Ġonna Klassiċi ta' Suzhou
Il-Ġonna Klassiċi ta' Suzhou (biċ-Ċiniż: 苏州园林; bil-Pinjin: Sūzhōu yuánlín; bid-djalett ta' Suzhou (Wugniu): sou1-tseu1 yoe2-lin2) huma grupp ta' ġonna fil-belt ta' Suzhou, f'Jiangsu, iċ-Ċina, li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]
Dawn il-ġonna jkopru perjodu ta' kważi elf sena, minn żmien id-dinastija Song tat-Tramuntana sal-aħħar tad-dinastija Qing (is-sekli 11-19). Il-biċċa l-kbira minnhom inbnew minn studjużi, li standardizzaw bosta mill-karatteristiċi tad-disinn tal-ġonna klassiċi Ċiniżi b'pajsaġġi maħluqa b'xenarji naturali taparsi bil-blot, bl-għoljiet u bix-xmajjar, b'paviljuni u b'pagodi ppożizzjonati b'mod strateġiku.[2]
L-estetika u s-sottilezza eleganti tal-ġonna ta' dawn l-istudjużi, kif ukoll l-istil u l-karatteristiċi delikati tagħhom, spiss ġew imitati f'diversi ġonna f'inħawi oħra taċ-Ċina, inkluż id-diversi Ġonna Imperjali, bħal dawk tal-Kumpless tal-Muntanji u tat-Tempji ta' Chengde. Skont l-UNESCO, il-ġonna ta' Suzhou "jirrappreżentaw l-iżvilupp tad-disinn tal-ġonna pajsaġġistiċi Ċiniżi matul iktar minn elfejn sena", u huma l-"iżjed forma raffinata" ta' arti tal-ġonna.[3]
Dawn il-ġonna pajsaġġistiċi ffjorixxew matul nofs id-dinastija Ming sal-bidu tad-dinastija Qing, u rriżultaw f'saħansitra 200 ġnien privat. Illum il-ġurnata, hemm 69 ġnien ippreservat f'Suzhou u kollha huma ddeżinjati bħala "Siti ta' Wirt Nazzjonali" protetti. Fl-1997 u fis-sena 2000, tmienja mill-ifjen ġonna f'Suzhou flimkien mal-ġnien fir-raħal tal-qedem fil-qrib ta' Tongli tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO biex jirrappreżentaw l-arti tal-ġonna klassiċi tal-istil ta' Suzhou.[4]
Fost id-disinjaturi famużi tal-ġonna ta' Suzhou hemm Zhang Liang, Ji Cheng, Ge Yuliang u Chen Congzhou.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Ġonna Klassiċi ta' Suzhou ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997 u s-sit ġie estiż fis-sena 2000.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Komponenti
immodifikaRitratt | Isem | Data tad-deżinjazzjoni |
---|---|---|
Il-Ġnien tal-Amministratur Umli (biċ-Ċiniż: 拙政园/拙政園; bil-Pinjin: Zhuōzhèng Yuán) | 1997 | |
Il-Ġnien tat-Tlajjar (biċ-Ċiniż: 留园/留園; bil-Pinjin: Liú Yuán) | 1997 | |
Il-Ġnien tal-Mastru tax-Xbieki (biċ-Ċiniż: 网师园/網師園; bil-Pinjin: Wǎngshī Yuán) | 1997 | |
Il-Ġnien tal-Villa Muntanjuża tas-Sbuħija li Tħaddnek (biċ-Ċiniż: 环秀山庄/環秀山莊; bil-Pinjin: Huánxiù Shānzhuāng) | 1997 | |
Il-Ġnien tal-Irtir tal-Koppji (biċ-Ċiniż: 耦园/耦園; bil-Pinjin: Ŏu Yuán) | 2000 | |
Il-Ġnien tal-Kultivazzjoni (biċ-Ċiniż: 艺圃/藝圃; bil-Pinjin: Yì Pǔ) | 2000 | |
Il-Ġnien tal-Paviljun tal-Mewġa l-Kbira (biċ-Ċiniż: 沧浪亭/滄浪亭; bil-Pinjin: Cāng Làng Tíng) | 2000 | |
Il-Ġnien tal-Moħba tal-Iljun (biċ-Ċiniż: 狮子林园/獅子林園; bil-Pinjin: Shī Zǐ Lín Yuán) | 2000 | |
Il-Ġnien tal-Irtir u tar-Riflessjoni (biċ-Ċiniż: 退思园/退思園; bil-Pinjin: Tuìsī Yuán) | 2000 |
Pjan ta' monitoraġġ komprensiv
immodifikaIs-sit jiġi mmonitorjat skont pjan ta' monitoraġġ komprensiv u minn żmien għal żmien isiru proġetti pprogrammati ta' żamma u ta' konservazzjoni fil-ġnien kollha. L-Uffiċċju Amministrattiv Muniċipali tal-Ġonna ta' Suzhou huwa responsabbli għat-twettiq ta' dawn il-proġetti.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ "Classical Gardens of Suzhou". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-27.
- ^ "Classical Gardens". web.archive.org. 2012-08-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-08-24. Miġbur 2024-08-27.
- ^ Liu, Dunzhen and Joseph C. Wang (1993). Chinese classical gardens of Suzhou. McGraw-Hill. p. 12.
- ^ "Flowing Serenity - The Chinese Garden | Garden | Life Style | October 2010 | emel - the muslim lifestyle magazine". www.emel.com. Miġbur 2024-08-27.