Ħal Għaxaq
Ħal Għaxaq hu villaġġ żgħir fix-Xlokk ta' Malta li jinsab taħt l-għolja taż-Żejtun, u qiegħed f'nofs Wied iz-Ziju u Wied il-Garnaw, lil hinn minn Bir id-Deheb; Il-villaġġ għandu perċentaġġ għoli ta' kampanja naturali, bi ftit attività kummerċjali, u fuq ix-xaqliba tal-Garnaw jeżistu għadd ta' fabbriki u industriji ħfief. Ħal Għaxaq ħareġ mill-parroċċa taż-Żejtun fl-1626 u l-parroċċa tiegħu hija ddedikata lill-Assunta jew, kif inhi magħrufa, bħala Santa Marija. Il-Festa titulari tiġi ċċelebrata fil-15 ta' Awwissu.
Ħal Għaxaq | |||
---|---|---|---|
Malta | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Malta | ||
Reġjuni ta’ Malta | Reġjun tan-Nofsinnhar | ||
Ismijiet oriġinali | Għaxaq | ||
Kodiċi postali |
GXQ | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 35°50′54″N 14°31′02″E / 35.8483°N 14.5172°EKoordinati: 35°50′54″N 14°31′02″E / 35.8483°N 14.5172°E | ||
Superfiċjenti | 3.9 kilometru kwadru | ||
Għoli | 76 m | ||
Fruntieri ma' | Ħal Luqa | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 4,722 abitanti (31 Marzu 2014) |
Knisja parrokkjali
immodifikaIl-Knisja Parrokjali hija ddedikata lil Santa Marija. Fl-20 ta’ Diċembru 1733 l-Isqof Fra Paolo Alpheran de Bussan qiegħed l-ewwel ġebla tat-tielet knisja f’Ħal Għaxaq - il-knisja li hemm illum. Skond ir-rit Ruman, l-ewwel ġebla kienet tkun taħt il-pilastru tan-naħa tal-Evanġelu. Il-Perit kien Sebastiano Saliba u l-knisja għandha forma ta’ salib Latin bi stil Barokk qawwi fiha. Il-50 sena ta’ xogħol, tbatija u sagrifiċċju raw il-frott tagħhom fil-jum tal-konsagrazzjoni tal-Knisja, nhar il-Ħadd, 2 ta’ Mejju 1784, meta l-Isqof Mons. Vincenzo Labini, imdawwar bil-kleru u l-poplu Għaxqi, ikkonsagra l-knisja l-ġdida u ddedikaha lill-Verġni Marija Mtellgħa s-Sema. Din il-knisja għandha diversi opri tal-arti mill-isbaħ. Insibu fost l-oħrajn l-istatwi tal-Madonna ta' Fatima, tar-Rużarju, ta' San Ġużepp u sett tal-Ġimgħa l-Kbira, iżda l-Għaxqin huma l-aktar kburin bl-istatwa titulari tagħhom, dik ta' Santa Marija. Din inħadmet minn zokk ta' siġra taż-żebbug fl-1808 mill-artist famuż Malti Marjanu Gerada u hija meqjusa bħala l-kapolavur tiegħu, tant li serviet bħala mudell għal diversi statwi oħrajn tal-Assunta, fosthom dawk tal-Imqabba u ta' Ħad-Dingli.
Insibu wkoll bosta xogħlijiet ta' pitturi mill-isbaħ, magħmula minn ħafna artisti kbar Maltin fosthom Gian Nikol Buhagiar, li pitter il-kwadru titulari tat-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna; Francesco Zahra, Emvin Cremona, Rokku Buhagiar u Ġanni Vella, fost oħrajn. Apparti l-festa titulari ta' Santa Marija, f'din il-parroċċa jsiru diversi festi sekondarji oħra matul is-sena, fosthom dik ta' San Ġużepp, il-Madonna tar-Rużarju, u Corpus. Ta' min jgħid li f'dan ir-raħal, il-purċissjoni bl-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira ssir nhar Ħadd il-Palm filgħaxija.
