Amedeo Modigliani

(Rindirizzat minn Amadeo Modigliani)

Amedeo Clemente Modigliani (twieled fit-12 ta' Lulju 1884 – miet fl-24 ta' Jannar 1920) kien pittur u skultur Taljan, li l-ħadem l-iżjed fi Franza.

Amedeo Modigliani
Ħajja
Twelid Livorno, 12 Lulju 1884
Nazzjonalità Renju tal-Italja
Residenza Toskana
Livorno
Pariġi
Grupp etniku il-Lhud
Mewt Pariġi, 24 Jannar 1920
Post tad-dfin Iċ-Ċimiterju Père Lachaise
Grave of Amedeo Modigliani and Jeanne Hébuterne (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (meninġite tuberkolari)
Familja
Konjuga/i Not married
Koppja/i Beatrice Hastings (mul) Translate
Jeanne Hébuterne (mul) Translate
Anna Akhmatova (en) Translate
Ulied
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Accademia delle Arti del Disegno (en) Translate
Accademia di Belle Arti di Firenze
Accademia di Belle Arti di Venezia (en) Translate
Lingwi Franċiż
Taljan
Għalliema Giovanni Fattori (mul) Translate
Constantin Brâncuși (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
skultur
disinjatur
Parteċipant
Post tax-xogħol Pariġi
Firenze
Napli
Ruma
Venezja
Xogħlijiet importanti Seated Nude (en) Translate
Ritratto di Lunia Czechowska con ventaglio (en) Translate
Jean Cocteau (en) Translate
awtoritratt
Ritratt ta' Lunia Czechowska (1919)
Ritratt minn quddiem ta' Jeanne Hébuterne
Influwenzat minn Henri de Toulouse-Lautrec (en) Translate
Paul Cézanne
Constantin Brâncuși (en) Translate
Pablo Picasso
Moviment arti moderna
Moviment artistiku pittura ritratt
figure (en) Translate
genre art (en) Translate
arti pajsaġġistika
ritratt
nudu artistiku
Amedeo Modigliani

Bijografija

immodifika

L-ewwel snin

immodifika

Amedeo Modigliani twieled f'familja Lhudija f'Livorno fit-Toscana. Kien ir-raba' tifel ta' Flaminio Modigliani u l-mara tiegħu Eugénie Garsin li twieldet Franza u trabba fil-faqar wara li n-negozju ta' missieru f'Sardenja falla. Modigliani kien qrib ħafna t'ommu, li għallmitu d-dar sakemm kellu għaxar snin. Wara li qabditu plewrite meta kellu ħdax-il sena, baqa' jbati b'saħħtu u ftit snin wara żviluppa t-tefojde. Ta' xi sittax reġa' ħa l-plewrite u mbagħad t-tuberkolożi li fl-aħħar kienet il-kawża ta' mewtu. Kull darba rpillja bis-saħħa ta' kemm ħadet ħsiebu ommu. Wara t-tieni marda bil-plewrite, ħaditu ġita mal-Italja t'isfel, Napli, Capri, Ruma u Amalfi u mbagħad 'il fuq lejn Firenze u Venezja.

Fl-1898, meta kellu 14-il sena Modigliani beda jistudja l-pittura taħt Guglielmo Micheli f'Livorno stess. Baqa' jitgħallem fl-iSkola tal-Arti ta' Micheli sal-1900. L-ewwel edukazzjoni formali artistika tiegħu kienet f'atmosfera influwenzata ħafna mill-istili u s-suġġetti tal-arti Taljana tas-seklu 19. Hekk li kien għad baqa' traċċi ta' din l-influwenza u tal-istudu tal-arti rinaxximentali fl-ewwel xogħlijiet Pariġini tiegħu. Fil-bidu tal-karriera tiegħu, pitturi bħal Giovanni Boldini influwenzawh daqs Toulouse-Lautrec.

Fl-1902 Amedeo Modigliani inkiteb fl-Scuola libera di Nudo ta' Firenze, u wara sena telaq għal Venezja, fejn kien jattendi l-Istituto per le Belle Arti di Venezia. Kien hemm li Amedeo ipprova għall-ewwel darba d-droga tal-ħaxix u minflok jistudja beda jqatta' ħajtu fil-kwartieri l-iżjed infami tal-belt.

