Aigai

belt kapitali antika tal-Maċedonja, il-Greċja

Aigai jew Aegae (bil-Grieg Antik: Αἰγαί), Aegeae jew Aigeai (bil-Grieg: Αἰγέαι) kienet il-belt kapitali oriġinali tal-Maċedonja, renju tal-qedem f'Emathia fit-Tramuntana tal-Greċja. Currently the site falls within the town of Vergina.[1][2]

Munita ta' Aegae tal-aħħar tar-renju ta' Amyntas I, fil-Maċedonja Akemenidi, għall-ħabta tal-510–480 Q.K. Fuq il-lemin mogħża għarkopptejha u b'rasha lura; u qabel u fuq ix-xellug għamla kwadra maqsuma f'erba'.

Is-sede tal-gvern iktar 'il quddiem ġiet ittrasferita lejn Pella, li kienet tinsab f'medda kostali tal-Golf Termajku. Il-pjanura attwali tal-Maċedonja ċentrali ma kinitx għadha teżisti, u t-territorju tagħha kien maqsum bejn il-Lag ta' Ludias u art bassasa. Il-pjanura nħolqot bid-drenaġġ u bir-radam fiż-żminijiet moderni. Il-belt kapitali antika baqgħet il-"qalba"[3] tar-renju tal-Maċedonja u l-post tad-dfin tar-rejiet tiegħu. Dawn kienu membri tad-dinastija Temenida, li kienu dixxendenti mid-dinastija Perdicca.

Il-katavru ta' Alessandru Manju x'aktarx li ġie midfun f'Aegae,[4] fejn missieru Filippu II tal-Maċedonja nqatel minn Pausanias ta' Orestis, iżda mbagħad ittieħed lejn Memphis minħabba l-intriċċi ta' Tolomew I Soter.[5]

Il-palazz li ġie skavat dan l-aħħar jitqies li huwa l-ikbar palazz tal-Greċja Klassika, u flimkien mal-Parthenon, jitqies bħala wieħed mill-iżjed binjiet sinifikanti tal-perjodu.[6]

Fl-1996, is-sit arkeoloġiku ta' Aigai tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-importanza monumentali tiegħu fiċ-ċivilizzazzjoni tal-Punent u l-arkitettura eċċezzjonali tiegħu.[7]

Qabar ta' Filippu II u l-Palazz ta' Aigai

immodifika

Fl-1977, l-arkeologu Grieg Manolis Andronikos beda l-iskavi fit-Tumbata l-Kbira f'Aegae u sab li żewġ oqbra mill-erba' oqbra fit-tumbata tal-ħamrija u tar-radam ma kinux mimsusa. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ oqbra, u b'mod partikolari l-Qabar II, kien fih teżori u oġġetti tal-għaġeb ta' kwalità u sofistikezza kbira.

Għalkemm kien hemm dibattitu sħiħ għal xi snin, intwera li l-Qabar II kien dak ta' Filippu II kif indikat minn bosta karatteristiċi, inkluż ix-xedd tad-difiża tar-riġlejn, fejn wieħed minnhom kellu għamla konsistenti mar-riġel tiegħu b'tibja mhux allinjata (ġie ddokumentat li Filippu II kien kiser it-tibja tiegħu). Barra minn hekk, il-fdalijiet tal-kranju kellhom ħsara fin-naħa tal-għajn tal-lemin ikkawżata mill-penetrazzjoni ta' oġġett (li storikament ġie ddokument li kien vleġġa).

L-iżjed riċerka reċenti tagħti iktar evidenza li l-Qabar II fih il-fdalijiet ta' Filippu II.

Palazz ta' Aigai

L-iżjed binja importanti li ġiet skoperta hi dik tal-palazz monumentali. Din il-binja tinsab fuq promontorju eżatt taħt l-akropoli; fiha żewġ jew x'aktarx tliet sulari u hija ċċentrata f'bitħa kbira fil-beraħ b'mogħdijiet b'kolonni Doriċi fil-ġnub. Fin-naħa tat-Tramuntana kien hemm gallarija kbira b'veduta tal-palk tat-teatru fil-qrib u tal-pjanura kollha tal-Maċedonja. Il-palazz kien imżejjen b'mod lussuż, b'artijiet tal-mużajk, b'ħitan tal-ġibs impittrin, u b'madum b'riljievi fini. Il-komponenti arkitettoniċi tal-ġebel kienu miksijin bi stukko tal-irħam ta' kwalità għolja. Permezz tal-iskavi l-kostruzzjoni tal-binja ġiet datata li tmur lura għal żmien ir-renju ta' Filippu II, minkejja li huwa kellu palazz ukoll fil-belt kapitali ta' Pella. Ġie ssuġġerit li l-binja ġiet iddisinjata mill-arkitett Pytheos ta' Priene, magħruf għax-xogħol tiegħu fil-Mawżolew ta' Halicarnassus u għall-fehmiet tiegħu rigward l-ippjanar urban u l-proporzjonijiet arkitettoniċi). It-teatru, li jmur lura wkoll għat-tieni nofs tas-seklu 4 Q.K., kien assoċjat mill-qrib mal-palazz.

Kważi 30 kolonna kbira madwar il-peristil prinċipali tal-palazz ġew rikostruwiti, uħud minnhom għoljin 25 pied. Il-freġju fis-sezzjoni tan-Nofsinhar tal-peristil ġie rikostruwit wkoll. Iktar minn 5,000 pied kwadru ta' mużajk b'firxa wiesgħa ta' xeni, inkluż dik ta' Ewropa u motivi min-natura, ġew ikkonservati sew.

Il-Palazz ta' Aigai huwa l-ikbar binja tal-Greċja Klassika u huwa l-post fejn Alessandru Manju ġiet ipproklamat re fit-336 Q.K.

Il-Palazz ta' Aigai reġa' fetaħ għall-pubbliku f'Jannar 2024 wara restawr estensiv li dam 16-il sena.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Is-Sit Arkeoloġiku ta' Aigai ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[7]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Aigeai, Vergina, Veroia – Digital Atlas of the Roman Empire". imperium.ahlfeldt.se. Miġbur 2024-04-21.
  2. ^ Richard Talbert, ed. (2000). Barrington Atlas of the Greek and Roman World. Princeton University Press. p. 50. ISBN 978-0-691-03169-9.
  3. ^ ἑστία, Diod. p. 563.
  4. ^ Pausanias (1918). "6.3". Description of Greece. Vol. 1.
  5. ^ Diodorus Siculus. Bibliotheca historica (Historical Library). Vol. 16.91, 92.
  6. ^ "Αιγές (Βεργίνα) | Museum of Royal Tombs of Aigai -Vergina". web.archive.org. 2018-12-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-12-29. Miġbur 2024-04-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Aigai (modern name Vergina)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-22.