Ġonna ta' Hevsel
Il-Ġonna ta' Hevsel (bit-Tork: Hevsel Bahçeleri) huma seba' mitt ettaru ta' raba' għammiel u ikkultivat ħdejn ix-xmara Tigris fil-Lvant tat-Turkija, bejn il-Fortizza ta' Diyarbakır u x-xmara. Il-belt iffortifikata fl-imgħoddi kienet ikkonfinata b'sistema f'żewġ partijiet ta' swar difensivi, u l-ġonna, alimentati minn fawwariet fix-xaqliba wieqfa ta' taħthom, kellhom rwol vitali biex iwasslu l-ilma u l-provvisti lill-belt. Il-Ġonna ta' Hevsel tniżżlu fil-lista ta' siti indikattivi tal-UNESCO fl-2013[1], u saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015, flimkien mas-swar tal-Fortizza ta' Diyarbakır bħala pajsaġġ kulturali.[2]
Storja
immodifikaIl-Ġonna ta' Hevsel jissemmew għall-ewwel darba fil-ġrajjiet ta' Aramea li jmorru lura għas-seklu 9 Q.K., l-insedjament ta' Diyarbakır fuq l-għolja ta' fuqhom li kien ġie stabbilit qabilhom. Diyarbakır (li oriġinarjament kienet imsejħa Amid), inbniet fuq xaqliba tal-bażalt li tħares fuq ix-xmara Tigris. Fit-866 Q.K., il-belt ġiet assedjata mir-Re tal-Assirjani Ashurnasirpal II u meta nħakmet, il-ġonna nqerdu bħala forma ta' kastig. Il-belt iffortifikata kienet importanti ferm fir-reġjun matul il-perjodu Ellenistiku, kif ukoll matul żmien ir-Rumani, is-Sassanidi, il-Biżantini, il-Musulmani u l-Imperu Ottoman sa żminijietna.[2]
Il-Ġonna ta' Hevsel ġew stabbiliti bejn il-belt u x-xmara, bl-objettiv li l-abitanti jkollhom provvisti tal-ilma u tal-ikel. Diversi fawwariet ifeġġu minn taħt il-bażalt u l-ġonna huma maqsuma f'ħames għelieqi mtarrġin fuq ir-raba' biswit ix-xmara Tigris.[3] L-għelieqi mtarrġin ġew iffurmati tul millenji sħaħ ta' fluss imserrep tax-xmara fil-wied wiesa' u li xi kultant ħaffret baċir iktar fond għaliha stess. Il-parti ta' fuq nett tal-ġonna x'aktarx li kienet kritika għall-għażla tal-post fejn kellha tiġi stabbilita tal-belt; il-ġonna kienu meqjusa bħala sagri minħabba r-rwol importanti tal-provvisti għall-belt. Il-ġonna tqabblu saħansitra mal-Ġnien tal-Eden.[4]
Sal-1655 il-ġonna kienu jinkludu ż-żewġ xtut tat-Tigris u jingħad li kienu mimlijin siġar tal-frott, vinji, ward u ħxejjex aromatiċi bħal pereżempju l-ħabaq. Xi vjaġġaturi tas-seklu 19 irrapportaw li raw varjetà kbira ta' ħxejjex u frott imkabbar hemmhekk, u kkummentaw li kien hemm bettieħ, għeneb, berquq u dulliegħ, li kienu jitkabbru fuq il-gżejjer bir-ramel li ffurmaw fix-xmara. Il-ġonna ġew integrati mal-belt, b'siġar tal-luq u tal-frott li kienu jisseparaw il-ġonna differenti fejn jitkabbru l-ħxejjex, u l-ilma mormi mill-belt kien jiġi kanalat għat-tisqija tal-ġonna biex ikunu iktar għammiela u biex iħaddem l-imtieħen tal-ilma. Is-siġar taċ-ċawsli kienu jitkabbru biex jappoġġaw l-industrija tal-ħarir fil-belt, u l-injam kien jiġi prodott mis-siġar tal-luq u taż-żafżafa, biex imgħad kien jiġi ttrasportat fuq ċattri lejn il-provinċja ta' Mosul, fl-Iraq.[4]
Illum il-ġurnata, kważi terz tas-superfiċe tal-ġonna tintuża għat-tkabbir tas-siġar tal-luq u l-kumplament tintuża għall-kultivazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' għelejjel, fosthom kaboċċi, spinaċi, ħass, ravanell, basal aħdar, tursin, krexxun, brunġiel, qargħa ħamra, tadam, bżar, fażola, ħawħ, berquq, għanbaqar, ċirasa, tin, ċawsli u lewż.[4]
Konservazzjoni
immodifikaIl-Ġonna ta' Hevsel għadhom jiġu kkultivati sa llum il-ġurnata, iżda l-integrità tagħhom hija mhedda minn negozji mhux awtorizzati u minn abitazzjonijiet li ġew stabbiliti fil-bażi tal-fortizza. Tħassib ieħor huma l-kanali tad-dranaġġ imblukkati u l-kwalità tal-ilma. L-estrazzjoni tal-ilma iktar 'il fuq fil-Wied ta' Tigris naqqset il-fluss tal-ilma fix-xmara u naqqset l-għargħar perjodiku tar-raba'. Ġew stabbiliti żoni ta' lqugħ, iżda l-ġonna jitqiesu bħala vulnerabbli.[2]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Pajsaġġ Kulturali tal-Fortizza ta' Diyarbakır u tal-Ġonna ta' Hevsel ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Referenzi
immodifika- ^ "Hevsel Bahçeleri de UNESCO'ya aday". Sabah (bit-Tork). Miġbur 2022-03-21.
- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Diyarbakır Fortress and Hevsel Gardens Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-21.
- ^ Kuzucuoğlu, Catherine; Çiner, Attila; Kazancı, Nizamettin (2019). Landscapes and Landforms of Turkey. Springer. p. 138. ISBN 978-3-030-03515-0.
- ^ a b ċ "Cultural Landscape".