Każini tal-banda
immodifikaL-Għaxqin għandhom ħafna għal qalbhom il-festi tagħhom u li dejjem komplew jitkabbru matul is-snin. L-armar mat-toroq kollha tar-raħal fiż-żewġ festi, il-briju, in-nar, il-knisja parrokjali mżejna bl-isbaħ libsa u, fuq kollox, id-dedikazzjoni juru kemm l-Għaxqin iħobbu b'imħabba liema bħala lill-Patruna Ewlenija, Protettriċi u l-Omm waħdanija li tgħaqqadhom: Santa Marija, taħt it-titlu tat-tlugħ fis-sema tagħha, kif ukoll żewġha San Ġużepp, li flimkien ħaddnu s-Sagra Familja. Għal dan il-għan, tul is-snin twaqqfu żewġ Għaqdiet Mużikali biex ikomplu jkabbru l-festi tar-raħal.
Għaqda Mużikali Santa Marija Ħal Għaxaq
immodifikaKif juri l-isem, din l-għaqda mużikali Għaxqija twaqqfet uffiċjalment f'Ħal Għaxaq fl-1873 bil-għan li tkompli tkabbar il-festa titulari, speċjalment fil-festi ta' barra u tkabbar l-element mużikali u kulturali fir-raħal ta' Ħal Għaxaq.
Fl-1934 twaqqfet ukoll il-Banda fi ħdan din l-ewwel Għaqda Soċjali fir-raħal u llum ħadet isimha għall-kunċerti mill-isbaħ li torganizza ta' kull sena fil-jiem tal-festa titulari. Illum il-ġurnata l-partitarji Stillieri jiltaqgħu f'bini ġdid u mill-isbaħ fil-pjazza ewlenija ta' Ħal Għaxaq. Dan il-każin iġib l-isem ta' Palazz Santa Marija u nfetaħ uffiċjalment fit-30 ta' Lulju 2009 mill-Onor. Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi, wara programm mill-isbaħ fejn indaqqu bosta siltiet mużikali tal-aqwa kompożituri fid-dinja. Il-ftuħ uffiċjali ta' dan il-każin ħabat mal-25 sena mill-anniversarju tal-ftuħ tal-ewwel binja, li kien infetaħ mill-President Emeritu s-Sinjorina Agata Barbara. Matul is-snin il-festa titulari kompliet tikber f'ħafna aspetti u dejjem għolliet isem ir-raħal. Fejn jidħol in-nar, din l-Għaqda ħadet sehem għal diversi drabi kemm fil-Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art fil-Furjana kif ukoll fil-Festival Internazzjonali tan-Nar tal-Arju ġewwa l-Port il-Kbir, u qatt ma reġgħet lura r-raħal mingħajr xi unur (il-lista kollha tidher ftit aktar 'l isfel). Apparti dawn il-Festivals, ta' kull sena toħroġ bl-unuri kollha bl-ispettaklu tan-nar sinkronizzat mal-mużika li jsir fl-14 ta' Awwissu, lejlet il-festa tal-Patruna tar-raħal.
Propju fl-2008, fl-okkażjoni tal-200 sena mill-miġja tal-istatwa meraviljuża tal-Assunta, giet inawgurata statwa ta' San Ġorġ Preca, maħduma minn artist Għaxqi. Il-festa tiġi ċċelebrata ta' kull sena mit-30 ta' Lulju (bidu tal-kwindiċina) sal-qofol tal-festi, fil-15 ta' Awwissu. Din l-Għaqda ħija wkoll magħrufa għal bosta kunċerti kbar li torganizza qabel il-festa, li jafu l-bidu tagħhom fl-aħħar tas-snin 90, bl-isem ta' Street Concert.
F'dawn l-aħħar snin dawn ħadu xejra differenti għall-aħħar u bdew jiġbdu eluf kbar ta' nies minn Malta, Għawdex u saħansitra minn pajjiżi barranin. Il-kunċert beda jiġi organizzat fuq tlett ijiem, fejn fl-aħħar jum jieħdu seħem kemm tributes kif ukoll gruppi oriġinali bħal "Tracy Shields in Celine Dion Tribute" fl-2008; il-Queen "Rhapsody" UK Tribute fl-2009 u l-2011; l-Abba UK fl-2010; Sheila Bonnick bħala l-kantanta mill-ewwel line-up uffiċjali tal-Boney M fl-2011, u l-grupp oriġinali Smokie fis-7 ta' Awwissu 2012.
