Causses u Cévennes

Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fi Franza

Il-Causses u s-Cévennes huwa pajsaġġ kulturali agropastorali Mediterran li huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab fil-parti tan-Nofsinhar taċ-ċentru ta' Franza u li għadu iktar minn tliet millenji ta' storja agropastorali.[1][2]

Florac u l-Park Nazzjonali tas-Cévennes minn Causse Méjean.

Is-sit jinsab fil-Massif Central u r-reġjun huwa muntanjuż b'bosta widien dojoq. B'hekk il-kundizzjonijiet tal-madwar ma tantx huma adattati biex jospitaw il-bliet, iżda huma adattati sew għall-pastoraliżmu. B'hekk, il-pajsaġġ tal-Causses u s-Cévennes evolva maż-żmien sabiex jirrifletti t-tipi kollha ta' sistemi agropastorali tal-Mediterran, inkluż ir-ragħa fil-foresti, it-transumanza (ir-ragħa minn post għall-ieħor) u l-pastoraliżmu sedentarju (ir-ragħa fl-istess post). Fil-fatt, Mont Lozère huwa wieħed mill-aħħar postijiet fejn għadha tiġi pprattikata t-transumanza fis-sajf b'mod tradizzjonali.

Il-Causses, li huma grupp ta' promontorji tal-ġebla tal-ġir, u s-Cévennes, li huma reġjun kulturali u muntanjuż fil-Massif Central, jinkludu diversi evidenzi tal-evoluzzjoni tal-pastoraliżmu matul l-aħħar 3,000 sena. Matul Żmien il-Bronż, ġew ikklirjati sezzjonijiet kbar ta' żoni forestali biex ikun hemm spazju għar-ragħa tan-nagħaġ u tal-bhejjem tal-ifrat. Bejn is-sekli 12 u 14 l-ordnijiet monastiċi ħadu l-kontroll ta' din iż-żona, u introduċew sistemi mtejba tat-tisqija u tat-toroq fl-inħawi. L-istabbiliment ta' dawn l-ordnijiet reliġjużi u l-iżvilupp ta' bliet fil-qrib fil-pjanuri tal-madwar matul il-Medju Evu saħħaħ mill-ġdid is-sistemi agropastorali, u dawn għadhom preżenti hemmhekk sa llum il-ġurnata. Bejn is-sekli 16 u 18, is-Cévennes saru rinomati għall-qastan, għan-nagħaġ u għall-produzzjoni tal-ħarir tagħhom, u dan wassal għal żieda kbira fil-popolazzjoni u għall-kostruzzjoni ta' bosta binjiet agrikoli kbar. Madankollu, minħabba t-tifqigħ tal-mard fost id-dud tal-ħarir flimkien mal-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, bdiet mewġa ta' emigrazzjoni mir-reġjun lejn il-bliet il-kbar.[3]

Deskrizzjoni

immodifika

Is-Sit ta' Wirt Dinji jinkorpora bosta mill-istrutturi vitali għall-pastoraliżmu kontinwu fl-inħawi. Is-sistemi tat-tisqija, żviluppati u kkontrollati mill-abbaziji Benedittini fil-Medju Evu bikri, jiddevjaw l-ilmijiet li jnixxu mill-muntanji ogħla f'sistema ta' mogħdijiet tal-ilma u kanali taħt l-art li mbagħad jisqu r-raba' mtarraġ ta' kull razzett jew struttura agrikola. Dan il-metodu ta' tisqija għadu jintuża sa llum il-ġurnata. Barra minn hekk, l-avvanzi agrikoli li għamlu l-Kavallieri Templari fl-inħawi matul il-Medju Evu għadhom operattivi wkoll, fosthom iċ-ċisterni fuq is-soqfa, l-għadajjar u l-fosos tal-qamħ. Is-sistema tat-toroq żviluppata fis-seklu 12 għat-trasport tan-nagħaġ u tal-bhejjem tal-ifrat lejn is-suq għadha tintuża wkoll mill-bdiewa u mir-rgħajja. B'kollox hemm 300 kilometru ta' toroq Medjevali ta' dan it-tip fi ħdan is-sit.

Fil-pajsaġġ relattivament fil-beraħ tal-Causses, il-binjiet baxxi tal-ġebel jintużaw għaż-żamma tan-nagħaġ matul ix-xitwa, u jissejħu jasses, filwaqt li hemm ukoll bosta strutturi agrikoli kbar tal-ġebla tal-ġir. B'kuntrast ma' dan, l-istrutturi fis-Cévennes normalment huma magħmula mix-shale jew mill-granit, b'soqfa tal-ħuxlief. Is-siġar tal-qastan u l-binjiet għat-tkabbir tad-dud tal-ħarir li jmorru lura għas-sekli 16 sa 18 huma protetti wkoll fi ħdan is-sit.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Dolina (kavità fil-ġebla tal-ġir) f'Causse de Sauveterre, Lozère.

Il-Causses u s-Cévennes, pajsaġġ kulturali agropastorali Mediterran, oriġinarjament żdied bħala sit indikattiv ta' Franza fl-2002 u ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011 fil-35 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji f'Pariġi, Franza, wara li ħames snin qabel, fit-30 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji f'Vilnius, il-Litwanja, l-ICOMOS irrakkomanda li din id-deċiżjoni tiġi ddifferita.[1][2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2][4][5]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b "Causses Cévennes, candidate for inclusion in the World Heri - 1652". loirevalley-worldheritage.org. Miġbur 2022-09-02.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "The Causses and the Cévennes, Mediterranean agro-pastoral Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-02.
  3. ^ "UNESCO Dossier Causses and Cevennes".
  4. ^ "Rapport UNESCO" (PDF).
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Criteria for Selection". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-02.