Fl-1906, Modigliani mar Pariġi, li dak iż-żmien kienet il-punt fokali tal-avant-garde, fejn kellu jsir l-epitomu tal-artista traġiku, billi joħloq wara mewtu leġġenda famuża kważi daqs dik ta' Vincent Van Gogh. Mar joqgħod Le Bateau-Lavoir, komunità għall-artisti bla sold ta' Montmartre, u malajr reġa' ntefa' fuq il-pittura, għall-ewwel influwenzat mix-xogħol ta' Henri de Toulouse-Lautrec, sakemm Paul Cézanne biddillu l-ideat. Fl-aħħar, Modigiliani żviluppa l-istil uniku oriġinali tiegħu ta' ġenju kreativ, kontemporanju mal-kubisti, imma mingħajr ma kien parti minn dak il-moviment.

Modigliani kien famuż għall-għaġla fix-xogħol tiegħu: jgħidu li kien ilesti ritratt f'seduta waħda jew tnejn. Meta kien ikun lesta pittura qatt ma kien jerġa' jirtokkaha. Ma dan kollu, dawk li kienu jippużawlu kienu jgħidu li meta titpinġa minn Modigliani kont qiesek "tikxef ruħek".

Fl-1909, Modigliani mar lura l-belt ta' twelidu, Livorno, marid u għajjien minħabba l-ħajja dissoluta li kien jgħix. Imma ma damx ħafna l-Italja u reġa' lura Pariġi fejn did-darba kera studju f'Montparnasse.

Fil-bidu kien iqis ruħu iktar bħala skultur milli pittur u beda jiskolpixxi biss serjetà wara li Paul Gillaume, merkant ambizzjuż żagħżugħ, beda jinterressa ruħu fl-arti tiegħu u introduċih ma Constantin Brancusi.

L-ikbar ħabib tal-qalb tiegħu kien il-pittur, Maurice Utrillo, li kien għadda mill-istess problemi tal-alkoliżmu li kkaratterizzaw il-ħajja ta' Amedeo.

L-iskultura

immodifika
 
Ras ta' Mara, skultura fil-franka ta' Amedeo Modigliani, 1912, Metropolitan Museum of Art

Meta nħarsu lejn l-iskulturi ta' Modigliani, malajr nindunaw kemm kien influwenzat mill-arti Afrikana u Kamboġjana, li x'aktarx kien ra fil-Musée de l'Homme. L-interess tiegħu fil-maskri Afrikani jidher ċar fil-mod kif kien jittratta l-uċuħ tal-mudelli tiegħu. Dawn jidhru antiki, kważi Eġizzjani, ċatti u jfakkruk fil-maskri, bl-għajnejn qishom lewż tal-għarusa, ħalq bix-xoffa, imnieħer imtawwal u għonq imġebbed.

Allavolja serje ta' skultura ta' Modigliani ntwergħiet fis-Salon d'Automne tal-1912, minħabba t-trabijiet li kien itajjar fix-xogħol, it-tuberkolożi marret għall-agħar u kellu jieqaf mill-iskultura fil-ġebel u wara anki fl-injam u beda jikkonċentra fuq il-pittura biss.

Fost ix-xogħlijiet tiegħu ta' minn isemmi ir-ritratt tal-ħabib tiegħu Chaim Soutine, u r-ritratti ta' bosta mill-kontemporanji tiegħu li kienu jmorru Montparnasse, bħal Moise Kisling, Pablo Picasso, Diego Rivera, Juan Gris, Max Jacob, Blaise Cendrars, u Jean Cocteau.

Is-snin tal-gwerra

immodifika

Meta bdiet l-ewwel gwerra dinjija, Modigliani pprova jidħol fl-armata, imma ma ġiex aċċettat peres li saħħtu kienet ħażina. Forsi kellu xewqa li jmut kmieni billi kien jaf li se jkollu ħajja qasira minħabba saħħtu, u għalhekk kien jixrob bla waqfien u jieħu kwantitajiet kbar ta' drogi. Magħruf minn ħbiebu bħala "Modì" (li tinħass bħall-kelma Franċiża "maudit" jew "misħut"), Amedeo Modigliani kien raġel gustuż u n-nisa kienu jsibuħ attraenti ħafna. Kien hemm dejjem xi nisa ġejjin u sejrin, sakemm Beatrice Hastings daħlet f'ħajtu. Beatrice baqgħet miegħu għal kważi sentejn u kienet is-suġġett ta' bosta ritratti, fosthom "Madame Pompadour", u l-vittma ta' lsienu meta kien ikun fis-sakra. F'sensih kien ikun dħuli, mistħi u affaxxinanti, jikkwota l-Dante Alighieri u jgħid bl-amment il-poeżji mill-ktieb ta' Lautréamont, Les Chants de Maldoror, li kien dejjem iżomm kopja tiegħu fuqu. Meta kien jixrob kien jinbiddel għal kollox, isir dimonju, irrabjat u vjolenti, dejjem ifittex il-ġlied kif jidher fid-disinn famuż ta' Marie Vassilieff.