Ħaġa sabiħa hija l-att ta' karità li ssir fil-Festa kif ukoll fil-Milied permezz tar-radju, fejn f'dawn l-iStreet concerts u fiż-żminjiet tal-Milied jinġabru l-flus għal min hu fil-bżonn.
Unuri
immodifikaFestival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art:
- 2007: L-Aqwa Oriġinalità
- 2010: L-Aqwa Xogħol bil-Qtajjen
Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Ajru:
- 2009: L-Aqwa Forom/Disinji; L-Aqwa Murtaletti; Rebbieħa Uffiċjali tal-Festival
- 2010: Rebbieħa Uffiċjali tal-Festival
Għaqda Mużikali San Ġużepp
immodifikaDin kienet it-tieni soċjetà li twaqqfet fir-raħal. Fil-fatt, din l-Għaqda mużikali twaqqfet biex tieħu ħsieb il-festa sekondarja tal-istess qaddis li ġġib isimha u twaqqfet fl-1874. L-ewwel forma ta' banda, li proprjament kienet orkestra fi ħdan din is-soċjetà, twaqqfet fl-1888 iżda kellha tieqaf ħesrem wara biss ftit snin minħabba problemi li ma kienx hemm kontroll fuqhom. Din reġgħet bdiet tiffunzjona uffiċjalment bħala banda kif nafuha llum fl-1935. Il-partitarji Ġużeppini jipposjedu każin mill-isbaħ ukoll imsejjaħ "il-Meravilja" u jinsab fi Triq Santa Marija, eżattament qabel tidħol fil-pjazza, min-naħa tal-knisja. Bħall-Għaqda Mużikali ta' Santa Marija, din l-Għaqda taħdem ħafna wkoll biex tgħolli isem ir-raħal fl-aspetti mużikali u kulturali tal-lokal. Il-festa sekondarja fir-raħal ħadet xejra oħra u kibret aktar meta fl-1975, il-Kurja neħħiet ir-regolamenti fuq il-festi sekondarji. Għalkemm din hija festa sekondarja, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp ġabet unuri kbar, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. L-aħħar unur kien fi Spanja, meta rebħet kompetizzjoni internazzjonali.
Postijiet ta' interess
immodifikaFost il-ħafna bini importanti nsibu dar unika msejħa d-Dar tal-Bebbux. Din hija dar unika f'Malta u dan għaliex hija miksija bil-bebbux li joħolqu ħafna disinji reliġjużi. Dan ix-xogħol kien sar minn sid id-dar fil-bidu tas-seklu 19 meta d-dar kienet għadha bħala ħanut tax-xorb. Din id-dar kienet ukoll il-post fejn nibtet ix-xewqa biex f'Ħal Għaxaq isir ukoll l-ewwel każin soċjali, dak tal-festa titulari ta' Marija Assunta (magħrufa aktar bħala Santa Marija).
Post ieħor huwa t-Turretta li kienet tintuża mill-għassiesa tal-gżejjer biex jgħassu r-raħal u l-madwar.
Kappelli
immodifikaKappella ta' Santa Luċija
immodifika'Il barra sew mir-raħal ta' Ħal Għaxaq wieħed isib kappella ċkejkna li, minflok in-natura li kienet iddawwarha fl-antik, illum wieħed jara bosta fabbriki u bini li, nistgħu ngħidu, tellfu mill-isbuħija naturali li kienet tgawdi din il-kappella. Din tinsab eżattament fil-bidu tat-triq li minn Triq Tal-Barrani, f'Ħal Tarxien, wieħed jaqsam biex jidħol il-Gudja. Propju ftit aktar 'l isfel mill-kappella, wieħed isib iċ-ċimiterju tal-Gudja. Din il-knisja nbniet fl-1535 fuq art u bi flus il-knisja Kattedrali tal-Imdina, għalhekk hija proprjetà tagħhom. Wara ġiet irranġata mill-ġdid min-Nobbli Pawlu Pellegrino. Fiha artal wieħed, u s-sagristija tagħha ġiet mibnija minn Wiġi Agius. Riċentament din il-kappella reġgħet ġiet irranġata minn ħafna Għaxqin stess.
Tajjeb li ngħidu li għalkemm storikament u parrokjalment tagħmel parti mill-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq u fil-bidu tat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali kienet parti mill-istess raħal, illum il-ġurnata saret parti mil-lokalità ta’ Santa Luċija, wara talba li saret mill-Kunsill Lokali t’hemmhekk.
Kappella ta' San Filippu
immodifikaF'misraħ żgħir li jinsab fuq wara tal-knisja parrokjali u jġib l-isem tal-qaddis San Filippu, insibu kappella żgħira fil-kobor iżda kbira fix-xogħol artistiku ta' pitturi li jżejnuha u fil-lavur tal-ġebla Maltija. Hija ddedikata lil San Filippu Neri u fl-1796 laħqet għad-dinjità ta' Bażilika Minuri affiljata mal-knisja ta' San Ġwann Lateran f'Ruma. Il-knisja bdiet tinbena fit-23 ta’ Jannar 1761, u tlestiet fit-3 ta’ Lulju 1762, fuq id-disinn tal-Perit Sebastjan Saliba, l-istess perit tal-knisja parrokjali ta' Ħal Għaxaq iddedikata lill-Assunta. Din tbierket minn Dun Ġwann Filippu Żammit fid-9 ta’ Mejju 1763, li tagħha hu kien is-sid u l-ħsieb biex tinbena.
Kappella ta' Santu Kristu
immodifikaHekk kif minn tal-Barrani f'Ħal Tarxien taqsam fi Triq il-Belt Valletta f'Ħal Għaxaq, issib kappella żgħira li tilqgħek f'dan ir-raħal pittoresk. Il-knisja hija ddedikata lir-Redentur u msejħa Ta' Santu Kristu, għandha devozzjoni kbira mhux biss mill-parruċċani ta' Ħal Għaxaq imma anke mill-irħula tal-madwar. Jingħad li l-istimatur tal-art, Mikilanġ Żammit, fl-1806, ġieh il-ħsieb li jwassal fir-raħal tiegħu d-devozzjoni lejn il-Passjoni ta’ Ġesù Kristu billi jibni niċċa fit-triq ewlenija li twasslek għal Ħal Għaxaq, preċiżament fil-quċċata fejn kienu jsibuha bħala Kalamija. F’waħda min-niċeċ fl-1808 ġiet imqiegħda l-istatwa tar-Redentur, xogħol Mastru Pawl Cassar, minn Bormla, student ta’ Marjanu Gerada. Twajjeb ieħor inqala’ sabiex jagħmel minn butu n-niċċa tal-Veronika. Sal-1808 kien hemm dejjem id-devozzjoni lejn dik ix-xbieha, li din tat ħsieb lill-qassis mill-istess raħal, Dun Ġużepp Demicoli, li jibni knisja minflok in-niċċa, u fiha jqiegħed l-istatwa ta’ Ġesù Kristu mgħobbi bis-salib. Fis-17 ta’ Ottubru 1852, il-Kappillan Dun Tumas Naudi ġie purċissjonalment għal-lok, bierek l-ewwel ġebla u niseġ kelmtejn għall-okkażjoni. Il-knisja l-ġdida fil-għodwa tal-25 ta’ Settembru 1859, ġiet imbierka mir-Reverendissmu Kanonku Dun Filippu Amato, Vigarju Ġenerali. Biswit dan is-santwarju ħemm dar ċkejkna li kienet tintuża mis-Sorijiet Franġiskani meta kienu f'dan ir-raħal. Issir ukoll festa żgħira b'quddiesa u festin ħdejn il-kappella fil-15 ta' Settembru ta' kull sena.