċ-Ċiniż: 马降龙) tal-prefettura ta' Baihe (biċ-Ċiniż: 百合镇), u fil-villaġġ ta' Jinjiangli (biċ-Ċiniż: 锦江里) tal-prefettura ta' Xiangang (biċ-Ċiniż: 蚬冈镇).

Id-diaolou ta' Kaiping intużaw għall-partijiet mill-ġbid tal-film tal-2010 Let the Bullets Fly (biċ-Ċiniż: 让子弹飞).[7]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Id-Diaolou u l-Villaġġi ta' Kaiping ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Komponenti

immodifika

Yinglong Lou (biċ-Ċiniż: 迎龙楼), li jinsab fil-villaġġ ta' Sanmenli (fil-prefettura ta' Chikan), inbena mill-familja Guan (biċ-Ċiniż: 关族) matul l-era tad-dinastija Ming f'Jiajing (1522–1566). Bħala l-eqdem diaolou ppreservat f'Kaiping, għad għandu l-mudell primittiv ta' torri tal-għassa bi struttura kwadra tradizzjonali u mhuwiex influwenzat mill-istili arkitettoniċi tal-Punent.

Ir-Raggruppament tad-Diaolou ta' Jinjiangli (biċ-Ċiniż: 锦江里碉楼群), li jinsab wara l-villaġġ ta' Jinjiangli (fil-prefettura ta' Xiangang) tal-familja Huang (biċ-Ċiniż: 黄), jinkludi tliet diaolou mill-isbaħ: Ruishi Lou, Shengfeng Lou, u Jinjiang Lou. Id-diaolou ta' Ruishi, li nbena fl-1921, fih disa' sulari u huwa l-itwal diaolou f'Kaiping. Għandu saqaf bi stil Biżantin u koppla bi stil Ruman.

Ir-Raggruppament tad-Diaolou ta' Majianglong (biċ-Ċiniż: 马降龙碉楼群) huwa mifrux f'ħames villaġġi (fil-prefettura ta' Baihe) f'foresta tal-bambù: il-villaġġi ta' Yong'an u Nan'an tal-familja Huang (biċ-Ċiniż: 黄), u l-villaġġi ta' Hedong, Qinglin u Longjiang tal-familja Guan (biċ-Ċiniż: 关). Tianlu Lou (Torri tas-Suċċess tal-Ġenna), li jinsab fil-villaġġ ta' Yong'an, inbena fl-1922 u fih seba' sulari u s-sular ta' fuq nett.

Ir-Raggruppament tad-Diaolou ta' Zilicun (biċ-Ċiniż: 自力村碉楼群), li jinsab fil-villaġġ ta' Zilicun (fil-prefettura ta' Tangkou), jinkludi disa' diaolous, li huwa l-ikbar ammont fost l-erba' villaġġi ta' Kaiping tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Jinkorporaw fużjoni ta' stili arkitettoniċi Ċiniżi u tal-Punent u jispikkaw minħabba l-għoli tagħhom qalb ir-raba' ċatt fejn jitkabbar ir-ross.

Fangshi Denglou (Torri tal-Għassa tal-Klan ta' Fang) inbena fl-1920 bis-saħħa tal-kontributi finanzjarji taċ-ċittadini tal-villaġġi u fih ħames sulari. Huwa mlaqqam bħala t-"Torri tal-Fanal" minħabba lampa kbira li tiddi qisha fanal.

Il-Ġnien ta' Li, f'Beiyi Xiang, inbena fl-1936 mis-Sur Xie Weili, Ċiniż li emigra lejn l-Istati Uniti.

Bianchouzhu Lou (Torri Mmejjel), li jinsab fil-villaġġ ta' Nanxing (biċ-Ċiniż: 南兴村) fil-prefettura ta' Xiangang, inbena fl-1903. It-torri fih seba' sulari u jinsab faċċata ta' għadira.

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ Batto, Patricia R.S. (July–August 2006). "The Diaolou of Kaiping (1842–1937): Buildings for dangerous times". China Perspectives. 2006, p. 4.
  2. ^ a b ċ d "Kaiping Diaolou and Villages". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-03.
  3. ^ "凤岗碉楼记|深圳国旅明星部官方网站". web.archive.org. 2016-10-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-10-07. Miġbur 2024-09-03.
  4. ^ Woon, Yuen-fong (1984). Social organization in South China, 1911–1949: the case of the Kuan lineage in K'ai-p'ing county. Ann Arbor, MI: Center for Chinese Studies, University of Michigan. ISBN 0-89264-051-0.
  5. ^ Pan, Lynn (1999). The Encyclopedia of the Chinese Overseas. Cambridge, MA: Harvard University Press. p. 36. ISBN 0674252101.
  6. ^ Pan, Lynn (1999). The Encyclopedia of the Chinese Overseas. Cambridge, MA: Harvard University Press. pp. 28–29. ISBN 0674252101.
  7. ^ "Kaiping "Diaolou" - Location of "Let the Bullets Fly"". archive.ph. 2012-07-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-07-08. Miġbur 2024-09-03.