Jeanne Hébuterne

immodifika
 
Jeanne Hébuterne liebsa xall aħmar

Fl-1916, Modigliani għamel ħabib mal-poeta u bejjiegħ tal-arti Polakk, Leopold Zborovskiu u martu Anna. Modigliani pinġihom bosta drabi u ħadilhom biss 10 franki r-ritratt. Is-sajf ta' wara, l-iskultriċi Russa, Ċana Orloffa, laqqgħitu ma' studenta sabiħa ta' tmintax-il sena bl-isem ta' Jeanne Hébuterne, li kienet ippużat għal Foujita. Jeanne kienet minn familja kattolika devota u ġiet toqgħod miegħu mingħajr ma kienu jafu l-familja li f'għajnejhom il-pittur kien derelitt ivvizzjat u agħar minn hekk, kien Lhudi. Għalkemm Jeanne kienet l-imħabba ta' ħajtu, ix-xenati tagħhom fit-triq saru iżjed famużi mill-istorbju li kien iqajjem Modigliani waħdu meta kien jisker.

Fit-3 ta' Diċembru 1917, kellu l-ewwel wirja waħdu fil-gallerija Berthe Weill imma l-kap tal-pulizija tant kien skandalizzat bin-nudi ta' Modigliani li għalaqlu l-esibizzjoni ftit sigħat wara li fetħet.

Wara marru joqgħodu Nizza fejn Jeanne saret tqila u fid-29 ta' Novembru 1918, tweldithilhom tifla li semmuha Jeanne. Matul dak iż-żmien, għalkemm qatt ma daħħal flus biżżejjed, Modigliani ipproduċa l-pitturi li iktar tard kellhom isiru l-iżjed popolari u apprezzati. Kien ibigħ xi xogħlijiet imma qatt ma kien ibiegħhom bi prezz għoli u li kien jaqla kien malajr jonfqu fuq ix-xorb u d-drogi. F'Mejju tal-1919 marru lura Pariġi fejn krew appartament fir-rue de la Grande Chaumière. Meta kienu hemm Jeanne Hébuterne u Amedeo Modigliani pinġew bosta ritratti ta' xulxin u tagħhom infushom.

Għalkemm Modigliani baqa' jpinġi, saħħtu kienet sejra lura bl-għaġla, u spiss kien jintilef minn sensieh minħabba x-xorb. Fl-1920, wieħed mill-ġirien li kien joqgħod isfel, meta ma' semgħax ħosshom għal xi ġranet, tela' fuq biex jara xinhu jiġri u sab ‘l Modigliani fis-sodda jehwden u mqabbad ma' Jeanne li kienet tqila kważi disa' xhur. Bagħtu għat-tabib imma għal xejn għax Modigliani kien qiegħed imut bil-meninġite tuberkulari li dak iż-żmien ma' kinetx titfejjaq.

Modigliani miet fl-24 ta' Jannar 1920. Għall-funeral marru ħafna nies, fosthom, numru kbir mill-komunitajiet artistiċi ta' Montmartre u Montparnasse. Jeanne Hébuterne ħaduha toqgħod mal-ġenituri tagħha, fejn qalbha maqsuma bin-niket, ntefet minn tieqa tal-ħames sular, jumejn wara l-mewt ta' Modigliani. Magħha mietet it-tarbija li kienet tqila biha. Modigliani ndifen fiċ-ċimiterju ta' Père Lachaise u Jeanne Hébuterne indifnet fiċ-ċimiterju ta' Bagneux ħdejn Pariġi u baqgħet hemm sal-1930 meta l-familja tagħha fl-aħħar qablu li tindifen ħdejn żewġha.

Modigliani miet fqir u bla sold — irnexxielu jagħmel esibizzjoni “solo” waħda biss f'ħajtu u kien ipartat il-pitturi ma' xi ikla f'ristorant. Daż-żmien, Modigliani hu meqjus bħala wieħed mill-ikbar artisti tas-seklu 20 u x-xogħlijiet tiegħu jintwerew fil-mużewijiet l-iżjed importanti tad-dinja. L-skulturi rarament jidhru għall-bejgħ u l-ftit pitturi li jinbiegħu iġibu iżjed min 15-il miljun Ewro. Il-pittura Nu couché, f'Novembru tal-2003, ġabet 26.887.500 dollaru.

Gallerija

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika